This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62014CJ0458
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-14 ta’ Lulju 2016.
Promoimpresa srl vs Consorzio dei comuni della Sponda Bresciana del Lago di Garda e del Lago di Idro u Regione Lombardia.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi u libertà ta’ stabbiliment – Artikolu 49 TFUE – Direttiva 2006/123/KE – Artikolu 12 – Konċessjonijiet ta’ beni pubbliċi fis-settur marittimu, tal-għadajjar u tax-xmajjar li għandhom importanza ekonomika – Estensjoni awtomatika – Assenza ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti.
Kawża C-458/14.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-14 ta’ Lulju 2016.
Promoimpresa srl vs Consorzio dei comuni della Sponda Bresciana del Lago di Garda e del Lago di Idro u Regione Lombardia.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi u libertà ta’ stabbiliment – Artikolu 49 TFUE – Direttiva 2006/123/KE – Artikolu 12 – Konċessjonijiet ta’ beni pubbliċi fis-settur marittimu, tal-għadajjar u tax-xmajjar li għandhom importanza ekonomika – Estensjoni awtomatika – Assenza ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti.
Kawża C-458/14.
Court reports – general
Kawżi magħquda C‑458/14 u C‑67/15
Promoimpresa Srl
vs
Consorzio dei comuni della Sponda Bresciana del Lago di Garda e del Lago di Idro
u
Regione Lombardia
u
Mario Melis et
vs
Comune di Loiri Porto San Paolo,
u
Provincia di Olbia Tempio
(talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia u mit-Tribunale amministrativo regionale per la Sardegna)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kuntratti pubbliċi u libertà ta’ stabbiliment — Artikolu 49 TFUE — Direttiva 2006/123/KE — Artikolu 12 — Konċessjonijiet ta’ beni pubbliċi fis-settur marittimu, tal-għadajjar u tax-xmajjar li għandhom importanza ekonomika — Estensjoni awtomatika — Assenza ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti”
Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-14 ta’ Lulju 2016
Domandi preliminari – Ammissibbiltà – Neċessità ta’ deċiżjoni preliminari u rilevanza tal-kwistjonijiet imqajma – Evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali – Preżunzjoni ta’ rilevanza tad-domandi magħmula
(Artikolu 267 TFUE)
Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Limiti – Domandi manifestament irrilevanti, domandi ipotetiċi magħmula f’kuntest li jeskludi risposta utli u domandi mhux relatati mas-suġġett tal-kawża prinċipali – Absence – Ammissibbiltà
(Artikolu 267 TFUE)
Libertà ta’ stabbiliment – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Servizzi fis-suq intern – Direttiva 2006/123 – Skema ta’ awtorizzazzjoni – Nuqqas ta’ applikabbiltà għal konċessjonijiet ta’ servizzi pubbliċi li jaqgħu taħt id-Direttiva 2014/23
(Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/123, premessa 57 u Taqsima 1 tal-Kapitolu III, u 2014/23))
Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni – Direttiva 2014/23 – Kamp ta’ applikazzjoni – Konċessjoni ta’ servizzi – Kunċett
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/23)
Libertà ta’ stabbiliment – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Servizzi fis-suq intern – Direttiva 2006/123 – Skema ta’ awtorizzazzjoni – Obbligu li tiġi organizzata proċedura ta’ għażla fil-każ ta’ numru ta’ kandidati għall-awtorizzazzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-estensjoni awtomatika tal-awtorizzazzjonijiet fis-seħħ ta’ proprjetà pubblika fis-settur marittimu u tal-għadajjar u intiżi għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet turistiċi u rikreattivi, fl-assenza ta’ kull proċedura ta’ għażla – Inammissibbiltà
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/123, Artikolu 12(1) sa (3))
Libertà ta’ stabbiliment – Kuntratti pubbliċi – Konċessjonijiet esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi iżda li jkunu ta’ interess transkonfinali ċert – Obbligu tal-awtorità kontraenti li tosserva r-regoli fundamentali tat-Trattat – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-estensjoni awtomatika ta’ konċessjonijiet ta’ proprjetà pubblika, fl-assenza ta’ kull trasparenza – Inammissibbiltà – Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament
(Artikolu 49 TFUE)
Domandi preliminari – Ammissibbiltà – Neċessità li tingħata informazzjoni suffiċjenti lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kuntest fattwali’ u leġiżlattiv – Eżistenza ta’ eventwali interess transkonfinali – Eżistenza ta’ elementi li jippermettu risposta utli
(Artikolu 267 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 94)
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 28, 29)
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punt 30)
Peress li, skont il-premessa 57 tad-Direttiva 2006/123, dwar is-servizzi fis-suq intern, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva dwar l-iskemi ta’ awtorizzazzjoni ma jirrigwardawx il-konklużjoni ta’ kuntratti mill-awtoritajiet kompetenti għall-provvista ta’ servizz partikolari li taqa’ taħt ir-regoli dwar il-kuntratti pubbliċi, dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux japplikaw għal konċessjonijiet ta’ servizzi pubbliċi li jistgħu, b’mod partikolari, jaqgħu taħt id-Direttiva 2014/23, dwar l-għoti ta’ kuntratt ta’ konċessjoni.
(ara l-punti 44, 45)
Konċessjoni ta’ servizzi fis-sens tad-Direttiva 2014/23, dwar l-għoti ta’ kuntratt ta’ konċessjoni, hija kkaratterizzata, b’mod partikolari, minn sitwazzjoni fejn dritt li topera servizz partikolari jiġi ttrasferit minn awtorità kontraenti lil konċessjonarju, fejn dan tal-aħħar ikollu, fil-kuntest tal-kuntratt konkluż, ċerta libertà ekonomika sabiex jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom jopera dan id-dritt u peress li, b’mod parallel, il-konċessjonarju huwa espost ħafna għar-riskji marbuta ma’ dan l-operat. F’dan ir-rigward, għal dak li jikkonċerna l-konċessjonijiet li ma jirrigwardawx provvista speċifika ta’ servizzi mill-entità kontraenti, iżda l-awtorizzazzjoni li tiġi eżerċitata attività ekonomika f’żona pubblika, jirriżulta li dawn ma jaqgħux taħt il-kategorija ta’ konċessjonijiet ta’ servizzi.
(ara l-punti 46, 47)
L-Artikolu 12(1) u (2) tad-Direttiva 2006/123, dwar is-servizzi fis-suq intern, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-estensjoni awtomatika ta’ awtorizzazzjonijiet fis-seħħ ta’ proprjetà pubblika fis-settur marittimu u tal-għadajjar u intiżi għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet turistiċi u rikreattivi, fl-assenza ta’ kull proċedura ta’ għażla bejn il-kandidati potenzjali.
Fil-fatt, għalkemm l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2006/123 jipprevedi, espressament, li l-Istati Membri jistgħu jqisu kunsiderazzjonijiet marbuta ma’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali meta jistabbilixxu r-regoli li jirregolaw il-proċedura ta’ għażla, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali kunsiderazzjonijiet huwa previst biss fl-istabbiliment tar-regoli għall-proċedura ta’ għażla tal-kandidati potenzjali u bla ħsara, b’mod partikolari, tal-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant, l-Artikolu 12(3) tal-imsemmija direttiva ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li tiġi ġġustifikata estensjoni awtomatika ta’ awtorizzazzjonijiet anki jekk ebda proċedura ta’ għażla msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu ma tkun ġiet organizzata fil-mument tal-għoti inizjali tal-imsemmija awtorizzazzjonijiet.
(ara l-punti 53-55, 57 u d-dispożittiv 1)
L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti estensjoni awtomatika ta’ konċessjonijiet fis-seħħ ta’ proprjetà pubblika u intiżi għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet turistiċi u rikreattivi, sa fejn dawn il-konċessjonijiet ikunu ta’ interess transkonfinali ċert.
Fil-fatt, l-awtoritajiet pubbliċi għandhom, meta jkollhom l-intenzjoni jattribwixxu konċessjoni li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi dwar il-kategoriji differenti ta’ kuntratti pubbliċi, josservaw ir-regoli fundamentali tat-Trattat FUE b’mod ġenerali u l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni b’mod partikolari. B’mod iktar partikolari, sa fejn tali konċessjoni tkun ta’ interess transkonfinali ċert, l-attribuzzjoni tagħha, fl-assenza ta’ kull trasparenza, lil impriża li tinsab fl-Istat Membru li taħtu taqa’ l-awtorità kontraenti tikkostitwixxi differenza fit-trattament għad-detriment tal-impriżi li jistgħu jkunu interessati fiha li jinsabu fi Stat Membru ieħor. Tali differenza fit-trattament hija, bħala prinċipju, ipprojbita mill-Artikolu 49 TFUE.
(ara l-punti 64, 65, 74 u d-dispożittiv 2)
Fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, l-eżistenza ta’ interess transkonfinali ċert għandha tiġi evalwata abbażi tal-kriterji rilevanti kollha, bħall-importanza ekonomika tal-kuntratt, il-post ġeografiku tal-eżekuzzjoni tiegħu jew l-aspetti tekniċi tiegħu, b’attenzjoni għall-karatteristiċi speċifiċi tal-kuntratt ikkonċernat. F’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti għandha tkun tista’ ssib fit-talba għal deċiżjoni preliminari espożizzjoni tal-fatti li fuqhom id-domandi jkunu bbażati kif ukoll tar-rabta li hemm b’mod partikolari bejn dawn il-fatti u dawn id-domandi. Għaldaqstant, il-konstatazzjoni tal-elementi neċessarji sabiex jippermettu li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ interess transkonfinali ċert għandha titwettaq, mill-qorti tar-rinviju, qabel ma tiġi adita l-Qorti tal-Ġustizzja.
(ara l-punti 66, 68)