Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0041

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-8 ta’ Novembru 2016.
    Gerard Dowling et vs Minister for Finance.
    Regolament Nru 407/2010/UE – Mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja – Deċiżjoni ta’ implementazzjoni 2011/77/UE – Assistenza finanzjarja mill-Unjoni Ewropea lill-Irlanda – Rikapitalizzazzjoni tal-banek nazzjonali – Dritt tal-kumpanniji – It-Tieni Direttiva 77/91/KEE – Artikoli 8, 25 u 29 – Rikapitalizzazzjoni ta’ bank permezz ta’ ordnijiet ġudizzjarji – Żieda fil-kapital azzjonarju mingħajr deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali u mingħajr ma l-azzjonijiet ġodda ma ġew offruti fuq bażi ta’ prelazzjoni lill-azzjonisti eżistenti – Ħruġ ta’ azzjonijiet ġodda bi prezz inqas mill-valur nominali tagħhom.
    Kawża C-41/15.

    Court reports – general

    Kawża C-41/15

    Gerard Dowling et

    vs

    Minister for Finance

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (l-Irlanda))

    “Regolament Nru 407/2010/UE – Mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja – Deċiżjoni ta’ implementazzjoni 2011/77/UE – Assistenza finanzjarja mill-Unjoni Ewropea lill-Irlanda – Rikapitalizzazzjoni tal-banek nazzjonali – Dritt tal-kumpanniji – It-Tieni Direttiva 77/91/KEE – Artikoli 8, 25 u 29 – Rikapitalizzazzjoni ta’ bank permezz ta’ ordnijiet ġudizzjarji – Żieda fil-kapital azzjonarju mingħajr deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali u mingħajr ma l-azzjonijiet ġodda ma ġew offruti fuq bażi ta’ prelazzjoni lill-azzjonisti eżistenti – Ħruġ ta’ azzjonijiet ġodda bi prezz inqas mill-valur nominali tagħhom”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-8 ta’ Novembru 2016

    Moviment liberu tal-persuni – Libertà ta’ stabbiliment – Kumpanniji – Direttiva 77/91 – Modifika fil-kapital ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata – Rikapitalizzazzjoni, permezz ta’ ordni ġudizzjarja, ta’ bank li jinsab f’sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ likwidità ta’ natura li thedded l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni – Żieda fil-kapital azzjonarju mingħajr deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali u mingħajr ma l-azzjonijiet ġodda ma ġew offruti fuq bażi ta’ prelazzjoni lill-azzjonisti eżistenti – Ammissibbiltà

    (Direttiva tal-Kunsill 77/91, it-tieni premessa u l-Artikoli 8(1), 25 u 29)

    L-Artikolu 8(1) kif ukoll l-Artikoli 25 u 29 tat-Tieni Direttiva 77/91, dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta’ kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 54 TFUE, dwar il-formazzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbiltà limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux miżura, bħalma hija ordni ġudizzjarja, adottata f’sitwazzjoni ta’ tfixkil serju tal-ekonomija u tas-sistema finanzjarja ta’ Stat Membru li thedded l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni, li twassal għal żieda fil-kapital ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, mingħajr il-kunsens tal-laqgħa ġenerali tagħha, bil-ħruġ ta’ azzjonijiet ġodda bi prezz inqas mill-valur nominali tagħhom u mingħajr dritt ta’ prelazzjoni għall-azzjonisti eżistenti.

    Fil-fatt, skont it-tieni premessa tagħha, it-Tieni Direttiva hija intiża li tintroduċi ekwivalenza minima fil-protezzjoni kemm tal-azzjonisti u kemm tal-kredituri tal-kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata. B’hekk, il-miżuri previsti minn din id-direttiva dwar l-inkorporazzjoni kif ukoll dwar iż-żamma, iż-żieda u t-tnaqqis tal-kapital ta’ dawn il-kumpanniji jiggarantixxu l-imsemmija protezzjoni kontra atti meħuda minn korpi tal-imsemmija kumpanniji u jikkonċernaw, għalhekk, il-funzjonament ordinarju tagħhom. Madankollu, l-ordni ġudizzjarja ma tikkostitwixxix att meħud minn korp ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata fl-ambitu tal-funzjonament ordinarju tagħha, iżda hija miżura eċċezzjonali meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali u intiża li tevita, permezz ta’ żieda fil-kapital, l-inadempjenza ta’ tali kumpannija li tkun qiegħda thedded l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni. Issa, il-protezzjoni li t-Tieni Direttiva tagħti lill-azzjonisti u lill-kredituri ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, fir-rigward tal-kapital azzjonarju tagħha, ma tkoprix tali miżura nazzjonali adottata f’sitwazzjoni ta’ tfixkil gravi tal-ekonomija u tas-sistema finanzjarja ta’ Stat Membru u li tkun intiża li tilqa’ għal theddida sistematika għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni, li tirriżulta min-natura insuffiċjenti tal-kapital tal-kumpannija kkonċernata.

    Id-dispożizzjonijiet tat-Tieni Direttiva, għaldaqstant, ma jipprekludux miżura eċċezzjonali li tikkonċerna l-kapital azzjonarju ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, bħalma hija l-ordni ġudizzjarja, li l-awtoritajiet nazzjonali jkunu adottaw, f’sitwazzjoni ta’ tfixkil serju tal-ekonomija u tas-sistema finanzjarja ta’ Stat Membru, mingħajr l-approvazzjoni tal-laqgħa ġenerali ta’ din il-kumpannija u bil-għan li jiġi evitat riskju sistematiku u li tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni.

    (ara l-punti 49-51 u 55, u d-dispożittiv)

    Top