EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TJ0384

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tat-12 ta’ Mejju 2016 (Estratti).
Ir-Repubblika Taljana vs Il-Kummissjoni Ewropea.
FAEGG – Taqsima ‘Garanzija’ – FAEG u FAEŻR – Infiq eskluż mill-finanzjament – Setturi taċ-ċanga u vitella u tan-ngħaġ – Korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa – Korrezzjoni eżatta – Artikoli 48 u 69 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 – Drittijiet speċjali – Obbligu ta’ motivazzjoni.
Kawża T-384/14.

Court reports – general

Kawża T‑384/14

(pubblikazzjoni ta ’ estratti)

Ir-Repubblika Taljana

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“FAEGG — Taqsima ‘Garanzija’ — FAEG u FAEŻR — Infiq eskluż mill-finanzjament — Setturi taċ-ċanga u vitella u tan-ngħaġ — Korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa — Korrezzjoni eżatta — Artikoli 48 u 69 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 — Drittijiet speċjali — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tat-12 ta’ Mejju 2016

Agrikoltura – Politika Agrikola Komuni – Sistema integrata ta’ ġestjoni u ta’ kontroll dwar ċerti skemi ta’ għajnuna – Skema ta’ pagament uniku – Kalkolu tal-ammont ta’ referenza – Teħid inkunsiderazzjoni tal-ammonti mħallsa skont l-iskema tal-pagamenti speċjali – Possibbiltà għall-Istati membri li jagħmlu użu minn metodu ieħor ta’ kalkolu tad-drittijiet għall-pagament – Esklużjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1782/2003, Artikoli 36(1), 47 sa 50, 95 u 96)

Waqt l-introduzzjoni tal-pagament uniku, l-Artikolu 48 tar-Regolament Nru 1782/2003 stabbilixxa regoli komuni għall-iskemi ta’ appoġġ dirett għall-agrikolturi fil-kuntest tal-politika agrikola komuni. Fid-dawl ta’ interpretazzjoni litterali ta’ dan l-artikolu u b’teħid inkunsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet adjaċenti, din id-dispożizzjoni tapplika għall-agrikoltur li jkun ibbenefika minn pagamenti li jagħtu dritt għal drittijiet għall-pagament suġġetti għal kundizzjonijiet speċjali msemmija fl-Artikolu 47 tal-imsemmi regolament u li, matul il-perijodu ta’ referenza, ma kellux ettari fis-sens tal-Artikolu 43 tal-istess regolament għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-drittijiet għall-pagament uniku jew li l-ammont tad-dritt tiegħu għal kull ettaru huwa ta’ iktar minn EUR 5000. Dan l-agrikoltur, li, jew ma għandux ettari, jew inkella għandu ettari li d-dritt tagħhom għal kull ettaru jaqbeż l-EUR 5000, għandu dritt a) għall-pagament ugwali għall-ammont ta’ referenza ta’ bażi tiegħu korrispondenti għall-pagamenti diretti li minnhom huwa bbenefika matul il-perijodu medju ta’ tliet snin u (b) għall-pagamenti għal kull EUR 5000 jew parti mill-ammont ta’ referenza, jiġifieri l-pagamenti speċjali, li minnhom ibbenefika matul il-perijodu medju ta’ tliet snin.

Minn dan isegwi li l-pagamenti speċjali jiġu allokati lill-ammont ta’ referenza għal kull ettaru sal-ammont ta’ EUR 5000 u, minn dak il-limitu, jikkostitwixxu dritt għall-pagament speċjali addizzjonali. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 1782/2003 jipprevedi li l-ammonti li dan jelenka għandhom ikunu inklużi fl-ammont ta’ referenza taħt il-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 48 tal-istess regolament. Mill-Artikolu 47(2) tar-Regolament Nru 1782/2003 jirriżulta wkoll li, mill-2007, u b’deroga mill-Artikoli 33, 43 u 44 tal-istess regolament, l-ammonti li jirriżultaw mill-primjum għall-prodotti tal-ħalib u mill-pagamenti addizzjonali previsti fl-Artikoli 95 u 96 tal-imsemmi regolament ser ikunu inklużi fis-sistema ta’ pagament uniku skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 48 u 50. Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni rilevanti tistabbilixxi l-prinċipju ta’ kumulu tal-pagamenti li jirriżultaw mid-diversi titoli f’pagament uniku.

Barra minn hekk, l-Artikolu 48 tar-Regolament Nru 1782/2003 ma jipprevedi ebda metodu alternattiv ta’ determinazzjoni tad-drittijiet għall-pagamenti speċjali, u lanqas ebda obbligu li l-pagamenti li jirriżultaw mid-diversi drittijiet jinżammu separati. F’dan ir-rigward, peress li din id-dispożizzjoni hija ta’ natura obbligatorja u ma tipprevedi ebda marġni ta’ diskrezzjoni għal Stat Membru, dan tal-aħħar ma jistax jippretendi li l-metodu alternattiv tiegħu ta’ determinazzjoni huwa daqstantieħor effikaċi, li kapaċi jipprevjeni l-frodi jew li saħansitra huwa iktar favorevoli għall-agrikoltur.

(ara l-punti 89-91, 93)

Top