Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TJ0579

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tad-9 ta’ Novembru 2016.
    Birkenstock Sales GmbH vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea.
    Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Reġistrazzjoni internazzjonali li tirreferi għall-Unjoni Ewropea – Trade mark figurattiva li tirrappreżenta disinn ta’ linji mmewġa li jinkroċjaw ma’ xulxin – Raġuni assoluta għal rifjut – Karattru distintiv – Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 – Disinn ta’ superfiċje – Applikazzjoni ta’ disinn ta’ superfiċje fuq l-ippakkjar ta’ prodott.
    Kawża T-579/14.

    Court reports – general

    Kawża T‑579/14

    Birkenstock Sales GmbH

    vs

    L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

    “Trade mark tal-Unjoni Ewropea - Reġistrazzjoni internazzjonali li tirreferi għall-Unjoni Ewropea - Trade mark figurattiva li tirrappreżenta disinn ta’ linji mmewġa li jinkroċjaw ma’ xulxin - Raġuni assoluta għal rifjut - Karattru distintiv - Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 - Disinn ta’ superfiċje - Applikazzjoni ta’ disinn ta’ superfiċje fuq l-ippakkjar ta’ prodott”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il‑Ħames Awla) tad-9 ta’ Novembru 2016

    1. Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Definizzjoni u kisba tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv – Trade mark figurattiva komposta minn sekwenza repetittiva ta’ elementi – Użu ta’ tali trade mark bħala disinn ta’ superfiċje fuq il-prodotti jew fuq l-ippakkjar tagħhom – Karattru distintiv – Kriterji ta’ evalwazzjoni

      (Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 7(1)(b))

    2. Trade mark Komunitarja – Definizzjoni u kisba tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv – Trade mark figurattiva li tirrappreżenta disinn ta’ linji mmewġa li jinkroċjaw ma’ xulxin b’mod repetittiv

      (Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 7(1)(b))

    3. Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Dispożizzjonijiet proċedurali – Eżami ex officio tal-fatti – Reġistrazzjoni ta’ trade mark ġdida – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Oneru tal-prova

      (Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 7(1) u 76(1))

    1.  Il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ trade marks tridimensjonali magħmula mid-dehra tal-prodott stess ma humiex differenti minn dawk applikabbli għall-kategoriji oħra ta’ trade marks. Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, il-fatt li l-perċezzjoni tal-konsumatur medju ma hijiex neċessarjament l-istess fil-każ ta’ trade mark tridimensjonali, magħmula mid-dehra tal-prodott stess, bħal ma hija fil-każ ta’ trade mark verbali jew figurattiva, li tikkonsisti f’sinjal indipendenti mill-aspett tal-prodotti li hija tirrappreżenta. Fil-fatt, il-konsumaturi medji, fl-assenza ta’ kull element grafiku jew ta’ kitba, ma għandhomx l-użanza li jassumu l-oriġini tal-prodotti billi jibbażaw ruħhom fuq il-forma tagħhom jew fuq il-forma tal-ippakkjar tagħhom, u għalhekk jista’ jkun iktar diffiċli li jiġi stabbilit il-karattru distintiv ta’ tali trade mark tridimensjonali milli dak ta’ trade mark verbali jew figurattiva. Hija biss trade mark tridimensjonali, li hija komposta mid-dehra tal-prodott stess, li titbiegħed, b’mod sinjifikattiv, min-norma jew mill-użanzi tas-settur ikkonċernat u, minħabba f’hekk, tista’ tissodisfa l-funzjoni essenzjali ta’ oriġini tagħha li ma hijiex nieqsa minn karattru distintiv skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea.

      Dawn il-kriterji, żviluppati fir-rigward tat-trade marks li jinkorporaw ruħhom mad-dehra tal-istess prodotti, huma applikabbli wkoll fil-każ ta’ sinjal li jikkonsisti minn disinn fuq is-superfiċje ta’ prodott.

      F’dan ir-rigward, sinjal ikkostitwit minn sensiela ta’ elementi li jirrepetu ruħhom b’mod regolari huwa adattat, b’mod partikolari, biex jintuża bħala disinn ta’ superfiċje. Għalhekk, bħala prinċipju teżisti probabbiltà, inerenti għal dan is-sinjal, li dan jintuża bħala disinn ta’ superfiċje, u dan indipendentement mill-indikazzjoni tiegħu mill-applikant għal trade mark bħala trade mark figurattiva, trade mark tridimensjonali, disinn ta’ superfiċje jew oħrajn. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biss meta l-użu ta’ disinn ta’ superfiċje jkun improbabbli fid-dawl tan-natura tal-prodotti inkwistjoni li tali sinjal ma jistax jiġi kkunsidrat bħala disinn ta’ superfiċje, fir-rigward tal-prodotti inkwistjoni. Fil-każijiet l-oħra, jista’ jiġi kkunsidrat li s-sinjal, li għandu l-karatteristiċi tipiċi ta’ disinn ta’ superfiċje minħabba s-sekwenza repetittiva tal-elementi tiegħu, huwa effettivament disinn ta’ superfiċje. Dan huwa kriterju oġġettiv li ma jiddependix mill-intenzjonijiet kummerċjali tal-impriża kkonċernata.

      Il-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza dwar l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ trade marks li jinkorporaw ruħhom mad-dehra tal-prodotti japplikaw għad-disinni ta’ superfiċje applikati fuq l-ippakkjar ta’ prodotti li abitwalment jinbiegħu f’pakkett u li normalment jinħarġu mill-pakkett tagħhom biss eżatt qabel ma jiġu kkonsmati.

      Madankollu, l-applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza ma hijiex iġġustifikata fil-każ ta’ disinn ta’ superfiċje applikat fuq sempliċi ppakkjar għat-trasport. Fil-fatt, disinn ta’ superfiċje applikat fuq sempliċi ppakkjar għat-trasport ma jistax jiġi assimilat mad-dehra ta’ prodott.

      (ara l-punti 23, 24, 26, 54, 55, 57, 66, 67)

    2.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punti 129-133, 145, 152, 153)

    3.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punt 136)

    Top