EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0252

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-2 ta’ Ġunju 2016.
Pensioenfonds Metaal en Techniek vs Skatteverket.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-kapital – Artikolu 63 TFUE – Tassazzjoni ta’ dħul minn fondi ta’ pensjoni – Differenza fit-trattament bejn il-fondi ta’ pensjoni residenti u l-fondi ta’ pensjoni mhux residenti – Tassazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa tal-fondi ta’ pensjoni residenti fuq il-bażi ta’ rendiment fittizju – Taxxa f’ras il-għajn applikata għad-dħul li ġej mid-dividendi riċevuti mill-fond ta’ pensjoni mhux residenti – Komparabbiltà.
Kawża C-252/14.

Court reports – general

Kawża C‑252/14

Pensioenfonds Metaal en Techniek

vs

Skatteverket

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Högsta förvaltningsdomstolen)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Moviment liberu tal-kapital — Artikolu 63 TFUE — Tassazzjoni ta’ dħul minn fondi ta’ pensjoni — Differenza fit-trattament bejn il-fondi ta’ pensjoni residenti u l-fondi ta’ pensjoni mhux residenti — Tassazzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa tal-fondi ta’ pensjoni residenti fuq il-bażi ta’ rendiment fittizju — Taxxa f’ras il-għajn applikata għad-dħul li ġej mid-dividendi riċevuti mill-fond ta’ pensjoni mhux residenti — Komparabbiltà”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-2 ta’ Ġunju 2016

  1. Moviment liberu tal-kapital u libertà tal-pagamenti – Restrizzjonijiet – Leġiżlazzjoni fiskali – Taxxa fuq id-dividendi – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta d-dividendi mqassma lil fondi ta’ pensjoni mhux residenti għal trattament differenti minn dak irriżervat għal dividendi mqassma lil fondi ta’ pensjoni residenti – Kriterji ta’ paragun tas-sitwazzjoni tal-persuni residenti u tal-persuni mhux residenti bil-għan li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ restrizzjoni

    (Artikolu 63 TFUE)

  2. Moviment liberu tal-kapital u libertà tal-pagamenti – Restrizzjonijiet – Projbizzjoni – Derogi – Interpretazzjoni stretta – Portata

    (Artikolu 63 TFUE u 65(1) u 3 TFUE)

  3. Moviment liberu tal-kapital u libertà tal-pagamenti – Restrizzjonijiet – Leġiżlazzjoni fiskali – Taxxa fuq id-dividendi – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta d-dividendi mqassma lil fondi ta’ pensjoni mhux residenti għal trattament differenti minn dak irriżervat għal dividendi mqassma lil fondi ta’ pensjoni residenti – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Possibbiltà ta’ teħid inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tas-saħħa finanzjarja, tal-ispejjeż professjonali marbuta mal-ġbir tad-dividendi, irriżervata biss għall-fondi ta’ pensjoni residenti – Inammissibbiltà

    (Artikolu 63 TFUE)

  1.  Fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ jekk trattament differenti tat-tassazzjoni tad-dividendi mħallsa lill-fondi ta’ pensjoni skont l-istatus ta’ resident jew le ta’ dawn tal-aħħar iwassalx għal trattament sfavorevoli tal-fondi ta’ pensjoni mhux residenti meta mqabbla mal-fondi ta’ pensjoni residenti u jikkostitwixxix, għalhekk, restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, il-perijodu li għandu jintuża, għall-iskop ta’ paragun tal-piż fiskali fuq id-dividendi mħallsa lil residenti u lil persuni mhux residenti, huwa dak li jittieħed inkunsiderazzjoni għad-dividendi mħallsa lir-residenti. F’dan ir-rigward, trattament sfavorevoli possibbli tad-dividendi mħallsa lil fondi ta’ pensjoni mhux residenti matul sena fiskali ma jistax jiġi kkumpensat permezz ta’ trattament possibbilment vantaġġuż ta’ dawn tal-aħħar matul snin fiskali oħra. Minn dan isegwi li l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ trattament sfavorevoli possibbli tad-dividendi mħallsa lill-fondi ta’ pensjoni mhux residenti għandha ssir għal kull sena fiskali individwalment.

    (ara l-punti 33, 37, 39, 41)

  2.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 45-49)

  3.  L-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li d-dividendi mħallsa minn kumpannija residenti huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn fejn dawn id-dividendi jitħallsu lil fond ta’ pensjoni mhux residenti u, fejn dawn id-dividendi jitħallsu lil fond ta’ pensjoni residenti, għal taxxa b’rata fissa kkalkolata fuq il-bażi ta’ rendiment fittizju li jikkorrispondi, matul iż-żmien, mat-tassazzjoni tad-dħul kollu tal-kapital skont is-sistema tad-dritt komuni. Madankollu, huwa jipprekludi li l-fondi ta’ pensjoni benefiċjarji mhux residenti ma jkunux jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż professjonali li jista’ jkun hemm li jkunu direttament marbuta mal-ġbir tad-dividendi, meta l-metodu tal-kalkolu tal-bażi taxxabbli tal-fondi ta’ pensjoni residenti jipprevedi tali teħid inkunsiderazzjoni, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

    F’dan ir-rigward, it-tassazzjoni ta’ fondi ta’ pensjoni residenti għandha għan differenti minn ta’ dik applikata fuq il-fondi ta’ pensjoni mhux residenti. Għalhekk, filwaqt li tal-ewwel huma ntaxxati fuq id-dħul kollu tagħhom, ikkalkolat fuq il-bażi tal-attiv tagħhom wara li jitnaqqsu d-djun tagħhom, li għalih tiġi applikata rata ta’ taxxa fissa, irrispettivament mill-ġbir attwali ta’ dividendi matul is-sena fiskali kkonċernata, tat-tieni huma ntaxxati fuq id-dividendi rċevuti fl-Istat Membru tal-kumpannija distributriċi matul dik is-sena. Fil-fatt, fil-kuntest tas-sistema ta’ pensjonijiet tal-irtirar, il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-tassazzjoni tal-imsemmija fondi hija intiża sabiex tintroduċi taxxa newtrali u indipendenti mis-sitwazzjoni ekonomika tad-diversi tipi ta’ attiv kif ukoll mill-forom kollha ta’ tfaddil għall-irtirar ikkonċernati. Sabiex jintlaħaq dan il-għan, l-attiv kollu ta’ fond ta’ pensjoni residenti huwa suġġett għal taxxa b’rata fissa annwali, li tirrifletti r-rendiment ta’ dan l-attiv, irrispettivament mill-forma ta’ dħul iġġenerat minn dan l-imsemmi attiv, b’mod partikolari l-ġbir tad-dividendi. Tali tassazzjoni tad-dħul tal-fondi ta’ pensjoni hija eżerċitata mill-Istat Membru kkonċernat, bħala l-Istat ta’ residenza ta’ dawn il-fondi ta’ pensjoni, peress li għandu f’dan ir-rigward setgħa li jintaxxa d-dħul globali tagħhom. Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ fondi ta’ pensjoni mhux residenti f’dan l-Istat Membru, dan tal-aħħar għandu biss, konformement mal-konvenzjoni bilaterali preventiva tat-taxxa doppja, setgħa ta’ tassazzjoni tad-dħul iġġenerat mill-assi ta’ dawn il-fondi li jinsabu fit-territorju tiegħu. Għalhekk, minħabba s-setgħa ta’ tassazzjoni limitata fir-rigward tal-fondi ta’ pensjoni mhux residenti, dan l-Istat Membru ma jistax jintaxxa l-attiv kollu ta’ dawn il-fondi ta’ pensjoni.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-għan segwit minn tali leġiżlazzjoni nazzjonali li jikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ taxxa newtrali u indipenenti mis-sitwazzjoni ekonomika tad-diversi tipi ta’ attiv kif ukoll mill-forom kollha tat-tfaddil għall-irtirar ikkonċernati, li jimplika li l-fondi ta’ pensjoni huma ntaxxati fuq l-attiv kollu tagħhom, ma jistax jinkiseb fil-każ ta’ fondi ta’ pensjoni mhux residenti. Dan il-għan, li jassumi wkoll li l-fondi ta’ pensjoni huma ntaxxati kull sena u indipendentement mit-tqassim tad-dividendi, lanqas ma jista’ jintlaħaq bit-tassazzjoni tad-dividendi rċevuti mill-fondi ta’ pensjoni mhux residenti skont il-metodu ta’ rata fissa, billi tibbaża ruħha, sabiex tikkalkola t-taxxa dovuta, fuq il-valur tal-attiv sottostanti, peress li l-fondi ta’ pensjoni mhux residenti, fi kwalunkwe każ, jistgħu jiġu ntaxxati biss meta d-dividendi jitqassmu lilhom. Minn dan isegwi li, fir-rigward tal-għan segwit mill-leġiżlazzjoni nazzjonali, kif ukoll mill-iskop u l-kontenut tagħha, fondi ta’ pensjoni mhux residenti ma humiex f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ fondi ta’ pensjoni residenti. Madankollu, f’dak li jikkonċerna l-ispejjeż direttament marbuta ma’ attività li ġġenerat dħul taxxabbli fi Stat Membru, il-persuni residenti ta’ dan tal-aħħar u l-persuni mhux residenti jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli. F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-metodu ta’ tassazzjoni applikat għall-fondi ta’ pensjoni residenti jippermettix, bil-kalkolu tal-bażi taxxabbli tal-imsemmija fondi u, b’mod partikolari, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni d-djun tagħhom fil-kalkolu tal-bażi finanzjarja, li jittieħdu inkunsiderazzjoni spejjeż professjonali li jista’ jkun hemm li huma direttament marbuta mal-ġbir tad-dividendi. Jekk dan ikun il-każ, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-ispejjeż għandu jiġi aċċettat ukoll għall-fondi ta’ pensjoni mhux residenti.

    (ara l-punti 52-56, 58-60, 63-66 u d-dispożittiv)

Top