Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0223

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-11 ta’ Novembru 2015.
    Tecom Mican SL u José Arias Domínguez.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Notifika u komunikazzjoni tal-atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji – Kunċett ta’ ‘att extraġudizzjarju' – Att privat – Impatt transkonfinali – Funzjonament tas-suq intern.
    Kawża C-223/14.

    Court reports – general

    Kawża C‑223/14

    Tecom Mican SL

    u

    José Arias Domínguez

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Primera Instancia no 7 de Las Palmas de Gran Canaria)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Notifika u komunikazzjoni tal-atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji — Kunċett ta’ ‘att extraġudizzjarju’ — Att privat — Impatt transkonfinali — Funzjonament tas-suq intern”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-11 ta’ Novembru 2015

    1. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Notifika u komunikazzjoni tal-atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji — Regolament Nru 1393/2007 — Att extraġudizzjarju — Kunċett — Interpretazzjoni awtonoma

      (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1393/2007, Artikolu 16)

    2. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Notifika u komunikazzjoni tal-atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji — Regolament Nru 1393/2007 — Att extraġudizzjarju — Kunċett — Att privat li għandu jintbagħat formalment lid-destinatarju tiegħu residenti f’pajjiż barrani għall-finijiet tal-eżerċizzju, tal-prova jew tas-salvagwardja ta’ dritt jew ta’ pretensjoni legali fil-qasam ċivili jew kummerċjali — Inklużjoni

      (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1393/2007, Artikolu 16)

    3. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Notifika u komunikazzjoni tal-atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji — Regolament Nru 1393/2007 — Notifika jew komunikazzjoni ta’ att extraġudizzjarju konformement mal-metodi stabbiliti bir-regolament, wara l-ewwel notifika jew komunikazzjoni ta’ dan l-att — Ammissibbiltà

      (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1393/2007)

    4. Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Notifika u komunikazzjoni tal-atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji — Regolament Nru 1393/2007 — Att extraġudizzjarju — Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 16 tal-imsemmi regolament magħquda — Obbligu li jiġi vverifikat, każ b’każ, l-effett transkonfinali tan-notifika jew tal-komunikazzjoni ta’ att extraġudizzjarju u l-ħtieġa tiegħu għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern — Assenza

      (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1393/2007, Artikolu 16)

    1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punt 32)

    2.  L-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali u li jħassar ir-Regolament Nru 1348/2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “att extraġudizzjarju”, imsemmi f’dan l-artikolu, jinkludi mhux biss l-atti mfassla jew iċċertifikati minn awtorità pubblika jew minn uffiċjal pubbliku, iżda wkoll l-atti privati li t-trażmissjoni formali tagħhom lid-destinatarju tagħhom li jirrisjedi f’pajjiż barrani tkun neċessarja għall-eżerċizzju, għall-prova jew għas-salvagwardja ta’ dritt jew ta’ pretensjoni legali fil-qasam ċivili jew kummerċjali.

      Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ preċiżazzjoni mill-kliem stess tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1393/2007, biex tiġi ddeterminata għal dawn il-finijiet il-portata tal-kunċett imsemmi, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest tal-imsemmi Artikolu 16 u tal-għanijiet imfittxija minn dan ir-Regolament, kif ukoll, jekk ikun il-każ, l-oriġini tiegħu.

      Fir-rigward tal-kuntest, ir-Regolament Nru 1393/2007, adottat abbażi tal-Artikolu 61(ċ) KE, jistabbilixxi, hekk kif jissemma fil-premessa 1 tiegħu, mekkaniżmu ta’ notifika intrakomunitarja tal-atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji fil-qasam ċivili jew kummerċjali, intiż biex jimplementa progressivament spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja.

      F’din il-perspettiva, skont il-premessa 2 ta’ dan ir-Regolament, dan għandu l-għan li jtejjeb u li jħaffef it-trażmissjoni bejn l-Istati Membri tal-atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji fil-qasam ċivili jew kummerċjali, sabiex isaħħaħ il-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

      B’hekk, fid-dawl tal-predeċessuri leġiżlattivi tar-Regolament Nru 1393/2007, u iktar preċiżament fil-kuntest tal-iżvilupp relattiv għall-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam ċivili li dan jidħol fih, il-kunċett ta’ “att extraġudizzjarju” fis-sens tal-Artikolu 16 ta’ dan ir-Regolament għandu jiġi interpretat bħala li jinkludi fl-istess ħin kemm id-dokumenti mfassla jew iċċertifikati minn awtorità pubblika jew minn uffiċjal pubbliku u l-atti privati li t-trażmissjoni formali tagħhom lid-destinatarju tagħhom li jirrisjedi f’pajjiż barrani tkun neċessarja għall-eżerċizzju, għall-prova jew għas-salvagwardja ta’ dritt jew ta’ pretensjoni legali fil-qasam ċivili jew kummerċjali.

      Fil-fatt, it-trażmissjoni transkonfinali ta’ tali atti privati, permezz tal-mekkaniżmu ta’ notifika u ta’ komunikazzjoni stabbilit bir-Regolament Nru 1393/2007, tikkontribwixxi wkoll biex issaħħaħ, fil-qasam tal-kooperazzjoni fl-oqsma ċivili jew kummerċjali, il-funzjonament tajjeb tas‑suq intern u tgħin biex jiġi implementat progressivament spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja fl-Unjoni Ewropea.

      (ara l-punti 35-38, 44-46 u d-dispożittiv 1)

    3.  Ir-Regolament Nru 1393/2007, dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali, u li jħassar ir-Regolament Nru 1348/2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li n-notifika jew il-komunikazzjoni ta’ att extraġudizzjarju, konformement mal-metodi stabbiliti minn dan ir-regolament hija ammissibbli anki meta r-rikorrent ikun diġà wettaq l-ewwel notifika jew komunikazzjoni ta’ dan l-att permezz ta’ metodu ieħor ta’ trażmissjoni mhux previst mir-regolament imsemmi jew permezz ta’ metodu ta’ trażmissjoni ieħor stabbilit minnu.

      Fil-fatt, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-każ li fih rikorrent iwettaq l-ewwel notifika jew l-ewwel komunikazzjoni skont il-metodi mhux previsti mir-Regolament Nru 1393/2007, dan tal-aħħar jipprovdi biss żewġ ċirkustanzi li fihom in-notifika u l-komunikazzjoni ta’ att bejn l-Istati Membri ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu u ma tistax titwettaq bil-mezzi implementati minnu, jiġifieri, minn naħa, meta d-domiċilju jew il-post ta’ soġġorn abitwali tad-destinatarju ma jkunx magħruf u, min-naħa l-oħra, meta dan tal-aħħar ikun innomina rappreżentant b’mandat fl-Istat fejn tiżvolġi l-proċedura ġudizzjarja. B’hekk, ir-regolament imsemmi ma jipprovdi ebda eċċezzjoni ulterjuri għall-użu tal-metodi previsti għat-trażmissjoni bejn l-Istati Membri ta’ att extraġudizzjarju, fl-ipoteżi fejn rikorrent ikun diġà nnotifika jew ikkomunika dan l-istess att minn qabel permezz ta’ metodu ta’ trażmissjoni differenti minn dawk stabbiliti minn dan ir-Regolament.

      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-konsegwenzi marbuta mal-każ li fih rikorrent ikun wettaq notifika inizjali konformement mal-metodi stabbiliti mir-Regolament Nru 1393/2007, dan jipprovdi, b’mod eżawrjenti, metodi ta’ trażmissjoni differenti li japplikaw għan-notifika jew għall-komunikazzjoni tal-atti extraġudizzjarji abbażi tal-Artikolu 16 tiegħu. Madankollu, dan l-istess regolament ma stabbilixxiex ġerarkija bejn id-diversi metodi ta’ trażmissjoni li stabbilixxa. Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni rapida tat-trażmissjoni transkonfinali tal-atti kkonċernati, dan ir-regolament ma jikkonferixxi la lill-aġenziji li jibagħtu jew lill-aġenziji li jirċievu, la lill-aġenti diplomatiċi jew konsulari, la lill-uffiċjali pubbliċi, uffiċjali jew persuni kompetenti oħra tal-Istat li jirċievi, l-oneru li jivverifikaw l-opportunità jew ir-rilevanza tar-raġunijiet għalfejn rikorrent wettaq in-notifika ta’ att permezz tal-metodi ta’ trażmissjoni stabbiliti. Minn dan jirriżulta li fil-qasam tan-notifika ta’ att extraġudizzjarju, huwa mixtieq li r-rikorrent mhux biss jagħżel metodu ta’ notifika wieħed jew ieħor ta’ trażmissjoni stabbilit mir-Regolament Nru 1393/2007, iżda wkoll li jirrikorri, fl-istess ħin jew suċċessivament, għal tnejn jew iktar mill-metodi li huwa jqis, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, li huma l-iktar opportuni jew l-iktar xierqa.

      (ara l-punti 49, 51, 52, 54, 57-59, 61 u d-dispożittiv 2)

    4.  L-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1393/2007 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li meta jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, ma jkunx hemm lok għalfejn jiġi vverifikat, każ b’każ, li n-notifika jew il-komunikazzjoni ta’ att extraġudizzjarju għandhiex impatt transkonfinali u hija neċessarja għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

      Fil-fatt, f’dak li jikkonċerna, l-ewwel nett, l-impatt transkonfinali, ir-Regolament Nru 1393/2007 huwa miżura li, skont l-Artikoli 61(ċ) KE u 65 KE, jifforma parti mill-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili li għandu preċiżament tali impatt.

      B’hekk, l-Artikolu 1(1) tar-Regolament imsemmi jipprovdi espressament li, mingħajr preġudizzju għas-setturi esklużi, dan japplika fil-qasam ċivili u kummerċjali meta att ġudizzjarju jew extraġudizzjarju għandu jiġi trażmess “minn Stat Membru għal ieħor” biex jiġi nnotifikat hemm.

      Minħabba dan, peress li l-impatt transkonfinali tat-trażmissjoni ta’ att ġudizzjarju jew extraġudizzjarji jikkostitwixxi kundizzjoni oġġettiva għall-applikabbiltà tar-regolament Nru 1393/2007, dan għandu jitqies li huwa neċessarjament dejjem issodisfatt meta n-notifika ta’ tali att tkun tidħol fil-kamp ta’ applikabbiltà ta’ dan ir-regolament, u b’hekk għandha titwettaq konformement mas-sistema stabbilita minnu.

      Fir-rigward, it-tieni nett, tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern, huwa stabbilit li dan jikkostitwixxi, hekk kif jirriżulta mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 1393/2007, l-għan prinċipali tal-mekkaniżmu ta’ notifika stabbilit minn dan tal-aħħar.

      F’dan il-kuntest, peress li l-metodi kollha ta’ trażmissjoni tal-atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji previsti mir-regolament imsemmi ġew espressament implementati biex jilħqu l-għan imsemmi, huwa leġittimu li jitqies li, ladarba jkunu issodisfatti l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawn il-metodi, in-notifika ta’ tali atti tikkontribwixxi neċessarjament għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

      (ara l-punti 63-67, 69 u d-dispożittiv 3)

    Top