EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0028

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-15 ta’ Settembru 2016.
Koninklijke KPN NV et vs Autoriteit Consument en Markt (ACM).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Qafas regolamentari komuni għan-netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/21/KE – Artikoli 4 u 19 – Awtorità regolamentari nazzjonali – Miżuri ta’ armonizzazzjoni – Rakkomandazzjoni 2009/396/KE – Portata ġuridika – Direttiva 2002/19/KE – Artikoli 8 u 13 – Operatur ikkwalifikat bħala li jiddisponi minn saħħa sinjifikanti fis-suq – Obbligi imposti minn awtorità regolamentari nazzjonali – Kontroll tal-prezzijiet u obbligi relatati mas-sistema ta’ kontabilizzazzjoni tal-ispejjeż – Tariffi ta’ terminazzjoni ta’ telefonati fissi u ċellulari – Firxa tal-kontroll li l-qrati nazzjonali jistgħu jeżerċitaw fuq id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet regolamentari nazzjonali.
Kawża C-28/15.

Court reports – general

Kawża C-28/15

Koninklijke KPN NV et

vs

Autoriteit Consument en Markt (ACM)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Qafas regolamentari komuni għan-netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi — Direttiva 2002/21/KE — Artikoli 4 u 19 — Awtorità regolamentari nazzjonali — Miżuri ta’ armonizzazzjoni — Rakkomandazzjoni 2009/396/KE — Portata ġuridika — Direttiva 2002/19/KE — Artikoli 8 u 13 — Operatur ikkwalifikat bħala li jiddisponi minn saħħa sinjifikanti fis-suq — Obbligi imposti minn awtorità regolamentari nazzjonali — Kontroll tal-prezzijiet u obbligi relatati mas-sistema ta’ kontabilizzazzjoni tal-ispejjeż — Tariffi ta’ terminazzjoni ta’ telefonati fissi u ċellulari — Firxa tal-kontroll li l-qrati nazzjonali jistgħu jeżerċitaw fuq id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet regolamentari nazzjonali”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-15 ta’ Settembru 2016

  1. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Settur tat-telekomunikazzjonijiet – Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Qafas regolamentari – Direttivi 2002/19 u 2002/21 – Stħarriġ minn qorti nazzjonali ta’ deċiżjoni ta’ awtorità regolamentari nazzjonali li timponi obbligi tariffarji fis-suq tat-terminazzjoni tat-telefonati u li ma ssegwix rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni – Nuqqas ta’ poter li ma tiġix segwita din ir-rakkomandazzjoni – Limiti – Motivi marbuta mal-karatteristiċi speċifiċi tas-suq

    (Artikolu 288 TFUE ; Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/19, Artikoli 8 u 13, u 2002/21, Artikolu 4(1)); Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2009/396)

  2. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Settur tat-telekomunikazzjonijiet – Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Qafas regolamentari – Direttivi 2002/19 u 2002/21 – Stħarriġ mill-qorti nazzjonali ta’ deċiżjoni ta’ awtorità regolamentari nezzjonali li timponi obbligi tariffarji fis-suq tat-terminazzjoni ta’ telefonati – Evalwazzjoni tal-proporzjonalità – Ammissibbiltà – Obbligu li jintwera t-twettiq effettiv tal-għanijiet stabbiliti fl-imsemmija direttivi – Assenza

    (Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/19, Artikoli 8(4) u 13, u 2002/21, Artikoli 6, 7 u 8 ; Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2009/396)

  1.  L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/21, dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru), kif emendata bid-Direttiva 2009/140, moqri flimkien mal-Artikoli 8 u 13 tad-Direttiva 2002/19, dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva tal-Aċċess), kif emendata bid-Direttiva 2009/140, għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq kawża dwar il-legalità ta’ obbligu tariffarju impost mill-awtorità regolatorja nazzjonali (ARN) għall-provvista tas-servizzi ta’ terminazzjoni ta’ telefonati fissi u ċellulari, tista’ biss tinjora r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2009/396, dwar it-Trattament Regolatorju tar-Rati ta’ Terminazzjoni ta’ Telefonati Fissi u Ċellulari fl-Unjoni Ewropea li tagħti preċedenza lill-mudell ta’ kalkolu tal-ispejjeż imsejjaħ “Bulric strett” (Bottom-Up Long-Run Incremental Costs) bħala miżura xierqa għar-regolamentazzjoni tal-prezzijiet fis-suq tat-terminazzjoni tat-telefonati jekk din tqis li motivi marbuta maċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari mal-karatteristiċi speċifiċi tas-suq tal-Istat Membru inkwistjoni, jeħtieġu dan.

    Fil-fatt, mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Kwadru jirriżulta li d-dritt għal azzjoni legali żgurat minn din id-dispożizzjoni għandu jkun ibbażat fuq mekkaniżmu ta’ rimedju effettiv li jippermetti li l-mertu tal-każ jittieħed inkunsiderazzjoni debitament. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni tippreċiża li l-korp kompetenti li jisma’ tali azzjoni, li jista’ jkun qorti, għandu jkollu l-kompetenzi xierqa għall-eżerċizzju effettiv tal-funzjonijiet tiegħu. Għalhekk, meta qorti nazzjonali jkollha quddiemha tilwima dwar il-legalità ta’ obbligu tariffarju impost mill-ARN b’applikazzjoni tal-Artikoli 8 u 13 tad-Direttiva tal-Aċċess, qorti nazzjonali tista’ ma ssegwix ir-Rakkomandazzjoni 2009/396, madankollu, għalkemm ir-rakkomandazzjonijiet ma humiex intiżi li jipproduċu effetti vinkolanti, il-qrati nazzjonali huma marbuta li jieħdu inkunsiderazzjoni r-rakkomandazzjonijiet sabiex jiddeċiedu l-kawżi li jitressqu quddiemhom, b’mod partikolari meta huma jiċċaraw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali adottati bil-għan li jimplementawhom jew meta l-għan tagħhom ikun li jikkomplementaw dispożizzjonijiet tal-Unjoni ta’ natura vinkolanti.

    (ara l-punti 39, 40-43, dispożittiv 1)

  2.  Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali, li jkollha quddiemha tilwima dwar il-legalità ta’ obbligu tariffarju impost mill-awtorità regolamentari nazzjonali għall-provvista tas-servizzi ta’ terminazzjoni ta’ telefonati fissi u ċellulari, tista’ tevalwa l-proporzjonalità ta’ dan l-obbligu fid-dawl tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21, dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru), kif emendata bid-Direttiva 2009/140, kif ukoll fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/19, dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva tal-Aċċess), kif emendata bid-Direttiva 2009/140, u tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-obbligu msemmi huwa intiż biex jippromwovi interessi tal-utenti finali f’suq bl-imnut li ma jistax jiġi rregolat.

    Fil-fatt, mill-Artikoli 8(4) u 13 tad-Direttiva tal-Aċċess u mill-Artikolu 8 tad-Direttiva Kwadru jirriżulta li, meta ARN tadotta deċiżjoni li permezz tagħha timponi obbligi tariffarji lill-operaturi, hija għandha tiżgura li dawn jissodisfaw l-għanijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva Kwadru u fl-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar l-Aċċess, jiġifieri, minn naħa, li jkunu bbażati fuq in-natura tal-problema kkonstatata, proporzjonati u ġġustifikati fid-dawl tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva Kwadru u jkunu imposti biss wara l-konsultazzjoni prevista fl-Artikoli 6 u 7 ta’ din l-aħħar direttiva u, min-naħa l-oħra, li jkunu intiżi li jippromwovu l-effiċjenza ekonomika, jiffavorixxu kompetizzjoni sostenibbli u jimmassimizzaw il-benefiċċji għall-konsumatur. Bl-istess mod, fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ din id-deċiżjoni, qorti nazzjonali għandha tiżgura li l-ARN tosserva r-rekwiżiti kollha li jirriżultaw mill-għanijiet stabbiliti mill-Artikolu 8 tad-Direttiva Kwadru u mill-Artikolu 13 tad-Direttiva tal-Aċċess. F’dan i-rigward, il-fatt li obbligu tariffarju huwa bbażat fuq ir-Rakkomandazzjoni 2009/396 ma jċaħħadx lill-qorti nazzjonali mill-ġurisdizzjoni tagħha li tistħarreġ il-proporzjonalità ta’ dawn l-obbligi mal-għanijiet stabbilit fl-imsemmija artikoli.

    Min-naħa l-oħra, qorti nazzjonali ma tistax, meta teżerċita stħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjoni tal-ARN, teżiġi li din l-awtorità tipprova li l-obbligu msemmi effettivament jilħaq l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva Kwadru. L-impożizzjoni ta’ tali oneru ta’ prova fuq ARN effettivament tinjora l-fatt li l-adozzjoni ta’ obbligi regolamentari hija bbażata fuq analiżi prospettiva tal-evoluzzjoni tas-suq, li tieħu bħala riferiment, sabiex tirrimedja l-problemi ta’ kompetizzjoni kkonstatati, l-aġir u/jew l-ispejjeż ta’ operatur effiċjenti. Għaldaqstant, tali prova, dwar miżuri diretti lejn il-futur, hija impossibbli jew eċċessivament diffiċli li tingħata.

    (ara l-punti 48-51, 55, 58-61, dispożittiv 2)

Top