EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0371

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tas-17 ta’ Diċembru 2015.
APEX GmbH Internationale Spedition vs Hauptzollamt Hamburg-Stadt.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika kummerċjali – Dumping – Lajters tal-but, taż-żnied, li ma jistgħux jerġgħu jimtlew – Regolament (KE) Nru 1225/2009 – Artikolu 11(2) – Skadenza – Artikolu 13 – Evażjoni – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 260/2013 – Validità – Estensjoni tad-dazju antidumping f’data li fiha r-regolament li stabbilixxih ma għadux fis-seħħ – Bħala bidla fix-xejra tal-kummerċ.
Kawża C-371/14.

Court reports – general

Kawża C‑371/14

APEX GmbH Internationale Spedition

vs

Hauptzollamt Hamburg-Stadt

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Hamburg)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika kummerċjali — Dumping — Lajters tal-but, taż-żnied, li ma jistgħux jerġgħu jimtlew — Regolament (KE) Nru 1225/2009 — Artikolu 11(2) — Skadenza — Artikolu 13 — Evażjoni — Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 260/2013 — Validità — Estensjoni tad-dazju antidumping f’data li fiha r-regolament li stabbilixxih ma għadux fis-seħħ — Bħala bidla fix-xejra tal-kummerċ”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas-17 ta’ Diċembru 2015

  1. Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali — Evalwazzjoni tan-neċessità u tar-rilevanza tad-domandi magħmula — Domandi dwar il-validità ta’ regolament tal-Unjoni — Obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tevalwa l-motivi ta’ invalidità invokati minn waħda mill-partijiet fit-tilwima prinċipali mhux imsemmija mill-qorti tar-rinviju — Assenza

    (Artikolu 267 TFUE)

  2. Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Evażjoni — Estensjoni tad-dazju antidumping — Validità tar-Regolament Nruo260/2013 — Adozzjoni, wara l-iskadenza tad-dazju antidumping, ta’ regolament dwar l-estensjoni retroattiva ta’ dan id-dazju — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

    (Regolamenti tal-Kunsill Nru 1458/2007, Nru 1225/2009, Artikolu 13, u Nru 260/2013)

  3. Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

    (Regolamenti tal-Kunsill Nru 1225/2009 u Nru 260/2013)

  4. Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Evażjoni — Estensjoni tad-dazju antidumping — Validità tar-Regolament Nruo260/2013 — Determinazzjoni ta’ evażjoni — Oneru tal-prova li jaqa’ fuq il-Kummissjoni — Stabbiliment ta’ evażjoni abbażi ta’ sensiela ta’ indizji konkordanti — Ammissibbiltà — Assenza ta’ konkordanza suffiċjenti tal-indizji — Invalidità tar-regolament

    (Regolamenti tal-Kunsill Nru 1225/2009, Artikoli 13, § 3, u 18, § 1 u 6, u Nru 260/2013)

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 36-38)

  2.  Fir-rigward tal-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 260/2013 li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost bir-Regolament Nru 1458/2007 fuq l-importazzjoni ta’ lajters tal-but, tal-gass u ż-żnied, li ma jistgħux jerġgħu jimtlew, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-importazzjoni ta’ lajters tal-but, taż-żnied, li ma jistgħux jerġgħu jimtlew, li joriġinaw mir-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, kemm jekk ikun iddikjarat li joriġinaw mir-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam u jekk le, hija ma hijiex affettwata minħabba li r-Regolament Nru 260/2013 ġie adottat fi żmien meta r-Regolament Nru 1458/2007 ma kienx għadu fis-seħħ.

    Fil-fatt, sabiex tiġi ddeterminata l-portata ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1225/2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm it-termini, il-kuntest kif ukoll l-għanijiet tagħha.

    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1225/2009 għandu jinftiehem fis-sens li ma jipprekludix l-adozzjoni ta’ regolament li jirrigwarda l-estensjoni ta’ miżuri antidumping meta dawn il-miżuri ma jkunux għadhom fis-seħħ, bil-kundizzjoni, minn naħa, li l-estensjoni tikkonċerna esklużivament il-perijodu preċedenti għall-iskadenza ta’ dawn il-miżuri u, min-naħa l-oħra, li r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet ikkonċernati tkun ġiet ordnata, konformement mal-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament Nru 1225/2009, jew, jekk ikun il-każ, li jkunu ġew imposti garanziji, fil-mument tal-ftuħ tal-investigazzjoni fuq l-evażjoni, bil-għan li tippermetti l-applikazzjoni retroattiva tal-miżuri estiżi mid-data ta’ din ir-reġistrazzjoni.

    (ara l-punti 42, 55, 58, 59)

  3.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punt 61)

  4.  Fil-kuntest ta’ investigazzjoni dwar l-evażjoni eventwali tal-miżuri antidumping stabbiliti, mill-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1225/2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma riedx jistabbilixxi preżunzjoni legali li tippermetti li min-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-partijiet interessati jew ikkonċernati tiġi dedotta direttament l-eżistenza ta’ evażjoni u, għalhekk, jeħles lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni minn kull rekwiżit ta’ prova. Madankollu, fid-dawl tal-possibbiltà li jiġu stabbiliti konklużjonijiet, anki definittivi, abbażi tal-informazzjoni disponibbli u li l-parti li ma tikkooperax jew li tikkoopera biss parzjalment tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli milli kieku tkun ikkooperat, huwa daqstant evidenti li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma awtorizzati li jibbażaw ruħhom fuq serje ta’ indizji konkordanti li tippermetti li jiġi deċiż li kienet teżisti evażjoni fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1225/2009.

    Abbażi tal-informazzjoni disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1225/2009, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 260/2013 li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost bir-Regolament Nru 1458/2007 fuq l-importazzjoni ta’ lajters tal-but, tal-gass u ż-żnied, li ma jistgħux jerġgħu jimtlew, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-importazzjoni ta’ lajters tal-but, taż-żnied, li ma jistgħux jerġgħu jimtlew, li joriġinaw mir-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, kemm jekk ikun iddikjarat li joriġinaw mir-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam u jekk le, jindika li l-volum ta’ importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li ġejjin mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (RPĊ) fl-Unjoni ddgħajjef matul l-2007 u li l-volum tal-importazzjonijiet ta’ dan il-prodott li ġej mill-Vjetnam fl-Unjoni żdied b’mod qawwi minn din l-istess sena. Min-naħa l-oħra jirriżulta mill-imsemmi Regolament Nru 260/2013, li l-esportazzjonijiet ta’ partijiet għal-lajters mir-RPĊ lejn Vjetnam żdiedu mill-1999.

    Minn dan isegwi li ma jistax jiġi validament konkluż li teżisti rabta bejn, minn naħa, iż-żieda tal-esportazzjonijiet ta’ partijiet għal-lajters mir-RPĊ lejn Vjetnam u, min-naħa l-oħra, iż-żieda fl-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat fl-Unjoni li ġejjin mill-Vjetnam.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni bbażaw ruħhom fuq serje ta’ indizji suffiċjentement konkordanti, li tippermettilhom li jikkonkludu li teżisti evażjoni skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1225/2009. Ir-Regolament Nru 260/2013 għandu jiġi ddikjarat invalidu.

    (ara l-punti 68, 75-78 u d-dispożittiv)

Top