Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0555

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-16 ta’ Frar 2017.
IOS Finance EFC SA vs Servicio Murciano de Salud.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġlieda kontra l-ħlas tardiv fit-tranżazzjonijiet kummerċjali – Direttiva 2011/7/UE – Tranżazzjonijiet kummerċjali bejn impriżi privati u awtoritajiet pubbliċi – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkundizzjona l-irkupru immedjat tal-ammont prinċipali ta’ dejn għar-rinunzja tal-interessi moratorji u għall-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru.
Kawża C-555/14.

Court reports – general

Kawża C-555/14

IOS Finance EFC SA

vs

Servicio Murciano de Salud

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no 6 de Murcia)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġlieda kontra l-ħlas tardiv fit-tranżazzjonijiet kummerċjali – Direttiva 2011/7/UE – Tranżazzjonijiet kummerċjali bejn impriżi privati u awtoritajiet pubbliċi – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkundizzjona l-irkupru immedjat tal-ammont prinċipali ta’ dejn għar-rinunzja tal-interessi moratorji u għall-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-16 ta’ Frar 2017

Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Ġlieda kontra l-ħlas tardiv fit-tranżazzjonijiet kummerċjali – Direttiva 2011/7 – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkundizzjona l-irkupru immedjat tal-ammont prinċipali ta’ dejn għar-rinunzja tal-interessi moratorji u għall-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru – Ammissibbiltà – Kundizzjoni – Rinunzja maqbula liberament – Verifika li taqa’ fuq il-qorti nazzjonali

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2011/7, Artikolu 7(2) u (3))

Id-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 2011, dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard [ħlas tardiv] fi tranżazzjonijiet kummerċjali, u b’mod partikolari, l-Artikolu 7(2) u (3) tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lill-kreditur jirrinunzja għall-interessi moratorji u għall-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru inkambju għall-ħlas immedjat tal-ammont prinċipali ta’ djun eżiġibbli, sakemm tali rinunzja tkun saret b’kunsens liberu, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

F’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sabiex jiġi evalwat jekk ir-rinunzja twettqitx b’kunsens liberu, għandu jiġi żgurat li l-kreditur verament seta’ juża kull rimedju ġudizzjarju effettiv sabiex jitlob, li kieku xtaq, il-ħlas sħiħ tad-dejn tiegħu, li jinkludi l-interessi moratorji u l-kumpens għall-ispejjeż ta’ rkupru, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

(ara l-punti 35, 36 u d-dispożittiv)

Top