EUR-Lex Dostop do prava EU

Nazaj na domačo stran EUR-Lex

Dokument je izvleček s spletišča EUR-Lex.

Dokument 62014TJ0577

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) tal-10 ta’ Jannar 2017.
Gascogne Sack Deutschland GmbH u Gascogne vs Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Preċiżjoni tar-rikors – Preskrizzjoni – Ammissibbiltà – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza – Danni materjali – Telf subit – Interessi fuq l-ammont tal-multa mhux imħallsa – Spejjeż tal-garanzija bankarja – Telf ta’ opportunità – Dannu immaterjali – Rabta kawżali.
Kawża T-577/14.

Zbirka odločb – splošno

Kawża T-577/14

Gascogne Sack Deutschland GmbH
u
Gascogne

vs

L-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Preċiżjoni tar-rikors – Preskrizzjoni – Ammissibbiltà – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza – Danni materjali – Telf subit – Interessi fuq l-ammont tal-multa mhux imħallsa – Spejjeż tal-garanzija bankarja – Telf ta’ opportunità – Dannu immaterjali – Rabta kawżali”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) tal-10 ta’ Jannar 2017

  1. Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti ta’ forma proċedurali – Identifikazzjoni tas-suġġett tat-tilwima – Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati – Rikors intiż għall-kumpens għad-danni allegatament ikkawżati minn istituzzjoni tal-Unjoni

    (Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(ċ))

  2. Rikors għad-danni – Terminu ta’ preskrizzjoni – Bidu tad-dekorrenza – Responsabbiltà minħabba nuqqas ta’ osservanza tat-terminu reġonevoli għal għoti ta’ sentenza mill-qorti tal-Unjoni – Data tal-għoti tas-sentenza inkwistjoni

    (It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE; Statut tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, Artikolu 46 u l‑ewwel paragrafu tal‑Artikolu 53)

  3. Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Dannu – Rabta kawżali – Kundizzjonijiet kumulattivi – Assenza ta’ waħda mill-kundizzjonijiet – Ċaħda tar-rikors għad-danni kollu kemm hu

    (It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

  4. Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Kunċett – Nuqqas ta’ osservanza tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza mill-qorti tal-Unjoni – Inklużjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni

    (It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47)

  5. Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Dannu – Rabta kawżali – Oneru tal-prova

    (It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

  6. Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur u timponi multa – Natura eżekuttiva – Kontestazzjoni tad-deċiżjoni quddiem il-qorti tal-Unjoni – Assenza ta’ kontestazzjoni tan-natura eżekuttiva

    (Artikoli 101 TFUE, 263 TFUE, 278 TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 299 TFUE)

  7. Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Rabta kawżali – Nuqqas minħabba l-aġir żbaljat tar-rikorrent jew ta’ persuni oħra

    (It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

  8. Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Rabta kawżali – Kunċett – Spejjeż ta’ garanzija bankarja li jirriżultaw minn deċiżjoni ta’ impriża li ma tħallasx il-multa imposta mill-Kummissjoni – Nuqqas ta’ osservanza mill-qorti tal-Unjoni tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-każ tar-rikors tal-imsemmija impriża – Eżistenza ta’ rabta kawżali – Kundizzjonijiet

    (It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

  9. Rikors għad-danni – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni – Limiti – Projbizzjoni li tiddeċiedi ultra petita – Obbligu li jiġi osservat il-kuntest tat-tilwima kif iddefinit mill-partijiet – Possibbiltà għall-qorti tal-Unjoni li tiddeċiedi ex officio li tikkumpensa dannu sostnut matul perijodu differenti minn dak indikat fir-rikors – Esklużjoni

    (Artikolu 268 TFUE;Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 21; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1))

  10. Rikors għad-danni – Suġġett – Kumpens għad-dannu allegatament sostnut mill-mexxejja u l-impjegati tal-impriża rikorrenti – Nuqqas ta’ awtorizzazzjoni tal-imsemmija impriża sabiex taġixxi fi proċeduri legali għan-nom tal-imsemmija mexxejja u impjegati – Inammissibbiltà

    (Artikolu 268 TFUE)

  11. Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Dannu reali u ċert – Oneru tal-prova

    (It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

  12. Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Dannu – Dannu li jista’ jiġi kkumpensat – Dannu immaterjali kkawżat miż-żamma tar-rikorrent fi stat ta’ inċertezza mtawwal minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza – Inklużjoni

    (It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

  13. Proċedura ġudizzjarja – Tul tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali – Terminu raġonevoli – Kawża dwar l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni – Nuqqas ta’ osservanza tat-terminu raġonevoli – Konsegwenzi

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47)

  14. Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Dannu – Kumpens – Teħid inkunsiderazzjoni tal-inflazzjoni – Interessi kumpensatorji u moratorji – Modalitajiet ta’ kalkolu

    (It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE; Regolament tal-Kummissjoni Nru 1268/2012, Artikoli 83(2)(b) u 111(4)(a))

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punt 25)

  2.  It-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri minn meta jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li għalihom huwa suġġett l-obbligu ta’ kumpens għad-danni previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE. Dawn il-kundizzjonijiet u, għalhekk, ir-regoli ta’ preskrizzjoni li jirregolaw l-azzjonijiet għall-kumpens tal-imsemmija danni ma jistgħux ikunu bbażati fuq kriterji differenti minn dawk strettament oġġettivi. Għalhekk, l-evalwazzjoni suġġettiva tar-realtà tad-dannu mill-vittma ta’ dannu ma tistax titqies fid-determinazzjoni tal-punt tat-tluq tat-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjoni għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

    Fir-rigward ta’ rikors għad-danni intiż għall-kumpens għal dannu allegatament subit minħabba ksur eventwali tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza, il-fatt li jagħti lok għall-azzjoni fis-sens tal-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa irregolarità proċedurali li tieħu l-forma ta’ allegat nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti marbuta mal-osservanza tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza minn qorti tal-Unjoni. L-iffissar tal-punt tat-tluq tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin previst fl-imsemmi Artikolu 46 għandu għalhekk jieħu inkunsiderazzjoni din iċ-ċirkustanza. B’mod partikolari, it-terminu ta’ preskrizzjoni ma jistax jibda jiddekorri minn data li fiha jkun għadu għaddej il-fatt operattiv u l-punt tat-tluq ta’ dan it-terminu għandu jiġi stabbilit f’data li fiha l-fatt operattiv ikun ikkonkretizza ruħu kompletament. Għalhekk, fil-każ speċifiku ta’ rikors għad-danni sabiex jagħmel tajjeb għal dannu allegatament subit għal ksur eventwali ta’ terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza, il-punt tat-tluq tat-terminu preskrittiv ta’ ħames snin imsemmi fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu, meta deċiżjoni tkun temmet it-terminu għal għoti ta’ sentenza kontenzjuż, jiġi ffissat fid-data meta dik id-deċiżjoni tkun ġiet adottata. Fil-fatt, tali data tikkostitwixxi data ċerta, stabbilita abbażi ta’ kriterji oġġettivi. Dan jiggarantixxi l-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u jippermetti l-protezzjoni tad-drittijiet tar-rikorrent.

    (ara l-punti 43-47)

  3.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 52, 53)

  4.  Tikser it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea sa fejn taqbeż it-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza, fatt li jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni li għandha bħala għan li tagħti drittijiet lill-individwi, il-proċedura li ġiet segwita f’żewġ kawżi fil-qasam tal-kompetizzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali li t-tul ta’ kull waħda minnhom laħaq kważi 5 snin u disa’ xhur li ma jista’ jkun iġġustifikat minn ebda waħda miċ-ċirkustanzi partikolari tal-imsemmija kawżi.

    Fil-fatt, matul il-perijodu bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura li seħħ mal-preżentata tal-kontroreplika u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura, saru, b’mod partikolari, is-sinteżi tal-argumenti tal-partijiet, it-tħejjija tal-kawżi, analiżi fil-fatt u fid-dritt tat-tilwimiet u l-preparazzjoni tal-fażi orali tal-proċedura. B’hekk, it-tul ta’ dan il-perijodu jiddependi, b’mod partikolari, mill-kumplessità tat-tilwima kif ukoll mill-aġir tal-partijiet u mill-okkorrenza ta’ inċidenti proċedurali.

    Fir-rigward tal-kumplessità tat-tilwima, qabelxejn, ir-rikorsi li jirrigwardaw l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni mill-Kummissjoni juru grad ta’ kumplessità ogħla minn tipi oħrajn ta’ kawżi, wara li jitqiesu, b’mod partikolari, it-tul tad-deċiżjoni kkontestata, il-volum tal-proċess u n-neċessità li ssir evalwazzjoni ddettaljata tal-fatti numerużi u kumplessi, ta’ spiss mifruxa fiż-żmien u fl-ispazju. Għalhekk, tul ta’ 15-il xahar bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura jikkostitwixxi bħala prinċipju tul xieraq sabiex jiġu ttrattati l-kawżi li jirrigwardaw l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, kawżi ppreżentati kontra l-istess deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni skont id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, fil-prinċipju, jirrikjedu trattazzjoni parallela, anki meta dawn il-kawżi ma jkunux magħquda. Din it-trattazzjoni parallela hija ġġustifikata b’mod partikolari mill-konnessjoni tal-imsemmija kawżi kif ukoll min-neċessità li tiġi żgurata koerenza fl-analiżi ta’ dawn tal-aħħar u fir-risposta li dawn jeħtieġ li jingħataw. B’hekk, it-trattazzjoni parallela ta’ kawżi konnessi tista’ tiġġustifika titwil, ta’ perijodu ta’ xahar għal kull kawża konnessa supplimentari, ta’ perijodu kompriż bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tagħha. Fl-aħħar nett, il-grad ta’ kumplessità fattwali, ġuridika u proċedurali tal-kawżi ma jiġġustifikax perijodu itwal, ladarba, b’mod partikolari, bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura, il-proċedura la ġiet interrotta u lanqas imdewma bl-adozzjoni, mill-Qorti Ġenerali, ta’ xi miżura ta’ organizzazzjoni tagħha.

    Fir-rigward tal-aġir tal-partijiet u l-okkorrenza ta’ inċidenti proċedurali, il-fatt li r-rikorrenti talbu l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi bil-miktub tal-proċedura ma jistax jiġġustifika l-perijodu ta’ 3 snin u 8 xhur li kien diġà għadda mill-preżentata tal-kontroreplika.

    Għalhekk, il-perijodu ta’ 46 xahar li għadda bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u l-ftuħ tal-fażi orali tal-proċedura juri perijodu ta’ inattività mhux iġġustifikat ta’ 20 xahar f’kull waħda minn dawn il-kawżi.

    (ara l-punti 61, 64, 66, 67, 69, 70, 74-76, 78)

  5.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 79, 80)

  6.  Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 299 TFUE, deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE tikkostitwixxi titolu eżekuttiv, sa fejn din tinkludi obbligu pekunjarju fuq id-destinatarji tagħha. Barra minn hekk, il-preżentata ta’ rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni, skont l-Artikolu 263 TFUE, ma hijiex ikkontestata min-natura eżekutorja tal-imsemmija deċiżjoni, sa fejn, skont l-Artikolu 278 TFUE, il-kawżi ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma għandhomx effett ta’ sospensjoni.

    (ara l-punt 102)

  7.  Il-kundizzjoni dwar ir-rabta kawżali imposta mill-Artikolu 340 TFUE teżiġi li l-aġir ikkritikat ikun il-kawża determinanti tad-dannu. Fi kliem ieħor, anki fil-każ ta’ kontribuzzjoni eventwali tal-istituzzjonijiet għad-dannu li għalih qed jintalab l-indennizz, dik il-kontribuzzjoni tista’ tkun remota wisq minħabba responsabbiltà li għandhom persuni oħrajn, u jekk ikun il-każ ir-rikorrent.

    (ara l-punt 117)

  8.  Dannu li jikkonsisti fi spejjeż ta’ garanzija bankarja magħmulin minn kumpannija ssanzjonata minn deċiżjoni tal-Kummissjoni li wara ġiet annullata mill-Qorti Ġenerali, ma jirriżultax direttament mill-illegalità ta’ din id-deċiżjoni, billi dan id-dannu jirriżulta mill-għażla proprja ta’ din il-kumpannija li tagħmel garanzija bankarja sabiex ma teżegwix l-obbligu li tħallas il-multa fit-terminu mogħti fid-deċiżjoni kontenzjuża. Madankollu, ma jistax jingħad l-istess fir-rigward tal-każ fejn il-proċedura quddiem il-qorti tal-Unjoni tkun qabżet it-terminu reġonevoli għal għoti ta’ sentenza, billi, l-ewwel nett, fil-mument tal-kostituzzjoni tal-garanzija bankarja, il-ksur tat-terminu reġonevoli għal għoti ta’ sentenza kien imprevedibbli u r-rikorrent seta’ leġittimament jistenna li r-rikors tiegħu jiġi ttrattat fi żmien reġonevoli. It-tieni nett, l-iskadenza tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza ġrat wara l-għażla inizjali tar-rikorrent li jagħmel garanzija bankarja.

    Minn dan jirriżulta li teżisti rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn, minn naħa, il-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza mill-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, id-dannu li sofra r-rikorrent qabel l-għoti tas-sentenza inkwistjoni, u li jikkonsisti fil-ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja waqt il-perijodu li jikkorrespondi mal-iskadenza ta’ dan it-terminu raġonevoli. F’dan ir-rigward, il-ħlas ta’ spejjeż ta’ garanzija bankarja wara li ngħatat l-imsemmija sentenza, li temmet il-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza fil-kawża inkwistjoni ma jipprovdix rabta kawżali suffiċjentement diretta ma’ dan il-ksur, sa fejn il-ħlas ta’ tali spejjeż jirriżulta mill-għażla personali u awtonoma tar-rikorrent, wara li twettaq l-imsemmi ksur, li ma jħallasx il-multa, li ma jitlobx is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u li jippreżenta appell mis-sentenza hawn fuq imsemmija.

    (ara l-punti 118-120, 130, 131)

  9.  Mir-regoli li jirregolaw il-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, jirriżulta li t-tilwima hija, fil-prinċipju, iddeterminata u limitata mill-partijiet u li l-qorti tal-Unjoni ma tistax tiddeċiedi ultra petita. Għalhekk, il-qorti tal-Unjoni ma tistax twarrab it-talba ta’ rikorrent u tiddeċiedi ex officio li jiġi kkumpensat id-dannu subit matul perijodu kronoloġikament differenti minn dak li matulu huwa jallega li sofra dannu.

    (ara l-punti 136, 137)

  10.  Għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli talba ta’ kumpens għad-danni immaterjali allegatament sostnuti mill-mexxejja u l-impjegati ta’ kumpannija rikorrenti, sa fejn ma jkunx jirriżulta mill-proċess li din tal-aħħar kienet awtorizzata, mill-imsemmija mexxejja u impjegati, tippreżenta rikors għad-danni f’isimhom.

    (ara l-punt 148)

  11.  Fil-kuntest ta’ rikors għad-danni, sa fejn rikorrent ma jressaq l-ebda argument ta’ natura li turi l-eżistenza u d-determinazzjoni tal-firxa tad-dannu morali jew immaterjali tiegħu, huwa għandu l-obbligu, tal-inqas, li jistabbilixxi li l-aġir inkriminat kien, minħabba l-gravità tiegħu, ta’ natura li jikkawżalu tali dannu.

    (ara l-punt 151)

  12.  Il-fatt li rikorrent ikun tpoġġa f’sitwazzjoni ta’ inċertezza, partikolarment dwar is-suċċess tar-rikors tiegħu, huwa inerenti għal kull proċedura ġudizzjarja. Madankollu, il-ksur tat-terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza huwa ta’ natura li jdaħħal lil rikorrent f’sitwazzjoni ta’ inċertezza li taqbeż l-inċertezza li s-soltu tiġi pprovokata minn proċedura ġudizzjarja. Dan l-istat ta’ inċertezza mtawwal jinfluwenza neċessarjament l-ippjanar tad-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu u l-ġestjoni tal-kumpannija u għalhekk joħloq dannu immaterjali.

    (ara l-punt 155-157)

  13.  Fid-dawl tal-ħtieġa li tiġi żgurata l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Unjoni ma tistax tippermetti, għas-sempliċi raġuni li ma kienx osservat terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza, lir-rikorrent jikkontesta l-fondatezza jew l-ammont ta’ multa meta jkunu ġew miċħuda l-motivi kollha mressqa kontra l-konstatazzjonijiet magħmula fir-rigward tal-ammont ta’ din il-multa u tal-aġir issanzjonat minnha.

    Minn dan isegwi li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli għal għoti ta’ sentenza, fil-kuntest tal-eżami ta’ rikors ġudizzjarju ppreżentat kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multa fuq impriża minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma jistax iwassal għall-annullament, totali jew parzjali, tal-multa imposta permezz ta’ din id-deċiżjoni.

    (ara l-punti 161, 162)

  14.  Ladarba jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, il-konsegwenzi sfavorevoli li jirriżultaw miż-żmien li jkun gћadda bejn meta seћћ il-fatt dannuż u l-evalwazzjoni tal-indennizz ma jistgћux jiġu injorati, sa fejn hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni l-inflazzjoni. F’dan ir-rigward, l-interessi kumpensatorji huma intiżi sabiex jikkumpensaw il-mogħdija taż-żmien sal-evalwazzjoni ġudizzjarja tal-ammont tad-dannu, irrispettivament minn kull dewmien imputabbli lid-debitur. It-terminu tal-perijodu li jagħti d-dritt għal din l-evalwazzjoni monetarja mill-ġdid għandu, bħala prinċipju, jikkoinċidi mad-data tal-għoti tas-sentenza li tistabbilixxi l-obbligu li jingħata kumpens għad-dannu subit mir-rikorrent. Fil-każ li rikorrent ma jurix li l-konsegwenzi sfavorevoli marbuta mal-mogħdija taż-żmien jistgħu jiġu kkalkolati fuq il-bażi tar-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid tiegħu b’żieda ta’ żewġ punti perċentwali, l-inflazzjoni marbuta mal-mogħdija taż-żmien hija riflessa fir-rata ta’ inflazzjoni annwali kkonstatata, għall-perijodu kkonċernat, mill-Eurostat fl-Istat Membru fejn ir-rikorrent huwa stabbilit.

    (ara l-punti 168, 169, 176)

Na vrh