Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0559

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-25 ta’ Mejju 2016.
    Rudolfs Meroni vs Recoletos Limited.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ miżuri provviżorji u kawtelatorji – Kunċett ta’ ‘ordni pubbliku’.
    Kawża C-559/14.

    Court reports – general

    Kawża C-559/14

    Rudolfs Meroni

    vs

    Recoletos Limited

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākās tiesas Civillietu departaments)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ miżuri provviżorji u kawtelatorji — Kunċett ta’ ‘ordni pubbliku’”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-25 ta’ Mejju 2016

    1. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament Nru 44/2001 – Rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi – Motivi tar-rifjut – Ksur tal-ordni pubbliku tal-Istat mitlub – Kundizzjonijiet – Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja

      (Regolament tal‑Kunsill Nru 44/2001, Artikoli 34(1), 36 u 45(2))

    2. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament Nru 44/2001 – Rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi – Motivi tar-rifjut – Ksur tal-ordni pubbliku tal-Istat mitlub – Deċiżjoni ta’ qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini li tista’ taffettwa d-drittijiet ta’ terz mhux mismugħ iżda li ikun jista’ jsostni d-drittijiet tiegħu quddiem din il-qorti – Assenza ta’ ksur tal-ordni pubbliku

      (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, Artikoli 34(1), 36 u 45(2))

    1.  L-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, li jirrigwarda l-kunċett ta’ ordni pubbliku, għandu jiġi interpretat b’mod strett inkwantu jikkostitwixxi ostakolu għat-twettiq ta’ wieħed mill-għanijiet fundamentali ta’ dan ir-regolament u li għandu jidħol fis-seħħ biss f’każijiet eċċezzjonali.

      Għalkemm ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddefinixxi l-kontenut tal-ordni pubbliku ta’ Stat Membru, hija għandha tistħarreġ il-limiti li fil-kuntest tagħhom il-qorti ta’ Stat Membru jista’ jkollha rikors għal dan il-kunċett sabiex ma tirrikonoxxix sentenza mogħtija minn Stat Membru ieħor.

      F’dan ir-rigward, billi jipprojbixxu l-istħarriġ tal-mertu ta’ deċiżjoni barranija, l-Artikoli 36 u 45(2) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprojbixxu lill-qorti tal-Istat Membru mitlub milli tirrifjuta li tirrikonoxxi jew teżegwixxi din is-sentenza unikament minħabba li tkun teżisti differenza bejn ir-regola tad-dritt applikata mill-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini u dik li kienet tapplika l-qorti tal-Istat Membru mitlub kieku ġiet adita bil-kawża. Bl-istess mod, il-qorti tal-Istat Membru mitlub ma tistax tistħarreġ l-eżattezza tal-evalwazzjonijiet ta’ liġi u ta’ fatt li jkunu saru mill-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini.

      Konsegwentement, għandu jsir użu mill-klawżola ta’ ordni pubbliku, prevista fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001 biss fil-każ li r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tas-sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor ivarjaw mill-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru mitlub b’mod inaċċettabbli, peress li jippreġudikaw prinċipju fundamentali. Sabiex tiġi osservata l-projbizzjoni tar-reviżjoni fuq il-mertu ta’ sentenza barranija, il-preġudizzju għandu jikkostitwixxi ksur manifest ta’ dispożizzjoni legali kkunsidrata li hija essenzjali fl-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru mitlub jew ta’ dritt rikonoxxut li huwa fundamentali f’dan l-ordinament ġuridiku.

      (ara l-punti 38, 40-42, 46)

    2.  L-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ digriet mogħti minn qorti ta’ Stat Membru, li ngħata mingħajr ma terz, li d-drittijiet tiegħu jistgħu jiġu affettwati minn dan id-digriet, ma jkun instema’, ma għandhomx jitqiesu li huma manifestament kontra l-ordni pubbliku tal-Istat Membru mitlub u kontra d-dritt għal smigħ xieraq fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, sa fejn ikun possibbli għalih li jsostni d-drittijiet tiegħu quddiem din il-qorti.

      Fil-fatt, l-ewwel nett, ir-Regolament Nru 44/2001, ibbażat fuq fiduċja reċiproka fil-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni, jistrieħ fuq l-idea fundamentali li l-partijiet fil-kawża huma obbligati, bħala prinċipju, li jużaw ir-rimedji kollha li huma disponibbli skont il-liġi tal-Istat Membru ta’ oriġini. Ħlief f’ċirkustanzi partikolari li jirrendu diffiċli ħafna jew impossibbli l-eżerċizzju tar-rimedji ġudizzjarji fl-Istat Membru tal-oriġini, il-partijiet fil-kawża għandhom jużaw f’dan l-Istat Membru r-rimedji ġudizzjarji kollha disponibbli sabiex jevitaw ksur tal-ordni pubbliku qabel ma jseħħ.

      F’dan il-kuntest, tissodisfa r-rekwiżiti dwar il-garanziji proċedurali li jiżguraw lit-terzi kollha kkonċernati possibbiltà effettiva li jikkontestaw miżura adottata mill-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini, is-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja li tirriżulta minn leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat, li permezz tagħha terz, li ġie nnotifikat digriet meta ma kienx parti fil-proċedura quddiem il-qorti tal-Istat ta’ oriġini, li ma jkunx instema’ u li d-drittijiet tiegħu jistgħu jiġu affettwati minn dan id-digriet, jista’ jressaq quddiem din il-qorti rikors kontra dan id-digriet u jitlob li dan ikun immodifikat jew annullat. Fil-fatt, tali sistema ma tistax titqies li hija ta’ natura tali li tikser l-Artikolu 47 tal-Karta.

      It-tieni nett, jekk il-qorti tal-Istat Membru mitlub setgħet tevalwa l-eżistenza ta’ dritt eventwali li terz, li ma kienx involut fil-proċedura quddiem il-qorti tal-Istat ta’ oriġini, seta’ jqajjem fil-konfront tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni tas-sentenza barranija, din il-qorti jista’ jkollha teżamina l-mertu ta’ din id-deċiżjoni. Tali eżami jkun manifestament kuntrarju għall-Artikoli 36 u 45(2) tar-Regolament Nru 44/2001 li permezz tiegħu, fi kwalunkwe każ, is-sentenza barranija ma tistax tiġi riveduta fuq il-merti tagħha.

      (ara l-punti 47-50, 52-54 u d-dispożittiv.)

    Top