Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TJ0817

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tas-17 ta’ Marzu 2016.
    Zoofachhandel Züpke GmbH et vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Politika tas-saħħa – Ġlieda kontra l-influwenza tat-tjur – Projbizzjoni ta’ importazzjoni fl-Unjoni ta’ għasafar selvaġġi maqbuda – Regolament (KE) Nru 318/2007 u Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 139/2013 – Ksur suffiċjentement serju tar-regoli tad-dritt li jagħtu drittijiet liċ-ċittadini – Nuqqas ta’ rikonoxximent manifest u gravi tal-limiti tas-setgħa diskrezzjonali – Proporzjonalità – Dmir ta’ diliġenza – Artikoli 15 sa 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.
    Kawża T-817/14.

    Court reports – general

    Kawża T‑817/14

    Zoofachhandel Züpke GmbH et

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea

    “Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Politika tas-saħħa — Ġlieda kontra l-influwenza tat-tjur — Projbizzjoni ta’ importazzjoni fl-Unjoni ta’ għasafar selvaġġi maqbuda — Regolament (KE) Nru 318/2007 u Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 139/2013 — Ksur suffiċjentement serju tar-regoli tad-dritt li jagħtu drittijiet liċ-ċittadini — Nuqqas ta’ rikonoxximent manifest u gravi tal-limiti tas-setgħa diskrezzjonali — Proporzjonalità — Dmir ta’ diliġenza — Artikoli 15 sa 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tas-17 ta’ Marzu 2016

    1. Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Illegalità — Ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni — Leġiżlazzjoni dwar il-politika ts-saħħa — Rekwiżit ta’ ksur manifest u gravi mill-istituzzjonijiet tal-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom

      (Artikolu 43 TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

    2. Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Proporzjonalità — Portata

      (Artikolu 59(4) TUE)

    3. Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Prinċipju ta’ prekawzjoni — Portata

      (Artikoli 11 TFUE, 168(1) TFUE, 169(1) u (2) TFUE u Artikolu 191(1) u (2) TFUE)

    4. Agrikoltura — Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonjiet fil-qasam tal-ispezzjonijiet sanitarji — Verifiki veterinarji u zootekniċi fil-kummerċ intra-Komunitarju ta’ annimali ħajjin u prodotti li ġejjin mill-annimali — Direttiv 91/496 — Miżuri ta’ salvagwardja dwar importazzjonijiet li ġejjin minn pajjiżi terzi — Kunċett — Regolamenti tal-Kummissjoni li jimponu retsrizzjonijiet fuq l-importazzjoni fl-Unjoni ta’ ċerti għasafar mingħajr ma jintendu pajjiż terz speċifiku — Esklużjoni

      (Regolamenti tal-Kummissjoni Nru 318/2007 u Nru 139/2013; Direttiva tal-Kunsill 91/496, Artikolu 18(1))

    5. Agrikoltura — Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonjiet fil-qasam tal-ispezzjonijiet sanitarji — Verifiki veterinarji u zootekniċi fil-kummerċ intra-Komunitarju ta’ annimali ħajjin u prodotti li ġejjin mill-annimali — Regolamenti Nru 318/2007 u Nru 139/2013 li jimponu projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ għasafar selvaġġi maqbuda fl-ambjent naturali tagħhom — Limitazzjoni ta’ importazzjoni għal ta’ għasafar mrobbijin fi stabbilimenti tat-tgħammir approvati — Ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ prekawzjoni — Assenza

      (Artikolu 43 TFUE ; Regolamenti tal-Kummissjoni Nru 318/2007 u Nru 139/2013 ; Direttiva tal-Kunsill 92/65)

    6. Agrikoltura — Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonjiet fil-qasam tal-ispezzjonijiet sanitarji — Verifiki veterinarji u zootekniċi fil-kummerċ intra-Komunitarju ta’ annimali ħajjin u prodotti li ġejjin mill-annimali — Regolamenti Nru 318/2007 u Nru 139/2013 li jimponu projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ għasafar selvaġġi maqbuda fl-ambjent naturali tagħhom — Nuqqas ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni għall-għasafar imrobbija fil-magħluq — Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità — Assenza

      (Regolamenti tal-Kummissjoni Nru 318/2007 u Nru 139/2013)

    7. Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Obbligu ta’ diliġenza — Portata

    8. Agrikoltura — Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonjiet fil-qasam tal-ispezzjonijiet sanitarji — Verifiki veterinarji u zootekniċi fil-kummerċ intra-Komunitarju ta’ annimali ħajjin u prodotti li ġejjin mill-annimali — Regolamenti Nru 318/2007 u Nru 139/2013 li jimponu projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ għasafar selvaġġi maqbuda fl-ambjent naturali tagħhom — Restrizzjoni sproporzjonata tad-drittijiet għal-libertà professjonali u għal-libertà tal-intrapriża u għall-proprjetà — Assenza

      (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 15 sa 17 ; Regolamenti tal-Kummissjoni Nru 318/2007 u Nru 139/2013)

    1.  Fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, ;-ewwel kundizzjoni, dwar l-aġir illegali invokat fil-konfront tal-istituzzjoni jew tal-korp ikkonċernati, il-ġurisprudenza teħtieġ li jiġi stabbilit ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li l-għan tagħha tkun li tagħti drittijiet lill-individwi. Dan ir-rekwiżit jistabilixxi li, irrispettivament min-natura tal-att illegali inkwistjoni, sabiex jiġi evitat li r-riskju li jkollhom jiġu kkumpensati d-danni allegati mill-impriżi kkonċernati jostakola l-kapaċità tal-istituzzjoni kkonċernata li teżerċita b’mod sħiħ il-kompetenzi tagħha fl-interess ġenerali, kemm fil-kuntest tal-attività tagħha bħala leġiżlatur jew li timplika għażliet ta’ politika ekonomika u kemm fil-kuntest tal-kompetenza amministrattiva tagħha, u dan mingħajr ma jgħaddi fuq l-individwi l-oneru tal-konsegwenzi ta’ nuqqasijiet flagranti u mhux skużabbli.

      Fir-rigward ta’ eventwali ksur suffiċjentement serju tar-regoli ta’ dritt li jirrigwarda l-politika tas-saħħa, tali ksur għandu jkun ibbażat fuq nuqqas manifest u gravi li jiġu osservati l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu l-leġiżlatur tal-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi fil-qasam tal-politika agrikola komuni taħt l-Artikolu 43 TFUE. Fil-fatt, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali jimplika n-neċessità, għal-leġiżlatur tal-Unjoni, li jantiċipa u jevalwa żviluppi ekoloġiċi, xjentifiċi, tekniċi u ekonomiċi ta’ natura kumplessa u inċerta. F’dan ir-rigward, minkejja li l-istudji u l-opinjonijiet xjentifiċi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, l-għażla politika li l-iffissar ta’ livell ta’ protezzjoni xieraq għas-soċjetà jikkostitwixxi hija kompetenza ta’ dawn l-istituzzjonijiet u mhux tax-xjentisti.

      (ara l-punti 41-43)

    2.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punt 50)

    3.  Il-prinċipju ta’ prekawzjoni jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jirriżulta mill-Artikolu 11 TFUE, mill-Artikolu 168(1) TFUE, mill-Artikolu 169(1) u (2) TFUE u mill-Artikolu 191(1) u (2) TFUE, u li jobbliga lill-awtoritajiet ikkonċernati jieħdu, fil-kuntest speċifiku tal-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilhom mil-leġiżlazzjoni rilevanti, miżuri adegwati sabiex jiġu evitati ċerti riskji potenzjali għas-saħħa pubblika, għas-sigurtà u għall-ambjent filwaqt li jagħtu iktar preċedenza lir-rekwiżiti marbuta mal-protezzjoni ta’ dawn l-interessi meta mqabbla mal-interessi ekonomiċi. B’hekk, il-prinċipju ta’ prekawzjoni jippermetti lill-istituzzjonijiet, meta jkun hemm inċertezzi xjentifiċi fir-rigward tal-eżistenza jew fir-rigward tal-portata ta’ riskji għas-saħħa tal-bniedem, li jieħdu miżuri ta’ protezzjoni mingħajr ma jistennew li jiġu pprovati kompletament ir-realtà u l-gravità ta’ dawn ir-riskji jew mingħajr ma jistennew li jimmaterjalizzaw l-effetti negattivi għas-saħħa. Barra minn hekk, meta d-determinazzjoni b’ċertezza tal-eżistenza jew tal-portata tar-riskju allegat tirriżulta impossibbli minħabba n-natura insuffiċjenti, mhux konklużiva jew mhux preċiża tar-riżultati tal-istudji magħmula, iżda l-probabbiltà ta’ ħsara reali għas-saħħa pubblika tippersisti fl-ipoteżi li r-riskju jimmaterjalizza ruħu, il-prinċipju ta’ prekawzjoni jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi, sakemm dawn ma jkunux diskriminatorji u jkunu oġġettivi.

      (ara l-punt 51)

    4.  Ir-Regolamenti Nru 318/2007 u Nru 139/2013 li jistipulaw l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni ta’ ċerti għasafar fil-Komunità u l-kundizzjonijiet ta’ kwarantina tagħhom, ma jikkostitwixxux miżuri ta’ salvagwardja bbażati fuq l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 91/496 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta’ kontrolli veterinarji fuq annimali li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi, iżda, konformement mal-bażijiet legali tagħhom, jistabbilixxu, għall-pajjiżi terzi kollha, kundizzjonijiet ġenerali tas-saħħa għall-importazzjoni ta’ annimali fl-Unjoni. Fil-fatt, il-bażijiet legali li fuqhom huma bbażati dawn ir-regolamenti ma jagħmlu ebda riferiment għal pajjiż terz li fih jeżisti xi riskju għas-saħħa.

      (ara l-punti 60, 61)

    5.  Leġiżlazzjoni li tikkundizzjona l-importazzjoni fl-Unjoni ta’ għasafar għall-kundizzjoni li dawn joriġinaw minn pajjiżi terzi li jistgħu jipprovdu garanziji, bħal dik li tinsab fir-Regolamenti Nru 318/2007 Nru 139/2013, li jistipulaw l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni ta’ ċerti għasafar fil-Komunità u l-kundizzjonijiet ta’ kwarantina tagħhom, hija konformi mal-għanijiet u mal-preskrizzjonijiet tad-Direttiva 92/65, li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet tas-saħħa li jirregolaw l-iskambji u l-importazzjonijiet fil-Komunità ta’ annimali, semen, ova u embrijuni mhux suġġetti għal ħtiġijiet ta’ saħħa tal-annimali meħtieġa f’regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A (1) ta’ Direttiva 90/425/KEE kif ukoll mal-prinċipju ta’ prekawzjoni, u ma kinitx sproporzjonata.

      F’dan ir-rigward, f’dak li jirrigwarda r-rekwiżit li jidher fir-Regolamenti Nru 318/2007 u Nru 139/2013 li l-annimali għandhom jiġu minn stabbiliment tat-trobbija approvat, fejn ikunu trabbew fil-magħluq, u mhux mill-ambjent naturali, minħabba l-inċertezzi dwar l-istat tas-saħħa tal-għasafar selvaġġi maqbuda, għandu jiġi kkonstatat li dan ir-rekwiżit, flimkien ma’ dak ta’ sistema veterinarja effikaċi jikkostitwixxu l-kundizzjoni indispensabbli ta’ sorveljanza tas-saħħa u ta’ kontroll preventiv fil-pajjiż terz ta’ oriġini, li, min-naħa tagħhom, jikkundizzjonaw l-osservanza minn dan il-pajjiż terz tal-garanziji ekwivalenti għal dawk prevalenti fl-Unjoni u l-inklużjoni tiegħu fil-lista ta’ pajjiżi terzi li minnhom l-importazzjoni ta’ annimali fl-Unjoni hija awtorizzata. Għalhekk, il-prinċipju ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, stabbiliti skont il-bażijiet legali tal-imsmemija regolamenti u konformement mal-prinċipju ta’ prekawzjoni, ma għandux jiġi applikat fuq il-bażi ta’ preżunzjonijiet dwar is-sitwazzjoni ġenerali tas-saħħa fil-pajjiż terz ta’ oriġini, iżda fuq il-ksib ta’ garanziji fir-rigward tas-sorveljanza tas-saħħa tal-għasafar imrobbija fi stabbiliment approvat minn dan il-pajjiż. Dawn il-garanziji jippermettu partikolarment li jiġi ddeterminat b’ċertezza xjentifika suffiċjenti jekk dan il-pajjiż huwa eżenti mill-mard, indipendentement mil-lokazzjoni ġeografika tiegħu u minn tali preżunzjonijiet.

      Minn dan isegwi li, sa fejn l-allegata projbizzjoni totali ta’ importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ għasafar selvaġġi maqbuda tikkostitwixxi l-korollarju tal-garanziji meħtieġa mill-prinċipju ta’ awtorizzazzjoni minn qabel ta’ pajjiżi terzi, il-Kummissjoni, meta eżiġiet tali garanziji fir-Regolamenti Nru 318/2007 u Nru 139/2013, bħala parti mis-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha skont l-Artikolu 43 TFUE, ma wettqet ebda żball manifest jew ksur serju tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-prinċipju ta’ prekawzjoni. Bl-istess mod, fir-rigward tan-natura proporzjonata tal-portata ġeografika tal-projbizzjoni ta’ importazzjoni fl-Unjoni ta’ għasafar selvaġġi maqbuda, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni setgħet teċċedi s-setgħa diskrezzjonali tagħha u tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità biss billi tonqos milli tawtorizza l-importazzjoni ta’ tali għasafar li jkunu ġejjin minn żoni manifestament eżentati mill-influwenza tat-tjur. Madankollu, fin-nuqqas ta’ provi li jiċċertifikaw b’mod ċar u suffiċjentement probatorju li ċerti pajjiżi jew ċerti kontinenti, partikolarment l-Amerika t’Isfel u l-Oċeanja, huma permanentement ħielsa u eżenti mill-virus tal-influwenza tat-tjur, jew li, b’mod ġenerali, l-għasafar selvaġġi maqbuda ma jirrappreżentaw l-ebda riskju ta’ tixrid ta’ dan il-virus, għandu jiġi kkonstatat li l-inċertezza xjentifika dwar ir-riskju tat-tixrid tal-influwenza tat-tjur fl-Unjoni permezz ta’ importazzjonijiet ta’ għasafar selvaġġi maqbuda li ġejjin minn pajjiżi terzi madwar id-dinja kollha tibqa’ f’livell għoli.

      (ara l-punti 66, 68-72, 84, 85)

    6.  Fir-rigward tar-Regolamenti Nru 318/2007 u Nru 139/2013, li jistipulaw l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni ta’ ċerti għasafar fil-Komunità u l-kundizzjonijiet ta’ kwarantina tagħhom, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli adottat miżura manifestament sproporzjonata billi għamlet distinzjoni bejn l-għasafar selvaġġi u l-għasafar imrobbija fil-magħluq. Fil-fatt, fir-rigward tal-prevenzjoni tar-riskji, l-għasafar selvaġġi huma differenti mill-għasafar imrobbija fil-magħluq, sa fejn, fil-każ ta’ dawn l-għasafar tal-aħħar, huwa possibbli li jiġi impost kontroll tas-saħħa strett mat-twelid tagħhom, li jista’ jinżamm sat-trobbija tagħhom f’post magħluq jew jinkludi l-għeluq tagħhom b’paragun mat-tjur.

      (ara l-punti 91, 93)

    7.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punt 107)

    8.  Il-libertà professjonali, il-libertà tal-intrapriża u d-dritt għall-proprjetà jikkostitwixxu drittijiet fundamentali stipulati fl-Artikoli 15 sa 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, dan ma jfissirx li dawn id-drittijiet huma prerogattivi assoluti, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà. Għaldaqstant, jistgħu jsiru restrizzjonijiet għall-użu ta’ dawn id-drittijiet, sakemm dawn ir-restrizzjonijiet effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija mill-Unjoni u ma jammontawx, fir-rigward tal-għan mixtieq, għal intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-drittijiet hekk iggarantiti.

      Fir-rigward tar-Regolamenti Nru 318/2007 u Nru 139/2013, li jistipulaw l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali għall-importazzjoni ta’ ċerti għasafar fil-Komunità u l-kundizzjonijiet ta’ kwarantina tagħhom, dawn għandhom għan leġittimu ta’ interess ġenerali, jiġifieri l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tas-saħħa tal-annimali kontra r-riskju li jinfirex il-virus tal-influwenza tat-tjur, u li dawn il-miżuri ma humiex manifestament sproporzjonati meta mqabbla ma’ dan l-għan. Għalhekk, dawn il-miżuri ma jistgħux jitqiesu li huma intervent sproporzjonat u intollerabbli li ppreġudika l-qofol stess tad-drittijiet għall-proprjetà tar-rikorrenti u tal-libertà tagħhom li jeżerċitaw attività ekonomika. F’dan ir-rigward, it-tnaqqis possibbli fid-dħul mill-bejgħ jew nuqqas ta’ dħul eventwali relatati ma’ differenzjar fl-ispejjeż bejn għasafar imrobbija fil-magħluq u għasafar maqbuda fl-ambjent naturali ma jistax, manifestament, jikkostitwixxi preġudizzju għas-sustanza stess tad-drittijiet fundamentali, li teċċedi sewwa l-opportunitajiet kummerċjali.

      (ara l-punti 126, 128, 129, 132)

    Top