Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TJ0138

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tas-16 ta’ Diċembru 2015.
    Randa Chart vs Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE).
    Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Membru tal-persunal lokali assenjat għad-delegazzjoni tal-Unjoni fl-Eġittu – Tmiem tal-kuntratt – Nuqqas tad-delegazzjoni li tipprovdi lill-organu Eġizzjan tas-sigurtà soċjali ċ-ċertifikat ta’ tmiem is-servizz tal-membru tal-persunal u li tirregolarizza ulterjorment is-sitwazzjoni ta’ dan tal-aħħar f’dan ir-rigward – Preskrizzjoni – Dannu kontinwat – Inammissibbiltà parzjali – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Terminu raġonevoli – Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Dannu ċert – Rabta kawżali.
    Kawża T-138/14.

    Court reports – general

    Kawża T‑138/14

    Randa Chart

    vs

    Service européen pour l’action extérieure (SEAE)

    “Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Membru tal-persunal lokali assenjat għad-delegazzjoni tal-Unjoni fl-Eġittu — Tmiem tal-kuntratt — Nuqqas tad-delegazzjoni li tipprovdi lill-organu Eġizzjan tas-sigurtà soċjali ċ-ċertifikat ta’ tmiem is-servizz tal-membru tal-persunal u li tirregolarizza ulterjorment is-sitwazzjoni ta’ dan tal-aħħar f’dan ir-rigward — Preskrizzjoni — Dannu kontinwat — Inammissibbiltà parzjali — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Terminu raġonevoli — Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali — Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi — Dannu ċert — Rabta kawżali”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tas-16 ta’ Diċembru 2015

    1. Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Illegalità — Dannu — Rabta kawżali — Assenza ta’ waħda mill-kundizzjonijiet — Ċaħda tar-rikors għad-danni kollu kemm hu

      (It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

    2. Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Illegalità — Ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni — Ksur tad-dritt ta’ pajjiż terz — Esklużjoni — Eċċezzjoni — Ksur li jikkostitwixxi wkoll ksur tad-dritt tal-Unjoni

      (It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41)

    3. Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Dannu — Dannu li jista’ jiġi kkumpensat — Dannu ta’ natura kontinwa — Inklużjoni — Kundizzjonijiet

      (It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

    4. Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Rabta kawżali — Dannu li jirriżulta min-nuqqas ta’ teħid ta’ azzjoni ta’ istituzzjoni — Dannu materjali kkawżat lil ex membru tal-persunal lokali minħabba li delegazzjoni tal-Unjoni naqset milli twettaq il-formalitajiet amministrattivi neċessarji wara t-tmiem tas-servizz tal-persuna kkonċernata — Kawża determinanti tad-dannu li ma tinsabx fl-aġir tad-delegazzjoni tal-Unjoni — Assenza ta’ rabta kawżali

      (It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

    5. Rikors għad-danni — Terminu ta’ preskrizzjoni — Bidu tad-dekorrenza — Dannu kontinwat — Data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni

      (It-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 46)

    1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punti 49, 50)

    2.  Fil-qasam ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, il-kundizzjoni dwar l-aġir illegali li bih tkun ikkritikata l-istituzzjoni jew il-korp tal-Unjoni kkonċernat teħtieġ li jiġi stabbilit ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi.

      F’dan ir-rigward, il-ksur ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ pajjiż terz ma jistax, bħala tali u waħdu, jikkostitwixxi ksur tad-dritt tal-Unjoni ta’ natura li tapplika r-responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ din. Min-naħa l-oħra, meta tali ksur jikkostitwixxi simultanjament ksur ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni, b’mod partikolari ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni tista’ tiġi applikata. Għalhekk, fir-rigward tal-ksur minn delegazzjoni tal-Unjoni tad-dritt ta’ pajjiż terz fir-rigward tal-istabbiliment ta’ ċertifikati ta’ tmiem ta’ servizz għall-persunal tagħha, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li kien hemm ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, fis-sens tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni, u, b’mod partikolari, tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli. Issa, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, meta jikkostitwixxi l-espressjoni ta’ dritt speċifiku bħad-dritt li l-kwistjonijiet jiġu ttrattati b’mod imparzjali, ekwu u f’terminu raġonevoli, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 41, għandu jitqies bħala dispożizzjoni legali tal-Unjoni li għandha l-għan li tikkonferixxi drittijiet lill-individwi. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni ma għandhomx marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-osservanza, f’każ konkret, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Konsegwentement, il-konstatazzjoni ta’ sempliċi ksur ta’ dan il-prinċipju minn delegazzjoni tal-Unjoni huwa biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju.

      (ara l-punti 51, 108, 109, 113-115)

    3.  Ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni ma tistax tiġi applikata ħlief jekk ir-rikorrent ikun effettivament sofra dannu reali u ċert. Il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ dannu ċert hija sodisfatta ladarba d-dannu jkun imminenti u prevedibbli b’ċertezza suffiċjenti, anki jekk ma jkunx għad jista’ jiġi kwantifikat bi preċiżjoni.

      F’dak li jirrigwarda d-danni ta’ natura kontinwata, id-danni rinnovati matul perijodi suċċessivi u li jiżdiedu bi proporzjon taż-żmien li jkun għadda għandhom jitqiesu li huma ta’ natura kumpensabbli. Ma jistax ikun kopert minn din id-definizzjoni, id-dannu materjali magħmul mill-ispejjeż amministrattivi u l-ispejjeż ta’ avukat sostnuti minn ex membru tal-persunal lokali għat-tiġdid tal-permessi ta’ residenza u l-permessi ta’ xogħol tiegħu fi Stat Membru kif ukoll għall-kisba tan-nazzjonalità ta’ dan l-Istat, minħabba li delegazzjoni tal-Unjoni naqset milli tirregolarizza s-sitwazzjoni tiegħu, wara li rriżenja, f’pajjiż terz, fejn dan in-nuqqas allegatament ipprekluda lill-persuna kkonċernata milli tirritorna f’dan il-pajjiż. Fil-fatt, dawn l-ispejjeż, anki jekk huma ripetuti xi drabi matul diversi snin, għandhom natura istantanja, sa fejn huma effettivament seħħew fid-data ta’ meta seħħet kull waħda mill-proċeduri amministrattivi inkwistjoni u fejn l-ammonti tagħhom ma żdiedux bi proporzjon taż-żmien li għadda.

      Lanqas ma jista’ jiġi kkwalifikat bħala kontinwat, id-dannu magħmul mill-ispejjeż tal-ivvjaġġar allegatament esposti mill-persuna kkonċernata sabiex tmur fil-pajjiż terz fejn hija stabbilita l-imsemmija delegazzjoni tal-Unjoni. Fil-fatt, min-natura tagħhom, tali spejjeż iseħħu effettivament fid-data ta’ kull wieħed mill-vjaġġi inkwistjoni u ma jiżdidux bi proporzjon taż-żmien li jkun għadda.

      (ara l-punti 52, 81, 82, 86)

    4.  Fil-qasam tar-responsabbilta mhux kuntrattwali tal-Unjoni, il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat teżiġi li l-imsemmi dannu jirriżulta b’mod biżżejjed dirett mill-aġir ikkontestat, peress li dan tal-aħħar għandu jikkostitwixxi l-kawża determinanti tad-dannu, peress li ma hemmx obbligu li tiġi kkumpensata kull konsegwenza li tikkawża dannu, anki jekk lontanament, ta’ sitwazzjoni illegali.

      F’dan il-kuntest, f’każijiet fejn l-aġir li allegatament ikun wassal għad-dannu invokat ikun jikkonsisti f’nuqqas ta’ aġir, huwa partikolarment neċessarju li jkun hemm iċ-ċertezza li l-imsemmi dannu jkun effettivament ġie kkawżat min-nuqqas ta’ azzjoni li huwa kkritikat u ma jkunx seta’ ġie kkawżat minn aġir differenti minn dak li tkun akkużata bih il-konvenuta. F’dan ir-rigward, f’każijiet fejn l-aġir li allegatament ikun wassal għad-dannu invokat ikun jikkonsisti f’nuqqas ta’ aġir, huwa partikolarment neċessarju li jkun hemm iċ-ċertezza li l-imsemmi dannu jkun effettivament ġie kkawżat min-nuqqas ta’ azzjoni li huwa kkritikat u ma jkunx seta’ ġie kkawżat minn aġir differenti minn dak li tkun akkużata bih l-istituzzjoni konvenuta. Għalhekk, fir-rigward ta’ rikors ta’ ex membru tal-persunal lokali fir-rigward ta’ dannu materjali subit minħabba li allegatament delegazzjoni tal-Unjoni naqset milli tirregolarizza s-sitwazzjoni tiegħu, wara li rriżenja, mal-awtoritajiet lokali, jekk l-effett ta’ dan in-nuqqas kien li l-persuna kkonċernata ma setgħetx tirritorna taħdem jew tgħix fl-Istat fejn hija stabbilita d-delegazzjoni tal-Unjoni inkwistjoni, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li deċiżjoni tal-persuna kkonċernata li tixtri appartament fl-Istat Membru ta’ residenza tagħha u li tieħu self ipotekarju għal dan il-għan tirriżulta, b’mod determinanti, minn għażla personali tagħha, u mhux mill-aġir ikkontestat. L-iktar l-iktar teżisti biss rabta indiretta ta’ kawża u effett bejn dan l-aġir u dawn id-deċiżjonijiet ta’ xiri u ta’ self.

      (ara l-punti 53, 132, 133)

    5.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punti 55-58)

    Top