EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0005

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tas-7 ta’ April 2016.
AK vs Achmea Schadeverzekeringen NV u Stichting Achmea Rechtsbijstand.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Assigurazzjoni għall-ispejjeż legali – Direttiva 87/344/KEE – Artikolu 4(1) – Libertà ta’ għażla tal-avukat mill-persuna assigurata – Proċedura ġudizzjarja jew amministrattiva – Kunċett – Ilment kontra rifjut ta’ awtorizzazzjoni ta’ kura.
Kawża C-5/15.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:218

Kawża C‑5/15

AK

vs

Achmea Schadeverzekeringen NV

u

Stichting Achmea Rechtsbijstand

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Gerechtshof Amsterdam)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Assigurazzjoni għall-ispejjeż legali – Direttiva 87/344/KEE – Artikolu 4(1) – Libertà ta’ għażla tal-avukat mill-persuna assigurata – Proċedura ġudizzjarja jew amministrattiva – Kunċett – Ilment kontra rifjut ta’ awtorizzazzjoni ta’ kura”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tas-7 ta’ April 2016

Moviment liberu tal-persuni – Libertà ta’ stabbiliment – Assigurazzjoni għall-ispejjeż legali – Direttiva 87/344 – Dritt tad-detentur ta’ polza ta’ assigurazzjoni li jagħżel liberament ir-rappreżentant legali tiegħu – Proċedura amministrattiva – Kunċett – Fażi ta’ lment quddiem organu pubbliku li matulha dan l-organu jagħti deċiżjoni suġġett għal rikorsi ġudizzjarji – Inklużjoni

(Direttiva tal-Kunsill 87/344, Artikolu 4(1)(a))

L-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 87/344, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-assigurazzjoni għall-ispejjeż legali, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ proċedura amministrattiva imsemmi f’din id-dispożizzjoni jinkludi l-fażi ta’ lment quddiem organu pubbliku li matulha dan l-organu jagħti deċiżjoni suġġetta għal rikorsi ġudizzjarji.

Fil-fatt, minn naħa, interpretazzjoni tal-imsemmi kunċett intiża sabiex tillimita l-portata tiegħu għas-sempliċi proċeduri ġudizzjarji fil-qasam amministrattiv, jiġifieri dawk li jiżvolġu quddiem proprja qorti, intiżi li jivverifikaw il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata u li jiffissaw b’mod definittiv is-sitwazzjoni ġuridika tal-persuna kkonċernata, għaldaqstant, ixxejjen mis-sens tagħha l-espressjoni, espressament użata mil-leġiżlatur tal-Unjoni, ta’ “proċedura amministrattiva”.

Min-naħa l-oħra, l-għan imfittex mid-Direttiva 87/344, u b’mod partikolari mill-Artikolu 4 tagħha, dwar il-libertà tal-għażla tal-avukat jew tar-rappreżentant, huwa li jipproteġi b’mod wiesgħa l-interessi tal-persuni assigurati. Il-portata ġenerali u l-valur obbligatorju li huma rrikonoxxuti lid-dritt li l-persuna assigurata tagħżel l-avukat jew ir-rappreżentant tagħha jipprekludi interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 4(1)(a) ta’ din id-direttiva.

Fil-każ li d-drittijiet tal-assigurat jinsabu affettwati kemm bid-deċiżjoni inizjali tal-imsemmi organu kif ukoll b’dik mogħtija fuq l-ilment, sa fejn l-eżami fattwali jseħħ matul din il-fażi amministrattiva u li din tikkostitwixxi l-bażi deċiżjonali fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja amministrattiva konsekuttiva, l-assigurat għandu bżonn ta’ kopertura tal-ispejjeż legali waqt proċedura li tikkostitwixxi l-preludju indispensabbli għall-preżentata ta’ rikors quddiem il-qorti amministrattiva.

Barra minn hekk, interpretazzjoni wiesgħa tad-dritt għall-libertà ta’ għażla ta’ avukat jew ta’ rappreżentant ma twassalx sabiex kull assigurazzjoni għall-ispejjeż legali tinbidel f’assigurazzjoni bbażata fuq il-prinċipju tal-“kopertura tal-ispejjeż”, fis-sens tal-Artikolu 3(2)(ċ) tad-Direttiva 87/344 inkwantu l-miżuri previsti fl-Artikolu 3(2)(a) u (b) tad-Direttiva 87/344 iżommu l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom anki fil-każ fejn dritt awtonomu tal-persuna assigurata għall-ispejjeż legali li tagħżel liberament lir-rappreżentant tagħha jinsilet mill-Artikolu 4(1)(a) ta’ din id-direttiva.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-konsegwenzi finanzjarji eventwali fuq is-sistemi ta’ assigurazzjoni għall-ispejjeż legali, huma ma jistgħux iwasslu għal interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 87/344. Fil-fatt, din ma hijiex intiża għal armonizzazzjoni kompleta tar-regoli applikabbli għall-kuntratti ta’ assigurazzjoni għall-ispejjeż legali u l-Istati Membri jibqgħu liberi, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, sabiex jiddeterminaw ir-regoli applikabbli għall-imsemmija kuntratti, sa fejn is-sustanza tal-prinċipji previsti minn din id-direttiva tibqa’ valida. B’hekk, l-eżerċizzju tad-dritt tal-persuna assigurata li tagħżel liberament ir-rappreżentant tagħha ma jeskludix li, f’ċerti każijiet, jistgħu jsiru limitazzjonijiet fuq l-ispejjeż sostnuti mill-assiguraturi.

(ara l-punti 18, 21-26 u d-dispożittiv)

Top