Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0528

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tas-27 ta’ April 2016.
    X vs Staatssecretaris van Financiën.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tariffa Doganali Komuni – Regolament (KE) Nru 1186/2009 – Artikolu 3 – Eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni – Proprjetà personali – Trasferiment ta’ residenza minn pajjiż terz għal Stat Membru – Kunċett ta’ ‘residenza normali’ – Impossibbiltà li wieħed ikollu fl-istess ħin residenza normali fi Stat Membru u f’pajjiż terz – Kriterji ta’ determinazzjoni tal-post ta’ residenza normali.
    Kawża C-528/14.

    Court reports – general

    Kawża C‑528/14

    X

    vs

    Staatssecretaris van Financiën

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Tariffa Doganali Komuni — Regolament (KE) Nru 1186/2009 — Artikolu 3 — Eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni — Proprjetà personali — Trasferiment ta’ residenza minn pajjiż terz għal Stat Membru — Kunċett ta’ ‘residenza normali’ — Impossibbiltà li wieħed ikollu fl-istess ħin residenza normali fi Stat Membru u f’pajjiż terz — Kriterji ta’ determinazzjoni tal-post ta’ residenza normali”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas-27 ta’ April 2016

    1. Dritt tal-Unjoni Ewropea – Interpretazzjoni – Metodi – Interpretazzjoni letterali, sistematika u teleoloġika

    2. Unjoni doganali – Tariffa doganali komuni – Eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni – Proprjetà personali importata minn persuni fiżiċi li qegħdin jittrasferixxu r-residenza normali tagħhom fit-territorju doganali tal-Unjoni – Impossibbiltà li wieħed ikollu fl-istess ħin residenza normali fi Stat Membru u f’pajjiż terz

      (Regolament tal-Kunsill Nruo1186/2009, Artikolu 3)

    3. Unjoni doganali – Tariffa doganali komuni – Eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni – Proprjetà personali importata minn persuni fiżiċi li qegħdin jittrasferixxu r-residenza normali tagħhom fit-territorju doganali tal-Unjoni – Persuna fiżika li għandha kemm rabtiet fi Stat Membru kif ukoll f’pajjiż terz – Kriterji ta’ determinazzjoni tal-post tar-residenza normali

      (Regolament tal-Kunsill Nruo1186/2009, Artikoli 3 u 5(1))

    1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punt 22)

    2.  L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1186/2009, li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ eżenzjonijiet mid-dazju doganali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, persuna fiżika ma jistax ikollha, fl-istess ħin, residenza normali kemm fi Stat Membru kif ukoll f’pajjiż terz.

      Interpretazzjoni li tipprovdi li persuna fiżika jista’ jkollha fl-istess ħin żewġ residenzi normali, fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1186/2009, waħda f’pajjiż terz u oħra fi Stat Membru, ma tistax titqies konformi mal-objettiv li jikkonsisti f’li jiffaċilita l-istabbiliment tar-residenza l-ġdida fi Stat Membru.

      (ara l-punti 28, 29 u d-dispożittiv 1)

    3.  F’ċirkustanzi, fejn persuna għandha kemm rabtiet personali kif ukoll rabtiet professjonali f’pajjiż terz u rabtiet personali fi Stat Membru, sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-residenza normali tal-persuna kkonċernata, fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1186/2009, li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ eżenzjonijiet mid-dazju doganali, tinsabx fil-pajjiż terz, għandu jingħata importanza partikolari, matul l-evalwazzjoni globali tal-punti ta’ fatt rilevanti, lit-tul tar-residenza tal-persuna kkonċernata fil-pajjiż terz.

      Fil-fatt, ir-residenza normali, fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1186/2009, għandha titqies li hija l-post fejn il-persuna kkonċernata stabbilixxiet iċ-ċentru permanenti tal-interessi tagħha. Sabiex jiġi ddeterminat jekk din ir-residenza normali tinsabx f’pajjiż terz, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-eżenzjoni doganali prevista f’dan l-Artikolu 3, il-punti kollha ta’ fatt rilevanti għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Fil-kuntest ta’ din l-analiżi, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 1186/2009 jagħti importanza partikolari lit-tul tar-residenza tal-persuna kkonċernata fil-pajjiż terz inkwistjoni. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 5(1) tal-imsemmi regolament, jistgħu jibbenefikaw biss mill-eżenzjoni doganali prevista fl-Artikolu 3 tal-istess regolament il-persuni li kellhom ir-residenza normali tagħhom barra mit-territorju doganali tal-Unjoni għal perijodu kontinwu ta’ mill-inqas tnax-il xahar.

      (ara l-punti 39‑41, u d-dispożittiv 2)

    Top