Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0336

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-4 ta’ Frar 2016.
    Proċeduri kriminali kontra Sebat Ince.
    Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Artikolu 56 TFUE – Logħob tal-ażżard – Monopolju pubbliku fil-qasam tal-imħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi – Awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel – Esklużjoni tal-operaturi privati – Ġbir ta’ mħatri f’isem operatur stabbilit fi Stat Membru ieħor – Sanzjonijiet kriminali – Dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni – Żgumbrament – Tranżizzjoni lejn sistema li tipprevedi l-għoti ta’ numru limitat ta’ konċessjonijiet lil xi operaturi privati – Prinċipji ta’ trasparenza u ta’ imparzjalità – Direttiva 98/34/KE – Artikolu 8 – Regolamenti tekniċi – Regoli dwar is-servizzi – Obbligu ta’ notifika.
    Kawża C-336/14.

    Court reports – general

    Kawża C‑336/14

    Proċeduri kriminali

    kontra

    Sebat Ince

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Sonthofen)

    “Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Artikolu 56 TFUE — Logħob tal-ażżard — Monopolju pubbliku fil-qasam tal-imħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi — Awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel — Esklużjoni tal-operaturi privati — Ġbir ta’ mħatri f’isem operatur stabbilit fi Stat Membru ieħor — Sanzjonijiet kriminali — Dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni — Żgumbrament — Tranżizzjoni lejn sistema li tipprevedi l-għoti ta’ numru limitat ta’ konċessjonijiet lil xi operaturi privati — Prinċipji ta’ trasparenza u ta’ imparzjalità — Direttiva 98/34/KE — Artikolu 8 — Regolamenti tekniċi — Regoli dwar is-servizzi — Obbligu ta’ notifika”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-4 ta’ Frar 2016

    1. Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Dispożizzjonijiet tat-Trattat — Kamp ta’ applikazzjoni — Logħob tal-ażżard — Ġbir ta’ mħatri minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru permezz tal-intermedjazzjoni ta’ operatur stabbilit fi Stat Membru ieħor — Inklużjoni

      (Artikolu 56 TFUE)

    2. Dritt tal-Unjoni Ewropea — Supremazija — Dritt nazzjonali kuntrarju — Inapplikabbiltà ipso jure tar-regoli eżistenti

      (Dikjarazzjoni Nru 17 annessa mat-Trattati UE u FUE)

    3. Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Logħob tal-ażżard — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti sistema ta’ esklużività għall-organizzazzjoni ta’ dan il-logħob lil operatur uniku suġġett għal kontroll mill-Istat — Inammissibbiltà — Rifjut ta’ għoti, lill-amministrazzjoni nazzjonali kkonċernata, ta’ perijodu tranżitorju sabiex ma jiġux eżaminati, b’mod tranżitorju, talbiet għal awtorizzazzjoni f’dan is-settur — Kundizzjonijiet għall-għoti tal-awtorizzazzjonijiet għall-organizzazzjoni ta’ logħob tal-ażżard fil-preżenza ta’ tali talbiet — Osservanza tar-regoli fundamentali tat-Trattati u tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza

      (Artikolu 56 TFUE)

    4. Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Logħob tal-ażżard — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-intermedjazzjoni mingħajr awtorizzazzjoni ta’ mħatri sportivi f’isem operatur li huwa detentur ta’ awtorizzazzjoni fi Stat Membru ieħor — Proċedura ta’ awtorizzazzjoni applikata b’mod inkoerenti mill-awtoritajiet nazzjonali u kkontestata minn ċerti qrati nazzjonali — Tkomplija tal-effetti ta’ sistema ta’ monopolju pubbliku fil-qasam tal-imħatri sportivi minkejja l-konstatazzjoni mill-qrati nazzjonali tan-nuqqas ta’ konformità tal-imsemmija sistema mad-dritt tal-Unjoni — Inammissibbiltà

      (Artikolu 56 TFUE)

    5. Stati Membri — Obbligi

      (Artikolu 4(3) TUE; Dikjarazzjoni Nru 17 annessa mat-Trattati UE u FUE)

    6. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Proċedura ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni — Direttiva 98/34 — Obbligu tal-Istati Membri li jinnotifikaw lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku — Portata — Ksur tal-obbligu — Konsegwenzi

      (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/34, kif emendata bid-Direttiva 98/48, Artikolu 8(1))

    7. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Proċedura ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni — Direttiva 98/34 — Regola teknika — Kunċett — Dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment jew għall-provvista ta’ servizzi minn impriżi — Esklużjoni

      (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/34, kif emendata bid-Direttiva 98/48, Artikolu 1(11))

    8. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Proċedura ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni — Direttiva 98/34 — Obbligu tal-Istati Membri li jinnotifikaw lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku — Portata — Nuqqas ta’ notifika ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jżommu fis-seħħ, f’reġjun, regoli li diġà ġew innotifikati bħala dispożizzjonijiet komuni għad-diversi reġjuni tal-Istat Membru kkonċernat — Ksur

      (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/34, kif emendata bid-Direttiva 98/48, premessa 7 u Artikolu 8(1))

    9. Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Logħob tal-ażżard — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-intermedjazzjoni mingħajr awtorizzazzjoni ta’ mħatri sportivi f’isem operatur li huwa detentur ta’ awtorizzazzjoni fi Stat Membru ieħor — Inkompatibbiltà tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni mal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza — Tkomplija tal-effetti ta’ sistema ta’ monopolju pubbliku fil-qasam tal-imħatri sportivi minkejja l-konstatazzjoni mill-qrati nazzjonali tan-nuqqas ta’ konformità tal-imsemmija sistema mad-dritt tal-Unjoni — Inammissibbiltà

      (Artikolu 56 TFUE)

    1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punt 43)

    2.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punt 52)

    3.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punti 54, 55)

    4.  L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-awtoritajiet responsabbli għall-infurzar tal-liġi ta’ Stat Membru jissanzjonaw l-intermedjazzjoni, mingħajr awtorizzazzjoni, ta’ mħatri sportivi minn operatur privat f’isem operatur privat ieħor li ma għandux awtorizzazzjoni sabiex jorganizza mħatri sportivi f’dan l-Istat Membru, iżda huwa detentur ta’ liċenzja fi Stat Membru ieħor, meta l-obbligu li wieħed ikollu awtorizzazzjoni għall-organizzazzjoni jew għall-intermedjazzjoni ta’ mħatri sportivi jkun jaqa’ fil-kuntest ta’ sistema ta’ monopolju pubbliku li l-qrati nazzjonali qiesu li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. L-Artikolu 56 TFUE jipprekludi tali sanzjoni anki meta, fit-teorija, operatur privat jista’ jikseb awtorizzazzjoni għall-organizzazzjoni jew għall-intermedjazzjoni ta’ mħatri sportivi, sa fejn l-għarfien tal-proċedura ta’ għoti ta’ tali awtorizzazzjoni ma hijiex żgurata u sa fejn is-sistema ta’ monopolju pubbliku fuq l-imħatri sportivi, li l-qrati nazzjonali qiesu li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, effettivament baqgħet fis-seħħ minkejja l-adozzjoni ta’ tali proċedura.

      Fil-fatt, f’ċirkustanzi fejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ma japplikawx proċedura ta’ awtorizzazzjoni fittizja b’mod unanimu u uniformi u fejn il-qrati nazzjonali huma maqsuma f’dak li jikkonċerna l-legalità ta’ tali proċedura, ma jistax jiġi eskluż li ma jkunx possibbli għal xi operaturi privati li jsiru jafu la bil-proċedura li wieħed għandu jsegwi sabiex jitlob awtorizzazzjoni għall-organizzazzjoni u għall-intermedjazzjoni ta’ mħatri sportivi u lanqas il-kundizzjonijiet li fihom awtorizzazzjoni tingħatalhom jew tiġi miċħuda lilhom. Tali nuqqas ta’ determinazzjoni ma jippermettix lill-operaturi kkonċernati jkunu jafu l-portata tad-drittijiet u tal-obbligi tagħhom li jirriżultaw mill-Artikolu 56 TFUE, b’mod li tali sistema għandha tiġi kkunsidrata bħala li tmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali. Għaldaqstant, tali proċedura fittizja ma tistax titqies bħala li rrimedjat għall-inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni, ikkonstatata mill-qrati nazzjonali, ta’ dispożizzjonijiet ta’ dritt intern li jistabbilixxu sistema ta’ monopolju pubbliku fuq l-organizzazzjoni u l-intermedjazzjoni tal-imħatri sportivi.

      (ara l-punti 58, 59, 62, 65, dispożittiv 1)

    5.  Stat Membru ma jistax japplika sanzjoni kriminali għal formalità amministrattiva mhux issodisfatta meta t-twettiq ta’ din il-formalità jkun ġie rrifjutat mill-Istat Membru kkonċernat jew meta l-Istat Membru kkonċernat jirrendi dan impossibbli, bi ksur tad-dritt tal-Unjoni. Tali projbizzjoni, li tirriżulta mill-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) UE, tapplika, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, għall-korpi kollha tal-Istat Membru kkonċernat, fosthom l-awtoritajiet responsabbli għall-infurzar tal-liġi.

      (ara l-punti 63, 64)

    6.  In-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34, li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika, kif emendata bid-Direttiva 98/48, jikkostitwixxi difett proċedurali fl-adozzjoni tar-regolamenti tekniċi kkonċernati u jimplika l-inapplikabbiltà ta’ dawn ir-regolamenti tekniċi, b’tali mod li huma ma jkunux jistgħux jiġu invokati fil-konfront tal-individwi. F’dan ir-rigward, minkejja li l-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva jeħtieġ li jiġi kkomunikat lill-Kummissjoni l-abbozz ta’ liġi li fih regolamenti tekniċi kollu, l-inapplikabbiltà li tirriżulta min-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu testendi mhux għad-dispożizzjonijiet kollha ta’ tali liġi, iżda biss għar-regolamenti tekniċi li jkunu jinsabu fiha.

      (ara l-punti 67, 68)

    7.  Ma jikkostitwixxux regolamenti tekniċi fis-sens tal-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34, li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika, kif emendata bid-Direttiva 98/48, dispożizzjonijiet nazzjonali li kulma jagħmlu huwa li jipprevedu l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment jew għall-provvista ta’ servizzi minn impriżi, bħad-dispożizzjonijiet li jissuġġettaw l-eżerċizzju ta’ attività professjonali għal approvazzjoni minn qabel.

      (ara l-punt 76)

    8.  L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34, li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika, kif emendata bid-Direttiva 98/48, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-abbozz ta’ leġiżlazzjoni reġjonali li żżomm fis-seħħ, fuq l-iskala tar-reġjun ikkonċernat, id-dispożizzjonijiet ta’ leġiżlazzjoni komuni għad-diversi reġjuni ta’ Stat Membru li skadiet, ikun suġġett għall-obbligu ta’ notifika previst fl-imsemmi Artikolu 8(1) sa fejn dan l-abbozz ikun fih regolamenti tekniċi fis-sens tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, b’tali mod li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ dan l-obbligu jwassal sabiex dawn ir-regolamenti tekniċi ma jkunux jistgħu jiġu infurzati kontra individwu fil-kuntest ta’ proċedura kriminali. Tali obbligu ma huwiex ikkontestat miċ-ċirkustanza li l-imsemmija leġiżlazzjoni komuni kienet preċedentement ġiet innotifikata lill-Kummissjoni fl-istat ta’ abbozz skont l-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva, u kienet tipprevedi b’mod espress il-possibbiltà ta’ proroga, li madankollu ma sarx użu minnha.

      Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari,it-tieni għan imfittex mid-Direttiva 98/34 u ppreċiżat fil-premessa 7 tagħha, l-operaturi ekonomiċi ta’ Stat Membru għandhom jiġu informati bl-abbozzi ta’ regolamenti tekniċi adottati minn Stat Membru ieħor kif ukoll bil-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis u bil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ dawn tal-aħħar, sabiex dawn ikunu jistgħu jsiru jafu l-portata tal-obbligi li jistgħu jiġu imposti fuqhom u jantiċipaw l-adozzjoni ta’ dawn it-testi billi, jekk ikun il-każ, jadattaw il-prodotti jew is-servizzi tagħhom fi żmien xieraq. F’dawn il-kundizzjonijiet, anki jekk regoli nazzjonali jkun fihom kontenut identiku għal dawk li jkunu ġew innotifikati preċedentement lill-Kummissjoni, sa fejn huma jiddistingwu ruħhom minn xulxin f’dak li jikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis u l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali, it-twettiq tal-għanijiet imfittxa mid-Direttiva 98/34 jeħtieġ li l-abbozz ta’ leġiżlazzjoni jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva.

      (ara l-punti 81-84, dispożittiv 2)

    9.  L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jissanzjona l-intermedjazzjoni mingħajr awtorizzazzjoni ta’ mħatri sportivi fit-territorju tiegħu, f’isem operatur li huwa detentur ta’ liċenzja għall-organizzazzjoni ta’ mħatri sportivi fi Stat Membru ieħor:

      meta l-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni għall-organizzazzjoni ta’ mħatri sportivi jkun suġġett għall-ksib ta’ konċessjoni mill-imsemmi operatur skont proċedura ta’ għoti ta’ konċessjonijiet, sakemm il-qorti nazzjonali tikkonstata li din il-proċedura ma tosservax il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza kif ukoll l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnhom, u

      sa fejn, minkejja d-dħul fis-seħħ ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tippermetti l-għoti ta’ konċessjonijiet lil operaturi privati, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu sistema ta’ monopolju pubbliku fuq l-organizzazzjoni u l-intermedjazzjoni tal-imħatri sportivi, li l-qrati nazzjonali qiesu li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni, fil-prattika baqgħet fis-seħħ.

      Fil-fatt, l-awtoritajiet pubbliċi li jikkonkludu tali kuntratti ta’ konċessjoni għal servizzi huma obbligati josservaw ir-regoli fundamentali tat-trattat b’mod ġenerali, b’mod partikolari l-Artikolu 56 TFUE, u, speċjalment il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza kif ukoll l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnhom.

      (ara l-punti 86, 95, dispożittiv 3)

    Top