This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62014CJ0442
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-23 ta’ Novembru 2016.
Bayer CropScience SA-NV u Stichting De Bijenstichting vs College voor de toelating van gewasbeschermingsmiddelen en biociden.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Konvenzjoni ta’ Århus – Direttiva 2003/4/KE – Artikolu 4(2) – Aċċess pubbliku għall-informazzjoni – Kunċett ta’ ‘informazzjoni dwar l-emissjonijiet fl-ambjent’ – Direttiva 91/414/KEE – Direttiva 98/8/KE – Regolament (KE) Nru 1107/2009 – Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u ta’ prodotti bijoċidali – Kunfidenzjalità – Protezzjoni tal-interessi industrijali u kummerċjali.
Kawża C-442/14.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-23 ta’ Novembru 2016.
Bayer CropScience SA-NV u Stichting De Bijenstichting vs College voor de toelating van gewasbeschermingsmiddelen en biociden.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Konvenzjoni ta’ Århus – Direttiva 2003/4/KE – Artikolu 4(2) – Aċċess pubbliku għall-informazzjoni – Kunċett ta’ ‘informazzjoni dwar l-emissjonijiet fl-ambjent’ – Direttiva 91/414/KEE – Direttiva 98/8/KE – Regolament (KE) Nru 1107/2009 – Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u ta’ prodotti bijoċidali – Kunfidenzjalità – Protezzjoni tal-interessi industrijali u kummerċjali.
Kawża C-442/14.
Court reports – general
Kawża C-442/14
Bayer CropScience SA-NV
u
Stichting De Bijenstichting
vs
College voor de toelating van gewasbeschermingsmiddelen en biociden
(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Konvenzjoni ta’ Århus – Direttiva 2003/4/KE – Artikolu 4(2) – Aċċess pubbliku għall-informazzjoni – Kunċett ta’ ‘informazzjoni dwar l-emissjonijiet fl-ambjent’ – Direttiva 91/414/KEE – Direttiva 98/8/KE – Regolament (KE) Nru 1107/2009 – Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u ta’ prodotti bijoċidali – Kunfidenzjalità – Protezzjoni tal-interessi industrijali u kummerċjali”
Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-23 ta’ Novembru 2016
Proċedura ġudizzjarja–Talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali–Talba intiża għall-preżentata ta’ osservazzjonijiet fuq punti ta’ liġi mqajma mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali–Kundizzjonijiet għall-ftuħ mill-ġdid
(Artikolu 252, paragrafu 2, TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 23; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 83)
Ambjent–Libertà ta’ aċċess għall-informazzjoni–Direttiva 2003/4–Motivi li jistgħu jiġġustifikaw rifjut ta’ komunikazzjoni tal-informazzjoni dwar l-ambjent–Talba għal aċċess għal informazzjoni ppreżentata fil-kuntest ta’ proċedura ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jew prodott bijoċidali–Obbligu ta’ żvelar tal-informazzjoni fl-assenza ta’ talba għal trattament kunfidenzjali li jirreferi għal din–Assenza
(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1107/2009, Artikoli 33(4), u 63; Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/8, Artikolu 19, u 2003/4, Artikolu 4(2); Direttiva tal-Kunsill 91/414, Artikolu 14)
Ambjent–Libertà ta’ aċċess għall-informazzjoni–Direttiva 2003/4–Motivi li jistgħu jiġġustifikaw rifjut ta’ komunikazzjoni tal-informazzjoni dwar l-ambjent–Informazzjoni dwar emissjonijiet fl-ambjent–Kunċett–Interpretazzjoni wiesgħa
(Konvenzjoni ta’ Århus, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(4); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/4, premessa 16 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2))
Ambjent–Libertà ta’ aċċess għall-informazzjoni–Direttiva 2003/4–Motivi li jistgħu jiġġustifikaw rifjut ta’ komunikazzjoni tal-informazzjoni dwar l-ambjent–Informazzjoni dwar emissjonijiet fl-ambjent–Kunċett–Neċessità li ssir distinzjoni bejn l-emissjonijiet, l-iskariki u r-rilaxx l-ieħor–Assenza
(Konvenzjoni ta’ Århus, parti (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(4); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/4, Artikolu 2(1)(b), u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2))
Ftehimiet internazzjonali–Ftehimiet tal-Komunità–Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (Konvenzjoni ta’ Århus)–Gwida ta’ applikazzjoni tal-imsemmija konvenzjoni–Saħħa vinkolanti–Assenza
(Konvenzjoni ta’ Århus; Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370)
Ambjent–Libertà ta’ aċċess għall-informazzjoni–Direttiva 2003/4–Motivi li jistgħu jiġġustifikaw rifjut ta’ komunikazzjoni tal-informazzjoni dwar l-ambjent–Informazzjoni dwar emissjonijiet fl-ambjent–Kunċett–Limitazzjoni għall-emissjonijiet li ġejjin minn ċerti installazzjonijiet industrijali–Inammissibbiltà
(Konvenzjoni ta’ Århus, parti (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(4); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/4, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2))
Ambjent–Libertà ta’ aċċess għall-informazzjoni–Direttiva 2003/4–Motivi li jistgħu jiġġustifikaw rifjut ta’ komunikazzjoni tal-informazzjoni dwar l-ambjent–Informazzjoni dwar emissjonijiet fl-ambjent–Kunċett–Informazzjoni dwar emissjonijiet konkreti jew prevedibbli fl-ambjent–Inklużjoni
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/4, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2))
Dritt tal-Unjoni Ewropea–Interpretazzjoni–Testi plurilingwi–Interpretazzjoni uniformi–Diverġenzi bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi–Teħid inkunsiderazzjoni tal-istruttura u tal-iskop tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni
Ambjent–Libertà ta’ aċċess għall-informazzjoni–Direttiva 2003/4–Motivi li jistgħu jiġġustifikaw rifjut ta’ komunikazzjoni tal-informazzjoni dwar l-ambjent–Informazzjoni dwar emissjonijiet fl-ambjent–Kunċett–Data inkluża fil-fajls ta’ awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jew ta’ prodotti bijoċidali–Inklużjoni–Kundizzjoni–Rabta ma’ emissjonijiet fl-ambjent–Restrizzjoni sproporzjonata għal-libertà ta’ intrapriża u għad-dritt għall-proprjetà–Assenza
(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 16 u 17; Ftehim TRIPs, Artikolu 39(3); Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1107/2009, Artikolu 63; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/4, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2))
Ambjent–Libertà ta’ aċċess għall-informazzjoni–Direttiva 2003/4–Motivi li jistgħu jiġġustifikaw rifjut ta’ komunikazzjoni tal-informazzjoni dwar l-ambjent–Inapplikabbiltà ta’ ċerti motivi fil-preżenza ta’ talba għal aċċess għal informazzjoni dwar emissjonijiet fl-ambjent–Talba għal aċċess li tirreferi għal informazzjoni li taqa’, parzjalment, taħt motivi oħra għal rifjut–Żvelar biss tal-informazzjoni koperta mill-motivi inapplikabbli–Kundizzjoni
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/4, l-ewwel subparagrafu, partijiet (a), (d) u (f) sa (h) tal-Artikolu 4(2), u t-tieni subparagrafu)
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 37, 38)
L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4, dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li l-applikant għal awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jew ta’ prodott bijoċidali ma jkunx talab, waqt il-proċedura prevista għall-ksib ta’ din l-awtorizzazzjoni, it-trattament kunfidenzjali tal-informazzjoni ppreżentata fil-kuntest ta’ din il-proċedura abbażi tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 91/414, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 98/8, dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali jew tal-Artikoli 33(4), u 63 tar-Regolament Nru 1107/2009, dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, ma jipprekludix lill-awtorità kompetenti, adita, wara l-għeluq tal-imsemmija proċedura, b’talba għal aċċess għal din l-informazzjoni mressqa abbażi tad-Direttiva 2003/4 minn terz, milli teżamina l-oppożizzjoni tal-imsemmi applikant għal din it-talba għal aċċess u milli tiċħad, fejn xieraq, din it-talba taħt il-parti (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva għar-raġuni li l-iżvelar tal-imsemmija informazzjoni jippreġudika l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali jew industrijali.
Fil-fatt, jidher li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jissuġġetta t-talbiet għal aċċess minn terzi għall-informazzjoni li tinsab f’fajls ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jew ta’ prodotti bijoċidali, u li għaliha jista’ jintalab trattament kunfidenzjali taħt l-imsemmija dispożizzjonijiet, għad-dispożizzjonijiet ġenerali tad-Direttiva 2003/4. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva jawtorizza lill-Istati Membri sabiex jipprevedu li talba għal aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent tista’ tiġi miċħuda meta l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni jippreġudika wieħed mill-interessi koperti f’dan l-artikolu, b’mod partikolari l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali jew industrijali. Din id-dispożizzjoni ma tissuġġettax din il-possibbiltà għat-tressiq ta’ talba għal trattament kunfidenzjali qabel ma ssir it-talba għal żvelar.
(ara l-punti 44-46, 49, dispożittiv 1)
Id-Direttiva 2003/4, dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali, għandha l-għan li tiggarantixxi prinċipju ġenerali ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent li tkun miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi jew għalihom u sabiex ikun hemm, kif jirriżulta mill-premessa 9 u mill-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, it-tqegħid għad-dispożizzjoni u t-tixrid sistematiċi l-iktar wiesa’ possibbli ta’ din l-informazzjoni għall-pubbliku. Għaldaqstant, kif jipprevedu b’mod espliċitu t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(4) tal-Konvenzjoni ta’ Århus, dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, kif ukoll il-premessa 16 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4, l-iżvelar tal-informazzjoni għandu jkun ir-regola ġenerali u r-raġunijiet għal rifjut imsemmija minn dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv.
F’dan ir-rigward, billi jipprevedi li l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali jew industrijali ma tistax tiġi invokata kontra l-iżvelar tal-informazzjoni dwar l-emissjonijiet fl-ambjent, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4, jippermetti implementazzjoni konkreta ta’ din ir-regola u tal-prinċipju ta’ aċċess l-iktar wiesa’ possibbli għall-informazzjoni dwar l-ambjent miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi jew għalihom. Minn dan jirriżulta li ma hemmx lok li tiġi adottata interpretazzjoni stretta tal-kunċetti ta’ “emissjonijiet fl-ambjent” u ta’ informazzjoni dwar l-emissjonijiet fl-ambjent fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4.
(ara l-punti 55-58)
Ma hemmx lok, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “emissjonijiet fl-ambjent” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4, dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali, li dan il-kunċett jiġi distint minn dawk ta’ skariki u ta’ rilaxx fl-ambjent.
Fil-fatt, minn naħa, tali distinzjoni ma tagħmilx parti mill-Konvenzjoni ta’ Århus, dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, li sempliċement tipprevedi, fil-parti (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(4) tagħha, li l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali u industrijali ma tistax tiġi invokata kontra l-iżvelar tal-informazzjoni fuq l-emissjonijiet li hija rilevanti għall-protezzjoni tal-ambjent. Min-naħa l-oħra, distinzjoni bejn emissjonijiet, skariki u rilaxx ieħor hija irrilevanti fid-dawl tal-għan ta’ żvelar ta’ informazzjoni dwar l-ambjent segwit permezz tad-Direttiva 2003/4 u hija artifiċjali. Fil-fatt, kemm l-emissjonijiet ta’ gass jew ta’ sustanzi fl-atmosfera kif ukoll ir-rilaxx jew skariki oħra, bħar-rilaxx ta’ sustanzi, ta’ preparazzjonijiet, ta’ organiżmi, ta’ mikroorganiżmi, ta’ vibrazzjonijiet, ta’ sħana jew ta’ ħsejjes fl-ambjent, b’mod partikolari fl-arja, fl-ilma u fl-art, għandhom mnejn jaffettwaw dawn id-diversi elementi tal-ambjent Barra minn hekk, il-kunċetti ta’ emissjonijiet, ta’ skariki u ta’ rilaxx huma sovrapposti fil-biċċa l-kbira, kif juri l-użu tal-espressjoni “[rilaxx] ieħor” fl-Artikolu 2(1)(b) ta’ din id-direttiva li minnha jirriżulta li l-emissjonijiet u l-iskariki jikkostitwixxu wkoll rilaxx fl-ambjent.
(ara l-punti 62-65, 67)
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 69, 70)
Ma hemm xejn fil-Konvenzjoni ta’ Århus, dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, u lanqas fid-Direttiva 2003/4, dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali, li jippermetti li jitqies li l-kunċett ta’ “emissjonijiet fl-ambjent” għandu jiġi ristrett għal dawk li ġejjin minn ċerti installazzjonijiet industrijali.
Tali limitazzjoni tmur kontra l-formulazzjoni nnifisha tal-parti (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(4) ta’ din il-konvenzjoni. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-informazzjoni dwar l-emissjonijiet li hija rilevanti għall-protezzjoni tal-ambjent għandha tiġi żvelata. Issa, informazzjoni dwar emissjonijiet li ġejjin minn sorsi oħrajn għajr installazzjonijiet industrijali, bħalma huma dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jew ta’ prodotti bijoċidali, hija daqstant rilevanti għall-protezzjoni tal-ambjent bħall-informazzjoni dwar l-emissjonijiet ta’ oriġini industrijali. Barra minn hekk, limitazzjoni tal-kunċett ta’ “emissjonijiet fl-ambjent” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4 għal dawk li ġejjin minn ċerti installazzjonijiet industrijali tmur kontra l-għan ta’ żvelar l-iktar wiesa’ possibbli tal-informazzjoni dwar l-ambjent li huwa segwit permezz ta’ din id-direttiva.
(ara l-punti 71-73)
Il-kunċett ta’ “emissjonijiet fl-ambjent” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4, dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jinkludi b’mod partikolari r-rilaxx fl-ambjent ta’ prodotti jew ta’ sustanzi bħalma huma l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jew il-prodotti bijoċidali u s-sustanzi li dawn il-prodotti jinkludu, sakemm dan ir-rilaxx ikun konkret jew prevedibbli f’kundizzjonijiet normali jew realisti ta’ użu.
Fil-fatt, l-imsemmi kunċett għandu jkun iddelimitat għall-emissjonijiet li ma humiex ipotetiċi, jiġifieri għall-emissjonijiet konkreti jew prevedibbli tal-prodott jew tas-sustanza inkwistjoni f’kundizzjonijiet normali jew realisti ta’ użu. F’dan ir-rigward, jekk is-sempliċi tqegħid fis-suq ta’ prodott ma huwiex biżżejjed b’mod ġenerali sabiex jitqies li dan il-prodott ser jiġi neċessarjament irrilaxxat fl-ambjent u li l-informazzjoni li tirrigwardah hija dwar emissjonijiet fl-ambjent, mhux l-istess jgħodd għal prodott, bħal prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jew prodott bijoċidali, li huwa, fil-kuntest ta’ użu normali, intiż sabiex jiġi rrilaxxat fl-ambjent mill-funzjoni tiegħu nnifisha. B’dan il-mod, l-emissjonijiet prevedibbli ta’ dan il-prodott fl-ambjent ma humiex, f’dan l-aħħar każ, ipotetiċi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ emissjonijiet fl-ambjent l-emissjonijiet li huma effettivament irrilaxxati fl-ambjent waqt l-applikazzjoni tal-prodott jew tas-sustanza inkwistjoni, kif ukoll l-emissjonijiet prevedibbli ta’ dan il-prodott jew ta’ din is-sustanza fl-ambjent f’kundizzjonijiet normali jew realisti ta’ użu tal-imsemmi prodott jew tal-imsemmija sustanza li jikkorrispondu għal dawk li għalihom hija mogħtija l-awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq tal-prodott inkwistjoni u li jipprevalu fiż-żona fejn dan il-prodott huwa intiż li jintuża.
(ara l-punti 77-79, 81, 103, dispożittiv 2)
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punt 84)
Jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “[informazzjoni] dwar l-emissjonijiet fl-ambjent” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4, dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali, l-indikazzjonijiet dwar in-natura, il-kompożizzjoni, il-kwantità, id-data u l-post tal-emissjonijiet fl-ambjent tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u tal-prodotti bijoċidali, u s-sustanzi li dawn il-prodotti jinkludu, kif ukoll id-data rigward l-effetti, ftit jew wisq fit-tul, ta’ dawn l-emissjonijiet fuq l-ambjent, b’mod partikolari l-informazzjoni rigward ir-residwi preżenti fl-ambjent wara l-applikazzjoni tal-prodott ikkonċernat u l-istudji rigward il-livell tal-kurrent tas-sustanza waqt din l-applikazzjoni, kemm jekk din id-data toħroġ minn studji mwettqa għalkollox jew parzjalment fuq l-art, minn studji ta’ laboratorju jew minn studji ta’ trażlokazzjoni.
Tali interpretazzjoni bl-ebda mod ma twassal sabiex id-data kollha inkluża fil-fajls ta’ awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jew ta’ prodotti bijoċidali, b’mod partikolari d-data kollha li tirriżulta mill-istudji mwettqa għall-ksib ta’ din l-awtorizzazzjoni, taqa’ taħt dan il-kunċett u għandha dejjem tiġi żvelata. Fil-fatt, biss id-data li tirrigwarda emissjonijiet fl-ambjent hija inkluża fl-imsemmi kunċett, u dan jeskludi b’mod partikolari mhux biss l-informazzjoni li ma tirrigwardax l-emissjonijiet tal-prodott inkwistjoni fl-ambjent, iżda wkoll id-data li tirrigwarda emissjonijiet ipotetiċi, jiġifieri emissjonijiet li ma humiex konkreti jew prevedibbli f’ċirkustanzi li jirrappreżentaw kundizzjonijiet normali jew realisti ta’ użu.Din l-interpretazzjoni ma twassalx għaldaqstant għal indħil sproporzjonat fil-protezzjoni tad-drittijiet iggarantiti permezz tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u permezz tal-Artikolu 39(3) tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali dwar il-kummerċ (Ftehim TRIPs).
Bl-istess mod, l-imsemmija interpretazzjoni ma tneħħix l-effett utli tal-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 1107/2009, dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Fil-fatt, il-preżunzjoni stabbilita permezz tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu tippermetti lill-awtorità kompetenti tikkunsidra li l-informazzjoni ppreżentata mill-applikant għal awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq li taqa’ taħt din id-dispożizzjoni hija fil-prinċipju kunfidenzjali u ma tistax titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku jekk ma titressaq l-ebda talba għal aċċess għal din l-informazzjoni abbażi tad-Direttiva 2003/4. Din il-preżunzjoni tiggarantixxi wkoll lill-imsemmi applikant li, fil-każ li titressaq tali talba, l-awtorità kompetenti tkun tista’ tiżvela din l-informazzjoni biss wara li tkun stabbiliet, fuq bażi individwali, jekk din l-informazzjoni hijiex dwar l-emissjonijiet fl-ambjent jew jekk interess pubbliku superjuri ieħor jiġġustifikax dan l-iżvelar.
(ara l-punti 96, 100, 102, 103, dispożittiv 2)
It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4, dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ talba għal aċċess għal informazzjoni dwar l-emissjonijiet fl-ambjent li l-iżvelar tagħha jippreġudika wieħed mill-interessi koperti fl-ewwel subparagrafu, partijiet (a), (d) u (f) sa (h) tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, hija biss id-data rilevanti li tista’ tiġi estratta mis-sors ta’ informazzjoni li tirrigwarda l-emissjonijiet fl-ambjent li għandha tiġi żvelata meta jkun possibbli li tiġi sseparata din id-data mill-informazzjoni l-oħra inkluża fl-imsemmi sors, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.
(ara l-punt 106, dispożittiv 3)