Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0395

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-14 ta’ Jannar 2016.
    Vodafone GmbH vs Bundesrepublik Deutschland.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Qafas regolatorju komuni għan-netwerks u servizzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi – Direttiva 2002/21/KE – Artikolu 7 (3) – Proċedura ta’ konsolidazzjoni tas-suq intern tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/19/KE – Artikoli 8 u 13 – Operatur identifikat li għandu saħħa sinjifikattiva fuq suq – Obbligi imposti mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali – Kontroll tal-prezzijiet u obbligi relatati mas-sistema ta’ kontabilizzazzjoni tal-ispejjeż – Awtorizzazzjoni ta’ tariffi tat-terminazzjoni tat-telefonati mobbli.
    Kawża C-395/14.

    Court reports – general

    Kawża C-395/14

    Vodafone GmbH

    vs

    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Qafas regolatorju komuni għan-netwerks u servizzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi — Direttiva 2002/21/KE — Artikolu 7 (3) — Proċedura ta’ konsolidazzjoni tas-suq intern tal-komunikazzjonijiet elettroniċi — Direttiva 2002/19/KE — Artikoli 8 u 13 — Operatur identifikat li għandu saħħa sinjifikattiva fuq suq — Obbligi imposti mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali — Kontroll tal-prezzijiet u obbligi relatati mas-sistema ta’ kontabilizzazzjoni tal-ispejjeż — Awtorizzazzjoni ta’ tariffi tat-terminazzjoni tat-telefonati mobbli”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-14 ta’ Jannar 2016

    1. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Settur tat-telekomunikazzjonijiet — Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi — Qafas regolamentari — Direttiva 2002/19 — Artikoli 8(2) u 13(1) — Direttiva 2002/21 — Artikolu 16(2) — Setgħa tal-awtoritajiet regolamentari nazzjonali li jimponu fuq operatur li għandu saħħa sinjifikattiva f’suq li jikseb awtorizzazzjoni tat-tariffi tagħhom — Obbligu li jista’ jkun suġġett għal diversi proċeduri ta’ konsolidazzjoni

      (Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/19, Artikoli 8(2) u 13(1), u 2002/21, Artikoli 7(3) u 16(2) u (4))

    2. Dritt tal-Unjoni Ewropea — Interpretazzjoni — Metodi — Interpretazzjoni litterali, sistematika u teleoloġika

    3. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Settur tat-telekomunikazzjonijiet — Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi — Qafas regolamentari — Direttivi 2002/19 u 2002/21 — Awtorizzazzjoni minn awtorità regolatatorja nazzjonali ta’ tariffi tat-terminazzjoni tat-telefonati mobbli kkunsidrati — Miżura li taqa’ fil-qasam ta’ obbligi marbuta mal-kontroll ta’ prezzijiet suġġetti għall-applikazzjoni tal-proċedura ta’ konsolidazzjoni prevista fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21 — Effett fuq l-iskambji bejn l-Istati Membri

      (Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/19, Artikoli 8 u 13(1), u 2002/21, Artikolu 7(3)(a) u (b))

    1.  Minn qari flimkien tal-Artikoli 7(3) u 16(4) tad-Direttiva 2002/21, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva [Qafas]), kif ukoll mill-Artikoli 8(2) u 13(1) tad-Direttiva 2002/19/KE, dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva ta’ l-Aċċess), jirriżulta li, meta awtorità nazzjonali regolatorja (ARN) ikollha l-intenzjoni li tadotta kontra operatur identifikat li għandu saħħa sinjifikattiva fuq suq partikolari miżura li timponi “obbligi li jirrelataw ma l-irkupru ta’ l-ispejjeż u l-kontrolli tal-prezzijiet, inklużi obbligi għall-orjentazzjoni tal-prezzijiet għall-ispejjeż u obbligi li jikkonċernaw sistemi ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż, għall-forniment ta’ tipi speċifiċi ta’ interkonnessjoni u/jew aċċess” u li għandhom effetti fuq l-iskambji bejn l-Istati Membri, din l-ARN għandha timplementa l-proċedura ta’ konsolidazzjoni prevista f’dan l-Artikolu 7(3).

      Huwa irrelevanti f’dan ir-rigward li din il-proċedura ta’ konsolidazzjoni tkun diġà ġiet segwita preċedentement, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ analiżi tas-suq magħmula skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva Qafas u li fit-tmiem tagħha jkunu jistgħu diġà ġew imposti obbligi fuq l-operatur ikkonċernat, peress li, billi tipprovdi, fl-Artikolu 16(2) li l-ARN jistgħu jkunu obbligati jagħtu deċiżjoni dwar “jekk jimponux, iżommu[x], jemendaw[x] jew jirtiraw[x]” obbligi previsti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 8 tad-Direttiva “Aċċess” fil-konfront ta’ impriża, id-Direttiva Qafas tipprovdi espressament li l-istess obbligu jista’ jkun is-suġġett ta’ diversi proċeduri ta’ konsolidazzjoni, li jwasslu, skont il-każ, għall-impożizzjoni, iż-żamma, l-emenda jew l-irtirar ta’ dan l-obbligu.

      (ara l-punti 35 u 36)

    2.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punt 40)

    3.  L-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2002/21/KE, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva [Qafas]) għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta awtorità nazzjonali regolatorja (ARN) timponi fuq operatur li ġie identifikat li għandu saħħa sinjifikattiva fuq is-suq li jipprovdi servizzi ta’ terminazzjoni ta’ telefonati mobbli u ssuġġettat għal awtorizzazzjoni t-tariffi ta’ dawn is-servizzi fi tmiem il-proċedura prevista minn din id-dispożizzjoni, din l-ARN għandha mill-ġdid timplementa din il-proċedura qabel kull għoti, lil dan l-operatur, ta’ awtorizzazzjoni ta’ dawn it-tariffi, peress li din l-aħħar awtorizzazzjoni hija suxxettibbli li jkollha effetti fuq l-iskambji bejn l-Istati Membri fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

      Fil-fatt, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/19, tad-Direttiva 2002/19/KE, dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva ta’ l-Aċċess), jirriżulta li l-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni jaqa’ taħt l-obbligi marbuta mal-kontroll tal-prezzijiet imsemmi fl-imsemmija dispożizzjoni li l-ARN huma, abbażi tal-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva, awtorizzati jimponu fuq operatur li għandu saħħa sinjifikattiva fuq is-suq tat-telefonija mobbli, u li, jekk huma kkunsidrati u sa fejn għandhom effetti fuq l-iskambji bejn l-Istati Membri, jistgħu jiġu imposti biss, skont l-Artikolu 8(4), fi tmiem il-proċedura prevista fl-Artikolu 7 tad-Direttiva Qafas. Din l-interpretazzjoni, li ma hijiex kuntrarja għall-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità, peress li ma għandhiex l-effett li tagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tiffissa unilateralment it-tariffi tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, hija kkorroborata kemm mill-kuntest li fih din id-dispożizzjoni tinsab kif ukoll mill-għanijiet intiżi kemm mid-Direttiva “Aċċess” kif ukoll mid-Direttiva Qafas. Fil-fatt, l-għanijiet kollha ta’ armonizzazzjoni, ta’ koordinazzjoni, ta’ kooperazzjoni u ta’ trasparenza, intiżi mid-Direttiva Qafas u d-Direttiva “Aċċess”, jkunu kompromessi jekk l-għoti ta’ awtorizzazzjoni ta’ terminazzjoni ta’ telefonati mobbli jkun jaqa’ barra mill-applikazzjoni tal-proċedura ta’ konsolidazzjoni, prevista fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva Qafas.

      Barra minn hekk, la l-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, la l-istruttura ġenerali tad-Direttiva “Aċċess” jew tad-Direttiva Qafas, u lanqas l-għanijiet li huma jfittxu ma jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jagħmel distinzjoni, fost l-obbligi marbuta mal-kontroll tal-prezzijiet imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva “Aċċess”, bejn miżuri li huma msejħa “bażiċi”, “fundamentali” jew “ta’ regolamentazzjoni”, li għandhom jiġu suġġetti għall-proċedura prevista fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva Qafas, u miżuri li huma msejħa “ta’ implementazzjoni” ta’ dawn tal-ewwel, li jistgħu, huma, jaħarbu mill-imsemmija proċedura.

      Fir-rigward tal-punt dwar jekk l-għoti ta’ awtorizzazzjoni ta’ tariffi tat-terminazzjoni tat-telefonati mobbli għandux effetti fuq l-iskambji bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 7(3)(b) tad-Direttiva Qafas, miżura kkunsidrata minn ARN għandha tali effett fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni jekk hija suxxettibbli li teżerċita, mhux b’mod insinjifikattiv, influwenza diretta jew indiretta, reali jew potenzjali, fuq dawn l-iskambji.

      (ara l-punti 44, 45, 47, 48, 50, 51, 54, 55, 58 u d-dispożittiv)

    Top