Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0572

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-21 ta’ April 2016.
    Austro-Mechana Gesellschaft zur Wahrnehmung mechanisch-musikalischer Urheberrechte Gesellschaft mbH vs Amazon EU Sàrl et.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali – Artikolu 5(3) – Kunċett ta’ ‘delitt jew kważi delitt’ – Direttiva 2001/29/KE – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Artikolu 5(2)(b) – Dritt ta’ riproduzzjoni – Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet – Riproduzzjoni għal użu privat – Kumpens ġust – Nuqqas ta’ ħlas – Inklużjoni eventwali fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001.
    Kawża C-572/14.

    Court reports – general

    Kawża C‑572/14

    Austro-Mechana Gesellschaft zur Wahrnehmung mechanisch-musikalischer Urheberrechte GmbH

    vs

    Amazon EU Sàrl et

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali — Artikolu 5(3) — Kunċett ta’ ‘delitt jew kważi delitt’ — Direttiva 2001/29/KE — Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni — Artikolu 5(2)(b) — Dritt ta’ riproduzzjoni — Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet — Riproduzzjoni għal użu privat — Kumpens ġust — Nuqqas ta’ ħlas — Inklużjoni eventwali fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-21 ta’ April 2016

    Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament Nruo44/2001 – Ġurisdizzjoni speċjali – Ġurisdizzjoni f’materji ta’ delitt jew kważi-delitt – Kunċett – Azzjoni intiża li jinkiseb il-ħlas ta’ remunerazzjoni dovuta bis-saħħa ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li timplementa s-sistema ta’ kumpens ġust prevista fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29 – Inklużjoni – Obbligu li r-remunerazzjoni titħallas lil soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur – Assenza ta’ effett

    [Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, Artikolu 5, punt 3; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, Artikolu 5(2)(b)]

    L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt “delitt jew kważi delitt’, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, talba intiża li jinkiseb il-ħlas ta’ remunerazzjoni dovuta bis-saħħa ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li timplementa s-sistema ta’ kumpens ġust prevista fl-Artikolu 5(2)(b) tad-Direttiva 2001/29/KE, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, leġiżlazzjoni li tipprovdi li l-awtur ikollu dritt għal remunerazzjoni ġusta meta, minħabba n-natura ta’ xogħol trażmess, imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku jew stabbilit fuq mezz ta’ reġistrazzjoni vidjo jew awdjo, immanifatturat għal finijiet kummerċjali, jista’ jiġi antiċipat li dan jiġi riprodott għall-użu personali jew privat, meta mezzi ta’ reġistrazzjoni jitqiegħdu fis-suq nazzjonali għal finijiet kummerċjali u bi ħlas.

    Fil-fatt, il-kunċett ta’ materji ta’ delitt jew kważi delitt ikopri kull talba li tkun intiża tistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ konvenut u li ma tkunx marbuta ma’ materji kuntrattwali fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001.

    F’dan ir-rigward, minn naħa, tali rabta ma tkunx teżisti jekk l-obbligu li titħallas ir-remunerazzjoni ma jkunx ġie assunt liberament mill-persuna li għandha tħallas, iżda jkun ġie impost mill-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali minħabba t-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni, għal finijiet kummerċjali u bi ħlas, ta’ mezzi ta’ reġistrazzjoni li jistgħu jservu għar-riproduzzjoni ta’ xogħlijiet jew ta’ oġġetti protetti.

    Minn naħa l-oħra, l-imsemmija talba tkun intiża li tistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ konvenut, peress li tkun ibbażata fuq ksur, minn dan tal-aħħar, tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni li teżiġi li huwa jħallas ir-remunerazzjoni ġusta u li dan il-ksur jikkostitwixxi att illegali li jikkawża dannu lill-konvenut. Fil-fatt, in-nuqqas ta’ rkupru tal-imsemmija remunerazzjoni ġusta jikkostitwixxi fatt dannuż, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, sa fejn l-imsemmija remunerazzjoni jkollha l-għan li tikkumpensa l-awturi għall-kopja privata li tkun saret, mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħhom, tax-xogħlijiet protetti tagħhom u li, minħabba dan, ikollha titqies bħala l-korrispettiv tad-dannu mġarrab mill-awturi, li jirriżulta minn tali kopja mhux awtorizzata minn dawn tal-aħħar. Il-fatt li din ir-remunerazzjoni ġusta għandha titħallas mhux lid-detenturi ta’ dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni li hija għandha l-għan li tikkumpensa, iżda lis-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur, ma huwiex rilevanti f’dan ir-rigward sa fejn, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, dawn is-soċjetajiet biss huma awtorizzati jinvokaw dritt għall-imsemmija remunerazzjoni.

    (ara l-punti 32, 37, 38, 43-46, 50, 53 u d-dispożittiv)

    Top