EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0287

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tad-9 ta’ Ġunju 2016.
Eurospeed Ltd vs Szegedi Törvényszék.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bit-triq – Regolament (KE) Nru 561/2006 – Responsabbiltà tas-sewwieq għall-ksur tal-obbligu ta’ użu ta’ takigrafu.
Kawża C-287/14.

Court reports – general

Kawża C‑287/14

Eurospeed Ltd

vs

Szegedi Törvényszék

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Gyulai törvényszék)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Trasport bit-triq — Regolament (KE) Nru 561/2006 — Responsabbiltà tas-sewwieq għall-ksur tal-obbligu ta’ użu ta’ takigrafu”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tad-9 ta’ Ġunju 2016

Trasport – Trasport bit-triq – Dispożizzjonijiet soċjali – Regolament Nru 561/2006 – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi r-responsabbiltà tas-sewwieq fil-każ ta’ ksur ta’ dan ir-regolament minflok jew minbarra dik tal-impriża tat-trasport li timpjega lis-sewwieq – Ammissibbiltà

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 561/2006)

Ir-Regolament Nru 561/2006, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti Nru 3821/85 u Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament Nru 3820/85, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, minflok jew minbarra l-impriża tat-trasport li timpjega lis-sewwieq, iżżomm lis-sewwieq responsabbli għall-ksur ta’ dan ir-regolament li huwa stess ikun wettaq.

Fil-fatt, l-ewwel nett, l-Artikolu 19(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li kull Stat Membru għandu jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jimponu sanzjoni fir-rigward ta’ impriża u/jew ta’ sewwieq għal ksur ta’ dan l-istess regolament ikkonstatat fit-territorju tiegħu u li mhux diġà ġie ssanzjonat. Għaldaqstant, mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta b’mod ċar li r-Regolament Nru 561/2006 jissuġġetta kemm lill-impriżi tat-trasport kif ukoll lis-sewwieqa għal obbligi speċifiċi u jżommhom it-tnejn responsabbli għal ksur tal-obbligi rispettivi tagħhom. Barra minn hekk, skont l-ewwel frażi tal-Artikolu 19(2) ta’ dan ir-regolament, din il-possibbiltà li jiġu imposti sanzjonijiet għall-ksur previst minn dan ir-regolament hija estiża għall-ksur imwettaq barra mit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

It-tieni nett, l-istess konklużjonijiet jirriżultaw mill-Artikolu 10(3) ta’ dan ir-regolament.

Fl-aħħar nett, għalkemm huwa veru li r-Regolament Nru 561/2006 huwa, b’mod partikolari, intiż li jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persunal tas-settur tat-trasport bit-triq, xejn ma jippermetti li jiġi preżunt, minn naħa, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jeżenta lis-sewwieqa minn kull responsabbiltà għall-ksur li huma jwettqu, b’mod partikolari meta dan il-ksur ikun esklużivament marbut mat-twettiq tal-funzjoni tagħhom. Min-naħa l-oħra, iż-żewġ għanijiet ta’ dan ir-regolament, jiġifieri li jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u li titjieb is-sigurtà fit-triq, huma t-tnejn li huma riflessi fl-obbligu li, bħala prinċipju, il-vetturi użati għat-trasport bit-triq jiġu mgħamra b’tagħmir ta’ reġistrazzjoni approvat li jippermetti li tiġi kkontrollata l-osservanza tal-perijodu ta’ sewqan u ta’ mistrieħ tas-sewwieqa. Issa, interpretazzjoni ta’ dan ir-regolament fis-sens li dan jopponi l-possibbiltà li jiġu imposti fuq is-sewwieqa sanzjonijiet li jissanzjonaw il-ksur tal-obbligi li huma għandhom skont dan l-istess regolament tostakola t-twettiq, b’mod partikolari, tal-għan li titjieb is-sigurtà fit-triq b’mod ġenerali.

(ara l-punti 29‑31, 34‑39, 45 u d-dispożittiv)

Top