Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0404

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-6 ta’ Ottubru 2015.
    Kawża mressqa minn Marie Matoušková, en qualité de commissaire judiciaire.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Regolament (KE) Nru 2201/2003 — Artikolu 1(1)(b) — Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae — Ftehim dwar it-tqassim tas-suċċessjoni bejn il-konjuġi tal-persuna mejta u t-tfal minorenni tagħha, irrappreżentati minn tutur ad litem — Klassifikazzjoni — Neċessità ta’ approvazzjoni ta’ tali ftehim mill-qorti — Miżura dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri jew miżura dwar is-suċċessjonijiet.
    Kawża C-404/14.

    Court reports – general

    Kawża C‑404/14

    Proċedura mressqa minn Marie Matoušková

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nejvyšší soud)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Regolament (KE) Nru 2201/2003 — Artikolu 1(1)(b) — Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae — Ftehim dwar it-tqassim tas-suċċessjoni bejn il-konjuġi tal-persuna mejta u t-tfal minorenni tagħha, irrappreżentati minn tutur ad litem — Klassifikazzjoni — Neċessità ta’ approvazzjoni ta’ tali ftehim mill-qorti — Miżura dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri jew miżura dwar is-suċċessjonijiet”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-6 ta’ Ottubru 2015

    1. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Regolament Nru 2201/2003 — Kamp ta’ applikazzjoni — Kunċett ta’ “materji ċivili” — Miżuri dwar l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri — Approvazzjoni ta’ ftehim dwar it-tqassim tas-suċċessjoni konkluż minn tutur tat-tfal minorenni f’isimhom — Inklużjoni — Nuqqas ta’ applikabbiltà tar-Regolament Nru 650/2012

      [Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003, Artikolu 1(1)(b) u 3(f)]

    2. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Regolament Nru 2201/2003 — Ġurisdizzjoni fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri — Applikazzjoni minbarra dawk għad-divorzju, għas-separazzjoni legali jew għall-annullament taż-żwieg — Approvazzjoni ta’ ftehim dwar it-tqassim tas-suċċessjoni konkluż minn tutur tat-tfal minorenni f’isimhom — Ġurisdizzjoni tal-qorti li quddiemha tressqet il-kawża dwar is-suċċessjoni — Ġurisdizzjoni li ma hijiex dik tar-residenza tat-tfal — Assenza ta’ effett

      (Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003, Artikolu 12(1) u (3))

    1.  Ir-Regolament Nru 2201/2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-approvazzjoni ta’ ftehim dwar it-tqassim tas-suċċessjoni konkluż minn tutur tat-tfal minorenni f’isimhom tikkostitwixxi miżura dwar l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(b) ta’ dan ir-regolament, għalhekk taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar, u mhux miżura dwar is-suċċessjonijiet, fis-sens tal-Artikolu 1(3)(f) tal-imsemmi regolament, eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

      Fil-fatt, il-kapaċità legali u l-kwistjonijiet ta’ rappreżentanza b’rabta ma’ din għandhom jiġu deċiżi skont l-istandards tagħhom stess u ma għandhomx jitqiesu li huma domandi preliminari dipendenti fuq l-atti legali marbuta magħhom. Għalhekk, il-ħatra ta’ tutur għat-tfal minorenni u l-verifika tal-eżerċizzju tal-attività tiegħu huma tant marbuta flimkien li ma huwiex xieraq li jiġu applikati regoli ta’ ġurisdizzjoni differenti, li jinbidlu skont l-att legali inkwistjoni.

      Konsegwentement, il-fatt li l-approvazzjoni ta’ tali ftehim dwar it-tqassim tas-suċċessjoni mill-qorti tat-tutela tat-tfal minorenni, meħtieġa mil-liġi tal-Istat Membru sabiex dan il-ftehim ikun validu, tintalab fil-kuntest ta’ proċedura ta’ suċċessjoni ma jistax jitqies li huwa determinanti sabiex din il-miżura taqa’ taħt id-dritt tas-suċċessjonijiet. In-neċessità tal-ksib ta’ approvazzjoni tal-qorti tat-tutela hija konsegwenza diretta tal-istat u tal-kapaċità tat-tfal minorenni u tikkostitwixxi miżura ta’ protezzjoni tat-tfal marbuta mal-amministrazzjoni, mal-konservazzjoni u mal-ħelsien tal-proprjetà tagħhom fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri fis-sens tal-Artikolu 1(1)(b) u (2)(e) tar-Regolament Nru 2201/2003.

      (ara l-punti 30, 31, 38 u d-dispożittiv)

    2.  Skont l-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 2201/2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, il-qrati ta’ Stat Membru għandhom ukoll ġurisdizzjoni dwar kwistjoni ta’ responsabbiltà tal-ġenituri fil-proċeduri differenti minn dawk imsemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu meta, minn naħa, it-tfal ikollhom rabta mill-qrib ma’ dan l-Istat Membru minħabba l-fatt li, b’mod partikolari, wieħed mill-persuni li għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri għandu r-residenza abitwali tiegħu hemmhekk jew it-tfal huma ċittadini ta’ dan l-Istat Membru u, min-naħa l-oħra, il-ġurisdizzjoni tagħhom kienet ġiet aċċettata espressament jew bi kwalunkwe mod ieħor inekwivokabbli mill-partijiet kollha fil-proċedura fid-data ta’ meta tressqet il-kawża quddiem il-qorti u din il-ġurisdizzjoni hija fl-aħjar interess tat-tfal.

      Fil-każ tal-approvazzjoni ta’ ftehim dwar it-tqassim tas-suċċessjoni konkluż mit-tutur tat-tfal minorenni, f’isimhom, approvazzjoni neċessarja skont il-liġi tal-Istat Membru li tkun saritlu t-talba sabiex dan il-ftehim ikun validu, l-imsemmi Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 2201/2003 jista’ jservi ta’ bażi għall-ġurisdizzjoni tal-qorti li quddiemha tressqet il-kawża dwar is-suċċessjoni biex jiġi approvat il-ftehim dwar it-tqassim tas-suċċessjoni minkejja l-fatt li din il-qorti ma hijiex dik tar-residenza abitwali tat-tfal, sa fejn ir-rekwiżiti msemmija iktar ’il fuq jiġu ssodisfatti.

      (ara l-punti 36, 37)

    Top