Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TJ0782

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Awla tal-Appell) tas-27 ta’ Jannar 2016.
DF vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Servizz Pubbliku – Uffiċjali – Remunerazzjoni – Kollokament fl-interess tas-servizz – Allowance tal-espatrijazzjoni – Kundizzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal – Irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament.
Kawża T-782/14 P.

Court reports – Reports of Staff Cases

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

27 ta’ Jannar 2016

DF

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Appell — Servizz Pubbliku — Uffiċjali — Remunerazzjoni — Kollokament fl-interess tas-servizz — Allowance tal-espatrijazzjoni — Kundizzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal — Irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament”

Suġġett:

Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tielet Awla), tal-1 ta’ Ottubru 2014, DF vs Il‑Kummissjoni (F‑91/13, ĠabraSP, EU:F:2014:228), u intiż għall-annullament parzjali ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni:

L-appell huwa miċħud. DF għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Sommarju

  1. Uffiċjali — Irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament — Kundizzjonijiet — Irregolarità evidenti tal-ħlas — Kriterji

    (Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 85)

  2. Uffiċjali — Remunerazzjoni — Allowance tal-espatrijazzjoni — Kundizzjonijiet għall-għoti — Assenza ta’ residenza abitwali jew ta’ attività professjonali prinċipali fil-post ta’ assenjazzjoni qabel id-dħul fil-kariga

    (Regolamenti tal-Persunal, Anness VII, Artikolu 4(1)(b))

  3. Rikorsi tal-uffiċjali — Talba fis-sens tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal — Riferiment lill-amministrazzjoni mhux suġġett għall-eżistenza ta’ bażi legali għad-deċiżjoni inkwistjoni

    (Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(1))

  4. Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Ċertezza legali — Leġiżlazzjoni tal-Unjoni — Rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni

  5. Uffiċjali — Irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament — Konsegwenzi għat-terzi li setgħu bbenefikaw mill-ħlasijiet irregolari — Kwistjoni li taqa’ taħt id-dritt privat

    (Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 85)

  6. Privileġġi u immunitajiet tal-Unjoni Ewropea — Uffiċjali u membri tal-persunal tal-Unjoni — Issuġġettar għad-dritt nazzjonali għar-relazzjonijiet ġuridiċi tal-ħajja privata

    (Regolamenti tal-Persunal, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23)

  1.  Fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament, żewġ elementi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-eżami tal-kwistjoni dwar jekk l-irregolarità ta’ ħlas fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal hijiex tant evidenti li l-uffiċjal ma jistax ma jkunx jaf biha, jiġifieri ċ-ċarezza tad-dispożizzjonijiet applikabbli, minn naħa, u l-grad u l-esperjenza tal-uffiċjal min-naħa l-oħra.

    F’dan ir-rigward, l-espressjoni “tali [tant] evidenti”, ma tfissirx li l-benefiċjarju tal-ħlasijiet mhux dovuti huwa meħlus minn kull sforz ta’ riflessjoni u ta’ verifika, iżda li dan il-ħlas lura huwa dovut meta l-iżball ikun wieħed li ma jaħrabx lil uffiċjal li huwa normalment diliġenti, li jitqies li jaf ir-regoli li jirregolaw is-salarju tiegħu.

    Il-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni mill-qrati tal-Unjoni sabiex jevalwaw il-kapaċità tal-uffiċjal ikkonċernat li jwettaq il-verifiki neċessarji jirrigwardaw il-livell ta’ responsabbiltà tiegħu, il-grad u l-anzjanità tiegħu, il-grad ta’ ċarezza tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċju inkwistjoni kif ukoll l-importanza tal-bidliet li saru fis-sitwazzjoni personali jew familjari tiegħu, meta l-ħlas tas-somma kkontestata jkun marbut mal-evalwazzjoni ta’ tali sitwazzjoni mill-amministrazzjoni.

    Barra minn hekk, ma huwiex neċessarju li l-uffiċjal kkonċernat ikun jista’, fl-eżerċizzju tad-dmir ta’ diliġenza tiegħu, jiddetermina bi preċiżjoni l-portata tal-iżball imwettaq mill-amministrazzjoni. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li dan ikollu dubji dwar il-fondatezza tal-ħlasijiet inkwistjoni sabiex ikun obbligat jagħmel kuntatt mal-amministrazzjoni sabiex din tkun tista’ twettaq il-verifiki neċessarji.

    (ara l-punti 25 sa 28)

    Referenza:

    Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenzi tad-29 ta’ Settembru 2005, Thommes vs Il‑Kummissjoni, T‑195/03, ĠabraSP, EU:T:2005:344, punti 123 u 124 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-16 ta’ Mejju 2007, F vs Il‑Kummissjoni, T‑324/04, ĠabraSP, EU:T:2007:140, punt 145 u l-ġurisprudenza ċċitata

  2.  Il-kliem tal-Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jippermetti lil uffiċjal normalment diliġenti jifhem il-portata tiegħu u jikkonkludi li l-perijodu ta’ għaxar snin imsemmi f’din id-dispożizzjoni jispiċċa qabel id-dħul fis-servizz mal-istituzzjoni li timpjega, b’mod partikolari peress li din id-dispożizzjoni ilha minn ħafna żmien tiġi interpretata b’mod koerenti u uniformi mill-qrati tal-Unjoni.

    F’kull każ, din id-dispożizzjoni hija kemm ċara kif ukoll preċiża u tippermetti li jiġi faċilment mifhum li l-perijodu ta’ riferiment ta’ għaxar snin inkwistjoni huwa intiż biss sabiex jiġi ddeterminat taħt liema kundizzjonijiet, fil-mument tad-dħul fis-servizz tal-uffiċjal li għandu n-nazzjonalità tal-Istat li fit-territorju tiegħu jinstab il-post ta’ assenjazzjoni, l-allowance tal-espatrijazzjoni tista’ tingħatalu.

    Fil-fatt, il-fatt li l-Artikolu 4 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal ma jirregolax sitwazzjoni speċifika, bħal dik tad-dritt għall-allowance tal-espatrijazzjoni ta’ uffiċjal fil-każ ta’ assenjazzjoni fil-pajjiż li huwa għandu n-nazzjonalità tiegħu, ma jistax jitqies li jikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali, peress li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi b’mod ġenerali u astratt il-kriterji li abbażi tagħhom din l-allowance tista’ tingħata f’kull sitwazzjoni partikolari.

    (ara l-punti 30, 47 u 48)

    Referenza:

    Il-Qorti tal-Ġustizzja: digriet tal-14 ta’ Lulju 2005, Gouvras vs Il‑Kummissjoni, C‑420/04 P, Ġabra, EU:C:2005:482, punti 57 u 60

    Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza tat-28 ta’ Settembru 1993, Magdalena Fernández vs Il‑Kummissjoni, T‑90/92, Ġabra, EU:T:1993:78, punt 32

  3.  L-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi, mingħajr restrizzjoni, li kull persuna li fir-rigward tagħha japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal tista’ tressaq quddiem l-Awtorità tal-Ħatra talba sabiex tieħu deċiżjoni fir-rigward tagħha. L-eżerċizzju ta’ dan id-dritt la huwa suġġett għall-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ bażi legali li tippermetti lill-amministrazzjoni tadotta d-deċiżjoni mitluba u lanqas ma huwa ostakolat mill-fatt li l-amministrazzjoni ma għandha ebda marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tadottaha.

    (ara l-punt 41)

    Referenza:

    Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza tas-16 ta’ Ottubru 1980, Hochstrass vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, 147/79, Ġabra, EU:C:1980:238, punti 2 sa 4

  4.  Il-prinċipju ta’ ċertezza legali jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġ, b’mod partikolari, li leġiżlazzjoni tkun ċara u preċiża, sabiex l-individwi jkunu jistgħu jsiru jafu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u jieħdu azzjoni bħala konsegwenza.

    (ara l-punt 45)

    Referenza:

    Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza tal-14 ta’ April 2005, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑110/03, Ġabra, EU:C:2005:223, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata

  5.  Meta l-kundizzjonijiet għall-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament previsti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal ikunu ssodisfatti, l-istituzzjoni li timpjega jkollha l-obbligu tirkupra s-somom mogħtija indebitament mill-Unjoni, u din id-dispożizzjoni ma tipprevedix eċċezzjoni f’dan ir-rigward.

    Barra minn hekk, mill-kliem tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta b’mod ċar li dan jirrigwarda biss ir-relazzjoni finanzjarja bejn l-uffiċjal li jkun ibbenefika mill-ħlasijiet irregolari u l-istituzzjoni li timpjega. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi eventwali tal-irkupru għall-uffiċjal fir-rigward ta’ persuni oħra li setgħu bbenefikaw direttament jew indirettament mill-ħlasijiet irregolari li huma s-suġġett tal-irkupru mill-istituzzjoni li timpjega; dawn il-kwistjonijiet jaqgħu taħt id-dritt privat.

    (ara l-punti 53 u 54)

  6.  Il-ħlas ta’ pensjoni tal-manteniment huwa ddeterminat minn relazzjonijiet ġuridiċi privati bejn l-ex konjuġi. Għal dawn it-tip ta’ relazzjonijiet, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-osservanza tal-obbligi privati tagħhom, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-uffiċjali tal-Unjoni huma totalment suġġetti, bħal kull persuna oħra, għad-dritt nazzjonali applikabbli.

    (ara l-punt 55)

    Referenza:

    Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza tas-17 ta’ Mejju 2006, Kallianos vs Il‑Kummissjoni, T‑93/04, ĠabraSP, EU:T:2006:130, punt 49

Top