Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TJ0122

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tad-9 ta’ Ġunju 2016.
    Ir-Repubblika Taljana vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li kkonstatat nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Pagamenti ta’ penalità – Deċiżjoni ta’ likwidazzjoni tal-pagamenti ta’ penalità – Metodu ta’ kalkolu tal-interessi applikabbli għall-irkupru tal-għajnuna illegali – Interessi komposti.
    Kawża T-122/14.

    Court reports – general

    Kawża T-122/14

    Ir-Repubblika Taljana

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea

    “Nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li kkonstatat nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Pagamenti ta’ penalità — Deċiżjoni ta’ likwidazzjoni tal-pagamenti ta’ penalità — Metodu ta’ kalkolu tal-interessi applikabbli għall-irkupru tal-għajnuna illegali — Interessi komposti”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tad-9 ta’ Ġunju 2016

    Għajnuna mogħtija mill-Istati – Irkupru ta’ għajnuna illegali – Ħlas ta’ interessi ġġustifikat min-neċessità li terġa’ tiġi stabbilita s-sitwazzjoni preċedenti – Applikazzjoni ta’ rata ta’ interessi fuq bażi komposta – Regolament Nru 794/2004 – Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis – Determinazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu tal-interessi applikabbli, qabel id-dħul fis-seħħ tar-regolament imsemmi, għall-irkupru tal-għajnuna illegali – Referenza għal-liġi nazzjonali

    (Artikolu 108(2) TFUE; Regolament tal-Kummissjoni Nru 794/2004, Artikoli 11(2) u 13)

    Għalkemm l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 794/2004, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE], jipprovdi li r-rata tal-interessi hija applikata fuq bażi komposta sad-data tal-irkupru tal-għajnuna u li l-interessi akkumulati għal sena jipproduċu interessi f’kull sena sussegwenti, hemm madankollu lok li jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni hija, skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, applikabbli biss għad-deċiżjonijiet ta’ rkupru nnotifikati wara d-data tad-dħul fis-seħħ tar-regolament imsemmi, jiġifieri wara l-20 ta’ Mejju 2004. Għalhekk, l-Artikolu 11(2) ta’ dan ir-regolament ma huwiex, bħala tali, applikabbli ratione temporis għal deċiżjoni li tordna l-irkupru ta’ għajnuna illegali nnotifikata lil Stat Membru qabel din id-data.

    F’dan ir-rigward, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni fuq dan il-qasam, huwa d-dritt nazzjonali li għandu jiddetermina jekk, fil-każ partikolari, ir-rata tal-interessi kellhiex tiġi applikata fuq bażi sempliċi jew fuq bażi komposta. Għaldaqstant, għad-deċiżjonijiet ta’ rkupru li jippreċedu d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 794/2004, interessi komposti jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss jekk dan jikkorrispondi mas-sistema normalment applikata fil-liġi nazzjonali.

    (ara l-punti 59-61, 64, 65)

    Top