Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0409

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-8 ta’ Settembru 2016.
    Schenker Nemzetközi Szállítmányozási és Logisztikai Kft. vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Észak-alföldi Regionális Vám- és Pénzügyőri Főigazgatósága.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tariffa Doganali Komuni – Nomenklatura Magħquda – Klassifikazzjoni tal-merkanzija – Interpretazzjoni ta’ subintestatura tan-Nomenklatura Magħquda – Direttiva 2008/118/KE – Importazzjoni ta’ prodotti suġġetti għas-sisa – Proċedura jew arranġament doganali sospensivi – Konsegwenzi ta’ dikjarazzjoni doganali bl-indikazzjoni ta’ subintestatura żbaljata tan-Nomenklatura Magħquda – Irregolaritajiet waqt il-moviment ta’ prodotti suġġetti għas-sisa.
    Kawża C-409/14.

    Court reports – general

    Kawża C‑409/14

    Schenker Nemzetközi Szállítmányozási és Logisztikai Kft.

    vs

    Nemzeti Adó- és Vámhivatal Észak-alföldi Regionális Vám- és Pénzügyőri Főigazgatósága

    (talba għal deċiżjoni preliminari

    mressqa mid-Debreceni Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Tariffa Doganali Komuni — Nomenklatura Magħquda — Klassifikazzjoni tal-merkanzija — Interpretazzjoni ta’ subintestatura tan-Nomenklatura Magħquda — Direttiva 2008/118/KE — Importazzjoni ta’ prodotti suġġetti għas-sisa — Proċedura jew arranġament doganali sospensivi — Konsegwenzi ta’ dikjarazzjoni doganali bl-indikazzjoni ta’ subintestatura żbaljata tan-Nomenklatura Magħquda — Irregolaritajiet waqt il-moviment ta’ prodotti suġġetti għas-sisa”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-8 ta’ Settembru 2016

    1. Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Limiti – Klassifikazzjoni ta’ merkanzija fl-intestaturi tariffarji tat-tariffa doganali komuni

      (Artikolu 267 TFUE)

    2. Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Identifikazzjoni tal-elementi rilevanti tad-dritt tal-Unjoni – Riformulazzjoni tad-domandi

      (Artikolu 267 TFUE)

    3. Unjoni doganali – Tariffa Doganali Komuni – Klassifikazzjoni tal-merkanzija – Kriterji – Karatteristiċi u proprjetajiet oġġettivi tal-prodott – Portata – Użu tal-prodott – Inklużjoni – Kundizzjoni

    4. Tariffa Doganali Komuni – Intestaturi tariffarji – Tabakk għat-tipjip kompost minn elementi li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala skart ta’ tabakk – Klassifikazzjoni fl-intestatura 2401 tan-Nomenklatura Magħquda – Esklużjoni – Klassifikazzjoni fl-intestatura 2403 10 90 tan-Nomenklatura Magħquda – Kundizzjoni

      (Regolament tal-Kunsill Nru 2658/87, Anness I, kif emendat bir-Regolament Nru 861/2010)

    5. Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonjiet – Dazji tas-sisa – Direttiva 2008/118 – Merkanzija mqiegħda taħt proċedura jew arranġament doganali sospensivi – Dikjarazzjoni sommarja ta’ ħażna temporanja jew dikjarazzjoni doganali li tindika klassifikazzjoni tariffarja inkorretta – Assenza ta’ effett fuq il-proċedura u l-arranġamenti sospensivi – Kundizzjonijiet

      (Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, Artikoli 202 u 204; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2454/93, Artikolu 859, kif emendat bir-Regolament Nru 444/2002; Direttiva tal-Kunsill 2008/118, Artikoli 2(b) u 4(6) u (8))

    6. Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonjiet – Dazji tas-sisa – Direttiva 2008/118 – Irregolarità matul il-moviment ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa wara t-tqegħid għall-konsum – Kunċett – Merkanzija mqiegħda taħt proċedura jew arranġament doganali sospensivi u akkumpanjata minn dokumenti li jindika klassifikazzjoni tariffarja inkorretta – Esklużjoni

      (Direttiva tal-Kunsill 2008/118, Artikoli 4(6) u 38(1))

    1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punti 70, 71)

    2.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punt 72)

    3.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punti 76, 78)

    4.  Ir-Regolament Nru 2658/87, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendat bir-Regolament Nru 861/2010, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma taqax taħt l-intestatura 2401 tan-Nomenklatura Magħquda (NM) li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, merkanzija li tikkonsisti f’tabbakk għat-tipjip, minkejja l-preżenza ta’ skart tat-tabakk, sakemm dan tal-aħħar ma jkunx ta’ ostakolu għad-destinazzjoni tal-prodott inkwistjoni. Tali merkanzija tista’ madankollu taqa’ taħt l-intestatura 2403 tan-NM, u b’mod partikolari tas-subintestatura 2403 10 90 ta’ din in-NM, meta tkun maħlula, kumpatta u ppakkjata f’kaxxi miksija bil-plastik b’piż nett ta’ 30 kg.

      Fil-fatt, huwa meħtieġ, skont ir-regola stabbilita fil-punt 3(b) tar-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, sabiex issir il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ dan il-prodott, li jiġi stabbilit liema, mill-materjal li huwa kompost minnhom, huwa dak li jagħtih il-karattru essenzjali tiegħu, li jista’ jsir billi tistaqsi jekk il-prodott, meta mċaħħad minn komponenti wieħed jew ieħor tiegħu, iżommx jew le l-proprjetajiet li jikkaratterizzawh. Issa, peress li l-preżenza tal-iskart tat-tabakk ma jipprekludix li dan il-prodott kollu kemm huwa jikkostitwixxi tabakk lest għat-tipjip, dan il-prodott ma jistax jaqa’ taħt l-intestatura 2401 tan-NM. B’mod iktar speċifiku, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni ta’ prodott fl-intestatura 2403 tan-NM iktar milli taħt l-intestatura 2401 tan-NM hija bbażata fuq il-punt jekk il-weraq kinux is-suġġett ta’ manifattura ta’ tali grad li tirrigwarda tabakk immanifatturat lest għall-konsum mingħajr ipproċessar industrijali.

      F’dawn iċ-ċirkustanzi, sa fejn merkanzija tikkonsisti f’tabakk lest għat-tipjip, li barra minn hekk huwa ppakkjat maħlul, kumpatt u ppakkjat f’kaxxi miksija bil-plastik b’piż nett ta’ 30 kg, hija taqa’ taħt is-subintestatura 2403 10 90 tan-NM.

      (ara l-punti 84, 86, 90, 91, 93 u d-dispożittiv 1)

    5.  Il-kunċett ta’ proċedura jew arranġament doganali sospensivi, previst mill-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 2008/118, dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-issuġġettar ta’ merkanzija speċifika għall-proċedura jew għall-arranġament doganali sospensivi ma tistax tiġi kkontestata meta l-kapitolu tat-tariffa doganali komuni li taħtu taqa’ l-merkanzija huwa msemmi b’mod korrett fid-dokumentazzjoni li takkumpanjaha, filwaqt li s-subintestatura speċifika hija indikata ħażin. F’tali każ, l-Artikolu 2(b) u l-Artikolu 4(8) tad-Direttiva 2008/118 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma kienx hemm importazzjoni ta’ din il-merkanzija u li din ma hijiex suġġetta għad-dazju tas-sisa.

      Fil-fatt, meta l-preżentazzjoni tal-merkanzija, prevista fl-Artikolu 40 tal-Kodiċi Doganali, ikollha magħha dikjarazzjoni sommarja jew dikjarazzjoni doganali li fiha l-informazzjoni neċessarja għall-identifikazzjoni tal-merkanzija, f’dak li jikkonċerna it-tip, il-kwantità u l-ippakkjar tagħha, biss subintestatura tariffarja biss li hija żbaljata, din il-merkanzija ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li daħlet illegalment fit-territorju doganali tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 202 tal-Kodiċi Doganali.

      Madankollu, f’dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet għat-tnissil eventwali ta’ dejn doganali, peress li l-obbligu impost fuq id-dikjarant sabiex jipprovdi informazzjoni eżatta testendi wkoll għad-determinazzjoni tas-subintestatura korretta fil-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija, ma huwiex eskluż li dejn doganali jista’ jitnissel skont l-Artikolu 204 tal-Kodiċi Doganali. Madankollu, l-Artikolu 859 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 2454/93 jippermetti li jiġi kkunsidrat bħala li baqa’ bla effett sinjifikattiv fuq l-operazzjoni ta’ arranġament ta’ tranżitu in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ wieħed mill-obbligi li joħorġu mill-użu ta’ dan l-arranġament ladarba t-tliet kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 859(2) ikunu ssodisfatti u sakemm it-tliet kundizzjonijiet elenkati fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-istess artikolu jkunu ssodisfatti. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet kollha humiex issodisfatti.

      (ara l-punti 106-108, 111, 112, 116, 117, 120 u d-dispożittiv 2)

    6.  Il-kunċett ta’ irregolarità, fis-sens tal-Artikolu 38 tad-Direttiva 2008/118, dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jkoprix merkanzija mqiegħda taħt proċedura jew arranġament doganali sospensivi li tkun akkumpanjata minn dokument li jsemmi klassifikazzjoni tariffarja inkorretta.

      Fil-fatt, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 38(4) tad-Direttiva 2008/118, moqrija flimkien mal-Artikolu 33(1) ta’ din id-direttiva, ma humiex issodisfatti f’sitwazzjoni fejn, minn naħa, il-merkanzija inkwistjoni ma ġietx irrilaxxata għall-konsum fi Stat Membru peress li tqiegħdet taħt proċedura jew arranġament doganali sospensivi fis-sens tal-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 2008/118, u, min-naħa l-oħra, ma kinitx suġġetta għal żamma għal finijiet kummerċjali fi Stat Membru ieħor sabiex tkun ikkunsinnata jew użata, iżda kienet intiża sabiex tiġi esportata mill-ġdid lejn Stat terz.

      (ara l-punti 126-128, u d-dispożittiv 3)

    Top