This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62014CJ0229
Balkaya
Balkaya
Kawża C‑229/14
Ender Balkaya
vs
Kiesel Abbruch- und Recycling Technik GmbH
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Arbeitsgericht Verden)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 98/59/KE — Artikolu 1(1)(a) — Tkeċċijiet kollettivi — Kunċett ta’ ‘ħaddiem’ — Membru tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju — Persuna li taħdem fil-kuntest ta’ miżura ta’ tagħlim u ta’ reintegrazzjoni professjonali u li tirċievi għajnuna pubblika għat-taħriġ mingħajr ma tirċievi remunerazzjoni min-naħa tal-persuna li timpjega”
Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad‑9 ta’ Lulju 2015
Politika soċjali – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Tkeċċijiet kollettivi – Direttiva 98/59 – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ “ħaddiem” – Interpretazzjoni awtonoma u uniformi
(Direttiva tal-Kunsill 98/59, Artikolu 1(1)(a))
Politika soċjali – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Tkeċċijiet kollettivi – Direttiva 98/59 – Kamp ta’ applikazzjoni – Kalkolu tal-limiti massimi ta’ ħaddiema impjegati – Leħiżlazzjoni nazzjonali li teskludi mill-imsemmi kalkolu membru tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju – Inammissibbiltà
(Direttiva tal-Kunsill 98/59, premessa 2 u Artikolu 1(1)(a))
Politika soċjali – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Tkeċċijiet kollettivi – Direttiva 98/59 – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ “ħaddiem” – Stagiaire li jeżerċita attività ppratikata f’impriża – Inklużjoni
(Direttiva tal-Kunsill 98/59, Artikolu 1(1)(a))
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 33, 34, 36, 37)
L-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies kollettivi, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali li ma tiħux inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tan-numru ta’ ħaddiema impjegati previst minn din id-dispożizzjoni, membru tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju li jeżerċita l-attività tiegħu taħt id-direzzjoni u taħt il-kontroll ta’ korp ieħor ta’ din il-kumpannija, li jirċievi kumpens bħala korrispettiv għall-attività tiegħu u meta huwa stess ma għandu l-ebda sehem fl-imsemmija kumpannija.
F’dan ir-rigward, il-fatt li persuna għandha l-kwalità ta’ membru ta’ korp li tmexxi kumpannija b’kapital azzjonarju ma jistax, bħala tali, jeskludi li din il-persuna tinsab f’rabta ta’ subordinazzjoni fir-rigward ta’ din il-kumpannija. Fil-fatt għandhom jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet li fihom dan il-membru ġie rreklutat, in-natura tal-funzjonijiet li ngħatawlu, il-kuntest li fihom dawn tal-aħħar huma eżerċitati, il-portata tas-setgħat tal-persuna kkonċernata u l-kontroll li huwa suġġett għalih fi ħdan il-kumpannija, kif ukoll iċ-ċirkustanzi li fihom huwa jista’ jitneħħa. Anki jekk tali membru tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju għandu marġni ta’ diskrezzjonali fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu li jeċċedu, b’mod partikolari, dak ta’ ħaddiem fis-sens tad-dritt nazzjonali, li jista’ jiġi preskritt mill-persuna li timpjega l-kompiti li għandu jwettaq u l-mod kif dawn għandhom jitwettqu, jibqa’ l-fatt li jinsab f’rabta ta’ subordinazzjoni għal din il-kumpannija.
Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija ikkorroborata mill-għan tad-Direttiva 98/59 li għandha l-għan, kif jirriżulta mill-premessa 2 tagħha, b’mod partikolari t-tisħiħ tal-protezzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta’ tkeċċijiet kollettivi. Konformement ma’ dan l-għan, ma tistax tingħata definizzjoni ristretta tal-kunċetti li jiddefinixxu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, inklużi fiha l-kunċett ta’ “ħaddiem” li jinsab fl-Artikolu 1(1)(a) tal-istess direttiva.
Fl-aħħar nett, leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali inkwistjoni li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-membri tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju fil-kalkolu tan-numru ta’ ħaddiema impjegati previst fl-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 98/59 hija tali li taffettwa mhux biss il-protezzjoni mogħtija minn din id-direttiva lil dawn il-membri, iżda speċjalment li ċċaħħad lill-ħaddiema kollha impjegati minn ċerti impriżi, normalment b’iktar minn 20 ħaddiem, mid-drittijiet li huma jisiltu minn din id-direttiva u li, għaldaqstant, minn dan il-fatt, jippreġudikaw l-effettività tal-istess direttiva.
(ara l-punti 38, 41, 44, 47, 48 u d-dispożittiv 1)
L-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 98/59, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies kollettivi, għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna, li teżerċita attività prattika f’impriża fil-forma ta’ stage, mingħajr ma tirċievi remunerazzjoni mill-persuna li timpjega, iżda li tibbenefika minn għajnuna finanzjarja mill-organu pubbliku responsabbli għall-promozzjoni tax-xogħol għal din l-attività rikonoxxuta minn dan l-organu sabiex tikseb jew tiżviluppa għarfien jew issegwi taħriġ professjonali, għandha titqies li għandha l-kwalità ta’ ħaddiem fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.
Fil-fatt, minn naħa, il-kunċett ta’ ħaddiem fid-dritt tal-Unjoni jestendi għal dawk li jwettqu stage preparatorju jew perijodi ta’ taħriġ fi professjoni, li jistgħu jitqiesu li jikkostitwixxu tħejjija prattika marbuta mal-eżerċizzju stess tal-professjoni inkwistjoni, peress li l-imsemmija perijodi huma mwettqa taħt il-kundizzjonijiet ta’ impjieg ġenwin u effettiv imħallas, favur u taħt id-direzzjoni ta’ persuna li timpjega.
Min-naħa l-oħra, la l-kuntest ġuridiku tar-relazzjoni ta’ impjieg skont il-liġi nazzjonali li fil-kuntest tiegħu jsir taħriġ professjonali jew stage, u lanqas l-oriġini tar-riżorsi assenjati għar-remunerazzjoni tal-persuna kkonċernata u, b’mod partikolari, bħal f’din il-kawża, il-finanzjament tiegħu permezz ta’ sussidji pubbliċi, ma jista’ jkollhom ebda konsegwenza dwar ir-rikonoxximent jew le ta’ persuna bħala ħaddiem.
(ara l-punti 50-52 u d-dispożittiv 2)