EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TJ0076

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tal-15 ta’ Settembru 2016.
Morningstar, Inc. vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Kompetizzjoni - Abbuż minn pożizzjoni dominanti - Suq dinji għal provvista tad-dejta kkonsolidata f’ħin reali - Deċiżjoni li tirrendi vinkolanti l-impenji proposti mill-impriża f’pożizzjoni dominanti – Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2004.
Kawża T-76/14.

Court reports – general

Kawża T-76/14

Morningstar, Inc.

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Abbuż minn pożizzjoni dominanti — Suq dinji għal provvista tad-dejta kkonsolidata f’ħin reali — Deċiżjoni li tirrendi vinkolanti l-impenji proposti mill-impriża f’pożizzjoni dominanti — Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2004”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tal-15 ta’ Settembru 2016

  1. Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li għamlet vinkolanti l-impenji proposti minn impriża suġġetta għal proċedura ta’ evalwazzjoni ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti – Impriża li hija potenzjalment kompetitriċi li tirriskja li tissubixxi effetti negattivi sinjifikattivi minħabba dawn l-impenji li pparteċipat attivament fil-proċedura amministrattiva – Ammissibbiltà

    (Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 9(1))

  2. Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Waqfien tal-istanzi ta’ ksur – Setgħa tal-Kummissjoni – Impenji – Marġni diskrezzjonali – Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Stħarriġ ġudizzjarju – Portata

    (Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003 Artikolu 9)

  3. Proċedura ġudizzjarja – Tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża – Kundizzjonijiet – Estensjoni ta’ motiv eżistenti – Limiti

    (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 44(1)(c) u 48(2))

  4. Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Waqfien tal-istanzi ta’ ksur – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tivvinkola l-impenji meħuda skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Assenza

    (Artikolu 102 TFUE ; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 9)

  5. Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Waqfien tal-istanzi ta’ ksur – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tivvinkola l-impenji meħuda skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata – Assenza ta’ ksur

    (Artikolu 296 TFUE ; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 9)

  1.  Jekk is-sempliċi parteċipazzjoni ta’ impriża fil-proċedura amministrattiva li twassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tivvinkola, skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1/2003, l-impenji proposti minn impriża oħra suġġetta għal proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) ċertament mhux suffiċjenti, waħidha, sabiex tistabbilixxi li rikorrent huwa individwalment kkonċernat mid-deċiżjoni li tivvinkola dawn l-impenji, xorta jibqa’ l-fatt li l-parteċipazzjoni attiva tagħha fil-proċedura amministrattiva tikkostitwixxi element meħud inkunsiderazzjoni, fil-qasam tal-kompetizzjoni, fil-qasam iktar speċifiku tal-impenji skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, sabiex jiġi stabbilit, flimkien ma’ ċirkostanzi oħra speċifiċi, l-ammissibbiltà tar-rikors tagħha. tali ċirkustanza speċifika tikkonsisti, f’dan il-każ, fl-effett tal-pożizzjoni tar-rikorrenti fis-suq inkwistjoni. B’mod partikolari, dan huwa l-każ meta r-rikorrenti topera fis-suq ikkaratterizzat minn numru ristrett ta’ kompetituri li fih l-impriża li tkun ħadet l-imsemmija impenji tokkupa pożizzjoni dominanti. F’dan il-każ, li l-miżuri ristrettivi min-naħa tal-impriżi f’pożizzjoni dominanti, bħal dawk li kienu suġġetti għall-evalwazzjoni preliminari tal-Kummissjoni, jista’ jkollhom effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-attivitajiet tar-rikorrenti.

    (ara l-punti 30, 31, 34, 35)

  2.  F’dan il-kuntest il-mekkaniżmu stabbilit mill-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-aċċettazzjoni jew ċ-ċaħda tal-impenji li hija tipproponi bl-għan li tneħħi t-tħassib li jirrigwardaw abbuż eventwali ta’ pożizzjoni dominanti li hija fformulat fl-evalwazzjoni preliminari tagħha. Sa fejn il-Kummissjoni hija msejħa twettaq analiżi li teħtieġ it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ diversi fatturi ekonomiċi, bħal analiżi prospettiva bil-għan li tiġi evalwata l-adegwatezza tal-impenji offerti mill-impriża inkwistjoni, hawnhekk hija tgawdi wkoll setgħa diskrezzjonali li tagħha l-Qorti Ġenerali għandha tieħu inkunsiderazzjoni fl-eżerċizzju tal-istħarriġ tagħha. Minn dan jirriżulta li l-qorti tal-Unjoni ma tistax, fil-kuntest tal-istħarriġ limitat li hija teżerċita f’sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha għal dik tal-Kummissjoni

    Fir-rigward tal-proporzonalità tal-impenji, it-test li għandha tuża l-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003 jinsab fil-fatt ta’ jekk l-impenji humiex suffiċjenti u jistgħux jindirizzaw b’mod adegwat għat-tħassib tagħha, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-każ, jiġifieri, il-gravità tat-tħassib, il-portata tagħhom, u l-interessi ta’ terzi. L-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni jillimita ruħu li jivverifika jekk l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni hija manifestament żbaljata, billi timplementa l-prinċipji mfakkra.

    Barra minn hekk il-fatt li l-impenji setgħu jiġu aċċettati wkoll, jew li setgħu kienu iktar favorevoli għall-kompetituri, ma wasslux għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tivvinkola dawn l-impenji sa fejn il‑Kummissjoni kienet raġonevolment intitolata li tikkonkludi li l-impenji stabbiliti fid-deċiżjoni kkontestata jippermettu li jiġi mxejjen it-tħassib identifikat fl-evalwazzjoni preliminari.

    (ara l-punti 40, 41, 45, 46, 56, 58, 59, 78, 84-88)

  3.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 53, 54)

  4.  Il-Kummissjoni ma wettqet ebda żball ta’ liġi billi qieset li t-tħassib tagħha fir-rigward tal-abbuż eventwali ta’ pożizzjoni dominanti jista’ jixxejjen mhux billi teżiġi mill-impriża f’pożizzjoni dominanti fis-suq dinji għal provvista tad-dejta kkonsolidata f’ħin reali kkonsolidaw soluzzjonijiet komportamentali fir-rigward tal-kompetituri tagħha u ta’ terzi fis-sens li l-klijenti ta’ din l-impriża jiġu offerti għażliet differenti fil-perspettiva ta’ bdil ta’ fornituri, kemm jekk huma interni jew esterni għall-infrastruttura tagħhom. Billi taċċetta tali impenji, il-Kummissjoni tqis li, sabiex twieġeb għat-tħassib li hija qajmet, ma huwiex neċessarju li jiġu inklużi l-kompetituri tal-impriża fit-termini tal-liċenzji proposti minnha lill-klijenti u lil żviluppaturi terzi.

    Fir-rigward tar-responsabbiltà u tal-ispiża tat-tibdil neċessarju għall-impenji imposti fuq l-impriża f’pożizzjoni dominanti fuq il-klijenti, il-Kummissjoni ma twettaqx żball ta’ liġi meta dawn l-impenji jippermettu, wara offerta mtejba tal-impriża dominanti fir-rigward tal-klijenti tagħha, titjib reali għalihom, fis-sens li ma għadhomx jaffaċċjaw spejjeż projbittivi fil-prospett ta’ bdil ta’ fornitur. L-istess japplika għall-konstatazzjoni tal-Kummissjoni skont liema l-kollaborazzjoni bejn il-fornituri tad-data kkonsolidata f’ħin reali u l-iżviluppaturi ta’ partijiet terzi tista’ toħloq ekonomiji ta’ skala li għandhom natura li jbaxxu l-ispejjeż ta’ bdil ta’ fornitur, dan il-fatt seta’ kien ta’ inċentiv addizzjonali għall-klijenti, inkluż għall-klijenti ta’ daqs żgħir, sabiex ibiddlu l-fornitur.

    (ara l-punti 62, 63, 67, 69)

  5.  Fir-rigward tad-deċiżjonijiet li jirrendu vinkolanti l-impenji meħuda skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1/2003, intiżi sabiex ixejnu t-tħassib tal-Kummissjoni dwar abbuż eventwali ta’ pożizzjoni dominanti, il-Kummissjoni ssodisfat l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha billi esponiet l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li wassluha li tikkonkludi li l-impenji offerti jindirizaw b’mod adegwat it-tħassib fil-qasam tal-kompetizzjoni li hija identifikat b’mod li ma kienx hemm iktar lok għaliha li taġixxi. Barra minn hekk, jekk il-Kummissjoni għandha l-obbligu li timmotiva d-deċiżjoni li tadotta, hija ma hijiex obbligata li tispjega għaliex hija ma adottatx deċiżjoni differenti.

    (ara l-punti 97, 101)

Top