This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62014CJ0255
Chmielewski
Chmielewski
Kawża C‑255/14
Robert Michal Chmielewski
vs
Nemzeti Adó- és Vámhivatal Dél-alföldi Regionális Vám- és Pénzügyőri Főigazgatósága
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Kecskeméti Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament (KE) Nru 1889/2005 — Kontrolli ta’ flus kontanti deħlin fl-Unjoni Ewropea jew ħerġin mill-Unjoni Ewropea — Artikoli 3 u 9 — Obbligu ta’ dikjarazzjoni — Ksur — Sanzjonijiet — Proporzjonalità”
Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-16 ta’ Lulju 2015
Moviment liberu tal-kapital u libertà tal-pagamenti – Kontrolli ta’ flus kontanti deħlin fl-Unjoni Ewropea jew ħerġin mill-Unjoni Ewropea – Regolament Nru 1889/2005 – Obbligu ta’ dikjarazzjoni – Ksur – Sanzjonijiet – Setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri – Obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi konkreti u partikolari ta’ kull każ – Assenza
(Regolament tal-Parlament u tal-Kunsill Nru 1889/2005, Artikoli 3 u 9(1))
Moviment liberu tal-kapital u libertà tal-pagamenti – Kontrolli ta’ flus kontanti deħlin fl-Unjoni Ewropea jew ħerġin mill-Unjoni Ewropea – Regolament Nru 1889/2005 – Obbligu ta’ dikjarazzjoni – Ksur – Sanzjonijiet – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi l-ħlas ta’ multa amministrattiva li l-ammont tagħha huwa ta’ 60 % tas-somma ta’ flus kontanti mhux iddikjarata, meta din is-somma tkun ta’ iktar minn EUR 50000 – Inammissibbiltà – Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità
(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1889/2005, Artikoli 3, 4(2) u 9(1))
Il-kundizzjoni ta’ proporzjonalità li għandhom jissodisfaw is-sanzjonijiet introdotti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1889/2005, dwar kontrolli ta’ flus kontanti deħlin fil-Komunità jew ħerġin mill-Komunità, ma teżiġix li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi konkreti u partikolari ta’ kull każ.
Fil-fatt, skont l-Artikolu 9(1) tal-imsemmi regolament, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni rigward l-għażla tas-sanzjonijiet li huma jadottaw sabiex jiżguraw l-osservanza tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni previst fl-Artikolu 3 tal-istess regolament, sakemm ksur ta’ dan l-obbligu jkun jista’ jiġi ssanzjonat b’mod sempliċi, effettiv u effikaċi, u dan mingħajr ma l-awtoritajiet kompetenti jkollhom neċessarjament jieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi oħra, bħall-intenzjonalità jew ir-reċidiva.
(ara l-punti 28, 29)
L-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1889/2005, dwar kontrolli ta’ flus kontanti deħlin fil-Komunità jew ħerġin mill-Komunità, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, sabiex tissanzjona ksur tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni previst fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, timponi l-ħlas ta’ multa amministrattiva li l-ammont tagħha huwa ta’ 60 % tas-somma ta’ flus kontanti mhux iddikjarata, meta din is-somma tkun ta’ iktar minn EUR 50000.
Fil-fatt, tali multa tmur lil hinn mil-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex tiġi ggarantita l-osservanza ta’ dan l-obbligu u sabiex jiġi żgurat li jintlaħqu l-għanijiet segwiti permezz ta’ dan ir-regolament.
F’dan ir-rigward, is-sanzjoni prevista fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1889/2005 ma hijiex intiża sabiex tissanzjona eventwali attivitajiet frawdolenti jew illegali, iżda biss ksur tal-imsemmi obbligu.
F’dan il-kuntest, kif jirriżulta mill-premessi 3 u 15 tal-imsemmi regolament, dan tal-aħħar huwa intiż sabiex jiżgura kontroll iktar effikaċi tal-movimenti ta’ flus kontanti deħlin fl-Unjoni jew ħerġin mill-Unjoni, sabiex tiġi prekluża l-introduzzjoni fis-sistema finanzjarja tar-rikavat ta’ attivitajiet illegali, filwaqt li jiġu osservati l-prinċipji rrikonoxxuti tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Barra minn hekk, l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1889/2005 jipprevedi l-possibbiltà li jinżammu, permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva u b’mod konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-flus kontanti li ma kinux is-suġġett tad-dikjarazzjoni prevista fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari sabiex l-awtoritajiet nazzjonali jitħallew iwettqu l-kontrolli u l-verifiki neċessarji marbuta mal-provenjenza ta’ dawn il-flus kontanti, l-użu li huwa previst għalih u d-destinazzjoni ta’ dan. B’dan il-mod, sanzjoni li tikkonsisti f’multa ta’ ammont inqas, flimkien ma’ miżura ta’ żamma tal-flus kontanti li ma ġewx iddikjarati, skont l-Artikolu 3, tista’ tilħaq l-għanijiet segwiti permezz tal-imsemmi regolament mingħajr ma taqbeż il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju għal dan l-għan.
(ara l-punti 30-33, 35 u d-dispożittiv)