EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0492

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tad-29 ta’ Settembru 2016.
Essent Belgium NV vs Vlaams Gewest et.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Leġiżlazzjonijiet reġjonali li jimponu d-distribuzzjoni bla ħlas, fin-netwerks li jinstabu fir-reġjun ikkonċernat, tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu – Distinzjoni skont l-oriġini tal-elettriku aħdar – Artikoli 28 u 30 KE – Moviment liberu tal-merkanzija – Direttiva 2001/77/KE – Artikoli 3 u 4 – Mekkaniżmi nazzjonali ta’ appoġġ għall-produzzjoni ta’ enerġija ħadra – Direttiva 2003/54/KE – Artikoli 3 u 20 – Direttiva 96/92/KE – Artikoli 3 u 16 – Suq intern tal-elettriku – Aċċess għan-netwerks ta’ distribuzzjoni b’kundizzjonijiet tariffarji nondiskriminatorji – Obbligi ta’ servizz pubbliku – Nuqqas ta’ proporzjonalità.
Kawża C-492/14.

Court reports – general

Kawża C‑492/14

Essent Belgium NV

vs

Vlaams Gewest et

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg te Brussel)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Leġiżlazzjonijiet reġjonali li jimponu d-distribuzzjoni bla ħlas, fin-netwerks li jinstabu fir-reġjun ikkonċernat, tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu — Distinzjoni skont l-oriġini tal-elettriku aħdar — Artikoli 28 u 30 KE — Moviment liberu tal-merkanzija — Direttiva 2001/77/KE — Artikoli 3 u 4 — Mekkaniżmi nazzjonali ta’ appoġġ għall-produzzjoni ta’ enerġija ħadra — Direttiva 2003/54/KE — Artikoli 3 u 20 — Direttiva 96/92/KE — Artikoli 3 u 16 — Suq intern tal-elettriku — Aċċess għan-netwerks ta’ distribuzzjoni b’kundizzjonijiet tariffarji nondiskriminatorji — Obbligi ta’ servizz pubbliku — Nuqqas ta’ proporzjonalità”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tad-29 ta’ Settembru 2016

  1. Domandi preliminari – Ammissibbiltà – Talba li ma tesponix ir-raġunijiet li jiġġustifikaw ir-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja – Inammissibbiltà

    [Artikolu 267 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 94(ċ)]

  2. Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Identifikazzjoni tal-elementi rilevanti tad-dritt tal-Unjoni – Assenza ta’ riferiment fit-talba tar-rinviju – Assenza ta’ effett

    (Artikolu 267 TFUE)

  3. Moviment liberu tal-merkanzija – Restrizzjonijiet kwantitattivi – Miżuri li għandhom effett ekwivalenti – Leġiżlazzjoni reġjonali li timponi sistema ta’ distribuzzjoni bla ħlas tal-elettriku aħdar fin-netwerks ta’ distribuzzjoni li jinstabu f’reġjun speċifiku – Benefiċċju tal-imsemmija sistema limitat biss għall-elettriku aħdar alimentat direttament minn impjanti ta’ produzzjoni f’dawn ir-reġjuni jew f’netwerks ta’ distribuzzjoni li jinstabu fl-Istat Membru li jagħmel parti minnu dan ir-reġjun – Inammissibbiltà – Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

    (Artikoli 28 KE u 30 KE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/54, Artikoli 3(2) u (8), u 20(1); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/92, Artikoli 3(2) u (3), u 16; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/77, Artikoli 3 u 4)

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 40-42)

  2.  Il-fatt li qorti nazzjonali fformulat, fuq livell formali, id-domanda preliminari tagħha billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil din il-qorti l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, sew jekk hija għamlitx riferiment għalihom jew le meta ressqet id-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeduċi mill-elementi kollha prodotti mill-qorti tar-rinviju, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti ta’ liġi tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża.

    (ara l-punt 43)

  3.  Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 28 u 30 KE, kif ukoll tal-Artikolu 3(2) u (8), u tal-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2003/54, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE, tal-Artikolu 3(2) u (3), u tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 96/92, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern ta’ l-elettriku, u tal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2001/77, fuq il-promozzjoni ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli fis-suq intern tal-elettriku, moqrija flimkien, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni reġjonali li timponi sistema ta’ distribuzzjoni bla ħlas tal-elettriku aħdar fin-netwerks ta’ distribuzzjoni li jinstabu fir-reġjun ikkonċernat filwaqt li tillimita l-benefiċċju ta’ din is-sistema jew biss għall-elettriku aħdar alimentat direttament minn impjanti ta’ produzzjoni fl-imsemmija netwerks ta’ distribuzzjoni, jew inkella biss għall-elettriku aħdar alimentat direttament minn tali impjanti ta’ produzzjoni f’netwerks ta’ distribuzzjoni li jinstabu fl-Istat Membru li jagħmel parti minnu l-imsemmi reġjun.

    Fil-fatt, minn naħa, minkejja li tali leġiżlazzjoni tapplika b’mod identiku għall-fornituri tal-elettriku kollha li jagħmlu użu minn netwerk ta’ distribuzzjoni li jinsab fir-reġjun ikkonċernat, din ma twassalx madankollu biex jiġi eżentat mill-ispejjeż ta’ distribuzzjoni l-elettriku kkunsinnat minn dawn il-fornituri ħlief fejn dan l-elettriku jkun l-elettriku aħdar alimentat direttament f’tali netwerk jew f’netwerk ta’ distribuzzjoni li jinsab fl-Istat Membru li dan ir-reġjun jagħmel parti minnu u, b’dan il-mod, biex jiġu ttrattati b’mod differenti l-fornituri tal-elettriku, skont, b’mod partikolari, il-provenjenza tal-elettriku aħdar li dawn il-fornituri jikkummerċjalizzaw. La l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 96/92 u lanqas l-Artikolu 14(4) tad-Direttiva 2003/54 ma jistgħu jiġu invokati bħala tali sabiex jiġġustifikaw tali differenza fit-trattament.

    Min-naħa l-oħra, l-obbligi ta’ servizz pubbliku stabbiliti taħt kemm l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 96/92 kif ukoll l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2003/54 għandhom ikunu nondiskriminatorji u għandhom jiggarantixxu, minbarra dan, lill-impriżi tal-elettriku tal-Unjoni aċċess ugwali għall-konsumaturi nazzjonali. L-imsemmija differenza fit-trattament hija b’mod partikolari tali li taffettwa l-aċċess ugwali tal-impriżi tal-elettriku tal-Unjoni għall-konsumaturi nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2003/54.

    Fl-aħħar nett, tali leġiżlazzjoni tista’ tostakola, mill-inqas indirettament u potenzjalment, l-importazzjonijiet ta’ elettriku, b’mod partikolari dak aħdar, mill-Istati Membri l-oħra. Fil-fatt, hija għandha, minħabba b’mod partikolari li hija tinkoraġġixxi lill-operaturi, b’mod partikolari l-fornituri tal-elettriku, sabiex jixtru elettriku aħdar prodott fir-reġjun ikkunsidrat jew fl-Istat Membru li dan ir-reġjun jagħmel parti minnu minħabba l-vantaġġ ekonomiku li jirriżulta min-natura ta’ bla ħlas tad-distribuzzjoni ta’ dan l-elettriku, tiġi kklassifikata bħala miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva msemmija fl-Artikolu 28 KE.

    Rigward l-ossevanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jekk, fil-prinċipju, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-benefiċċju ta’ tali skemi għall-produzzjoni tal-elettriku aħdar li tinstab fit-territorju tagħhom, is-sistema ta’ distribuzzjoni bla ħlas tal-elettriku aħdar stabbilita minn tali leġiżlazzjoni nazzjonali ma għandhiex, b’mod differenti mill-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali għall-elettriku aħdar fil-forma ta’ obbligi ta’ xiri jew ta’ ċertifikati ħodor, l-għan li tagħti appoġġ dirett lill-produtturi tal-elettriku aħdar. Fil-fatt, id-distribuzzjoni bla ħlas tal-elettriku aħdar tikkostitwixxi vantaġġ finanzjarju mogħti, primarjament, lill-fornitur tal-imsemmi elettriku, li jista’, jekk ikun il-każ, u skont, b’mod partikolari, il-prezz ta’ bejgħ li l-konsumatur jiġi ffatturat mill-fornitur għall-elettriku tiegħu, jibbenefika wkoll sa ċertu punt u indirettament lill-konsumatur.

    Min-naħa l-oħra, tali mekkaniżmu ta’ appoġġ ma joffri l-ebda ċertezza rigward il-fatt li l-vantaġġ ekonomiku li huwa joħloq b’dan il-mod għall-fornituri se jiġi, finalment, effettivament u essenzjalment mitlub jibbenefika lill-produtturi tal-elettriku aħdar, u b’mod partikolari lill-iżgħar impjanti ta’ produzzjoni lokali koperti mill-miżuri ta’ appoġġ, li ma jiġbrux fl-istess waqt il-kwalitajiet ta’ produttur u ta’ fornitur. Fil-fatt, il-benefiċċju meħud, jekk ikun il-każ, minn tali produtturi tal-elettriku aħdar mill-imsemmi vantaġġ ekonomiku jiddependi minn diversi fatturi speċifiċi għas-swieq, bħal, pereżempju, il-prezzijiet tal-elettriku f’dawn is-swieq, l-offerta u d-domanda jew inkella l-bilanċ ta’ saħħa li jeżisti bejn l-operaturi involuti u l-punt sa liema l-fornituri jkunu lesti li jippermettu lill-produtturi jibbenefikaw mill-imsemmi vantaġġ. Fid-dawl tan-natura fl-istess waqt indiretta, inċerta kif ukoll każwali tal-eventwali appoġġ li jista’ jirriżulta, għall-produttur tal-elettriku aħdar innifsu, minn tali sistema ta’ distribuzzjoni bla ħlas, għandu jitqies li l-kapaċità nnifisha ta’ din is-sistema li tilħaq l-għan leġittimu segwit u intiż sabiex jinkoraġġixxi b’mod effettiv lill-operaturi sabiex jipproduċu iktar elettriku aħdar minkejja l-ispejjeż addizzjonali ta’ produzzjoni li jikkaratterizzawha, u b’hekk tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu, mill-Istati Membri, il-miri indikattivi ta’ produzzjoni li huma imposti fuqhom f’dan ir-rigward taħt l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/77, ma ġietx stabbilita. Għaldaqstant l-imsemmija leġiżlazzjoni ma tissodisfax ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ proporzjonalità u li l-indħil li hija tinvolvi għall-aċċess liberu tat-terzi għan-netwerks ta’ distribuzzjoni f’kundizzjonijiet nondiskriminatorji u għall-moviment liberu tal-merkanzija ma jistgħux, għaldaqstant, jiġu ġġustifikati mill-imsemmi għan.

    (ara l-punti 82, 83, 87, 89, 90, 97, 98, 111-117, 119 u d-dispożittiv)

Top