Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0187

DSV Road

Kawża C‑187/14

Skatteministeriet

vs

DSV Road A/S

(talba għal deċiżjoni preliminari imressqa mill-Østre Landsret)

““Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kodiċi Doganali tal-Komunità — Regolament (KEE) Nru 2913/92 — Artikoli 203 u 204 — Regolament (KEE) Nru 2454/93 — Artikolu 859 — Proċedura ta’ tranżitu estern — Tnissil tad-dejn doganali — Tneħħija jew le mis-sorveljanza doganali — Nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ obbligu — Preżentazzjoni tardiva tal-merkanzija fl-uffiċċju doganali tad-destinazzjoni — Merkanzija li ġiet irrifjutata mid-destinatarju u rritornata mingħajr ma ġiet ippreżentata fl-uffiċċju doganali — Merkanzija mqiegħda għal darba oħra taħt proċedura ta’ tranżitu estern permezz ta’ dikjarazzjoni ġdida — Direttiva 2006/112/KE — Artikolu 168(e) — Tnaqqis tal-VAT fuq l-importazzjoni mit-trasportatur”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-25 ta’ Ġunju 2015

  1. Unjoni doganali — Tnissil ta’ dejn doganali fuq l-importazzjoni wara t-tneħħija mis-sorveljanza doganali ta’ merkanzija li fuqha huma dovuti dazji fuq l-importazzjoni taħt ħażna doganali — Portata — Merkanzija li ġiet irrifjutata mid-destinatarju u rritornata mingħajr ma ġiet ippreżentata fl-uffiċċju doganali — L-istess merkanzija mqiegħda għal darba oħra taħt proċedura ta’ tranżitu estern permezz ta’ dikjarazzjoni ġdida — Assenza ta’ tnissil ta’ dejn doganali — Identità tal-imsemmija merkanzija mhux stabbilita taħt proċeduri ta’ tranżitu — Tnissil tal-imsemmi dejn

    (Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament Nru 1791/2006, Artikoli 92(2), 96(1)(a), u 203)

  2. Unjoni doganali — Tnissil ta’ dejn doganali wara nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ obbligu relatat mal-proċedura ta’ tranżitu estern — Portata — Merkanzija, li tqiegħdet taħt l-ewwel proċedura ta’ tranżitu estern, ippreżentata tard fl-uffiċċju doganali tal-post tad-destinazzjoni tagħha taħt it-tieni proċedura ta’ tranżitu — Tnissil ta’ dejn doganali — Eċċezzjonijiet — Verifika li taqa’ fuq il-qorti nazzjonali

    (Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament Nru 1791/2006, Artikolu 204; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2454/93, kif emendat bir-Regolament Nru 214/2007, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 356, u it-tieni inċiż tal-Artikolu 859 u l-punti (2)(a) u(ċ) tat-tieni inċiż tal-Artikolu 859)

  3. Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa — Oriġini u skop tad-dritt ta’ tnaqqis — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrifjuta d-dritt għal tnaqqis tal-imsemmija taxxa lit-trasportatur li la huwa l-importatur u lanqas il-proprjetarju tal-merkanzija kkonċernata iżda li sempliċement ittrasporta u ħa ħsieb il-formalitajiet doganali fil-kuntest tal-attività tiegħu ta’ trasportatur tal-merkanzija suġġetta għal din it-taxxa — Ammissibbiltà

    (Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikolu 168(e))

  1.  L-Artikolu 203 tar-Regolament Nru 2913/92, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament Nru 1791/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li dejn doganali ma jitnissilx fuq il-bażi tas-sempliċi fatt li l-merkanzija mqiegħda taħt proċedura ta’ tranżitu Komunitarju estern tittieħed lura fil-freeport tat-tluq, wara tentattiv ta’ kunsinna mingħajr suċċess, mingħajr la tkun ġiet ippreżentata fl-uffiċċju doganali tal-post tad-destinazzjoni u lanqas fl-uffiċċju doganali tal-freeport, jekk jiġi stabbilit li din l-istess merkanzija ġiet sussegwentement ittrasportata mill-ġdid lejn il-post tad-destinazzjoni tagħha taħt it-tieni proċedura ta’ tranżitu Komunitarju estern eżegwita b’mod regolari. Min-naħa l-oħra, fl-ipoteżi fejn l-identità tal-merkanzija ttrasportata taħt l-ewwel u t-tieni proċeduri ta’ tranżitu Komunitarju estern ma tistax tiġi stabbilita, jitnissel dejn doganali skont dan l-artikolu.

    Fil-fatt, fl-ipoteżi fejn l-identità tal-merkanzija ttrasportata taħt l-ewwel u t-tieni proċeduri ta’ tranżitu hija stabbilita, din il-merkanzija ġiet effettivament ippreżentata fl-uffiċċju doganali tal-post tad-destinazzjoni matul it-tieni kunsinna. L-ommissjoni li l-imsemmija merkanzija tiġi ppreżentata fl-uffiċċju doganali tal-post tad-destinazzjoni fil-kuntest tal-ewwel kunsinna tagħha u li tiġi ppreżentata fl-uffiċċju doganali tal-freeport tat-tluq wara r-ritorn tagħha, it-tqegħid ta’ din il-merkanzija taħt it-tieni proċedura ta’ tranżitu, kif ukoll it-tardività tal-preżentazzjoni tagħha fl-uffiċċju doganali tal-post tad-destinazzjoni ma humiex ċirkustanzi li huma biżżejjed, bħala tali, sabiex jikkostitwixxu tneħħija mis-sorveljanza doganali.

    Fil-kuntest ta’ proċedura ta’ tranżitu, is-sorveljanza doganali min-natura tagħha hija eżerċitata mill-bogħod. Hija tikkonċerna merkanzija li ma tinsabx f’post partikolari, iżda li hija ttrasportata minn post għal ieħor, mingħajr ma l-awtoritajiet doganali jkunu f’pożizzjoni li jivverifikaw il-pożizzjoni tagħha eżatta fi kwalunkwe mument tat-trasport. Din is-sorveljanza eżerċitata mill-bogħod ma hijiex ostakolata mis-sempliċi ommissjonijiet li l-merkanzija kkonċernata tiġi ppreżentata fl-uffiċċji doganali tal-post tad-destinazzjoni jew ta’ freeport, jekk il-kundizzjonijiet l-oħra kollha marbuta mal-proċedura ta’ tranżitu huma ssodisfatti. Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, il-merkanzija kkonċernata hija, minkejja dawn l-ommissjonijiet, xorta ttrasportata taħt proċedura ta’ tranżitu awtorizzata u akkompanjata mid-dokumenti ta’ tranżitu korrispondenti, b’tali mod li l‑awtoritajiet doganali dejjem jibqgħu f’pożizzjoni li jkollhom aċċess għal din il-merkanzija u li jikkontrollawha.

    Min-naħa l-oħra, fl-ipoteżi fejn l-identità tal-merkanzija ttrasportata taħt l-ewwel u t-tieni proċeduri ta’ tranżitu ma tistax tiġi stabbilita, il-kundizzjonijiet sabiex jitnissel dejn doganali abbażi tal-Artikolu 203(1) tal-Kodiċi Doganali huma ssodisfatti. Fil-fatt, f’din l-ipoteżi, ma huwiex stabbilit li l-merkanzija ġiet ippreżentata fl-uffiċċju doganali tal-post tad-destinazzjoni, kif jeżiġi l-Artikolu 96(1)(a) tal-Kodiċi Doganali. Issa, f’sitwazzjoni bħal din, l-awtorità doganali kompetenti hija prekluża milli tistabbilixxi, skont l-Artikolu 92(2) tal-Kodiċi Doganali, li l-proċedura ta’ tranżitu ntemmet b’mod korrett.

    (ara l-punti 26-29, 32 u d-dispożittiv 1)

  2.  L-Artikolu 204 tar-Regolament Nru 2913/92, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament Nru 1791/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 859 tar-Regolament Nru 2454/93, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament Nru 214/2007, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-preżentazzjoni tardiva fl-uffiċċju doganali tal-post tad-destinazzjoni u taħt it-tieni proċedura ta’ tranżitu Komunitarju estern tal-merkanzija mqiegħda taħt l-ewwel proċedura ta’ tranżitu Komunitarju estern tikkostitwixxi nuqqas ta’ eżekuzzjoni li jnissel dejn doganali, sakemm il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 356(3) jew fit-tieni inċiż tal-Artikolu 859 u fil-punt (2)(ċ) tat-tieni inċiż tal-Artikolu 859 ta’ dan ir-regolament ma jkunux issodisfatti, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 356(3) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni jipprovdi li, meta l-merkanzija tiġi ppreżentata fl-uffiċċju tad-destinazzjoni wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-uffiċċju tat-tluq u n-nuqqas ta’ konformità ma’ dan it-terminu jkun dovut għal ċirkustanzi ġġustifikati b’mod xieraq, b’mod li l-uffiċċju tad-destinazzjoni jkun issodisfatt, u ma jkunx attribwibbli għat-trasportatur jew il-prinċipal, dan tal-aħħar għandu jitqies li ssodisfa t-terminu stabbilit.

    Għal dak li jirrigwarda il-punt dwar jekk hijiex issodisfatta l-kundizzjoni negattiva prevista fl-Artikolu 204 tal-Kodiċi Doganali li teskludi t-tnissil ta’ dejn doganali skont dan l-artikolu meta in-nuqqasijiet ma għandhom ebda effett sinjifikanti fuq l-operazzjoni korretta tal-ħażna temporanja jew proċedura doganali kkonċernata, l-Artikolu 859 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni jelenka b’mod eżawrjenti s-sitwazzjonijiet li jistgħu jissodisfaw din il-kundizzjoni.

    Għal dak li jikkonċerna, l-ewwel nett, it-tielet inċiż u l-punt 2(a) tal-Artikolu 859 ta’ dan ir-Regolament ta’ Implementazzjoni, dawn id-dispożizzjonijiet jeżiġu li l-formalitajiet neċessarji kollha sabiex is-sitwazzjoni tal-merkanzija tiġi rregolarizzata jkunu tkomplew a posteriori u li l-merkanzija tkun effettivament ġiet ippreżentata intatta fl-uffiċċju tad-destinazzjoni. Fl-ipoteżi fejn l-identità tal-merkanzija ttrasportata taħt l-ewwel u t-tieni proċeduri ta’ tranżitu hija stabbilita u fejn din it-tieni proċedura ta’ tranżitu ġiet eżegwita b’mod regolari, l-imsemmija kundizzjonijiet huma ssodisfatti. It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 859(2)(ċ) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, dan jirrikjedi li meta ma jkunx ġie osservat it-terminu ffissat skont l-Artikolu 356 ta’ dan ir-regolament u meta ma jkunx japplika l-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu, il-merkanzija għandha, madankollu, tiġi ppreżentata fl-uffiċċju tad-destinazzjoni f’terminu raġonevoli. It-tielet nett, għal dak li jirrigwarda t-tieni inċiż tal-Artikolu 859 tal-istess regolament, li jimponi l-kundizzjoni li n-nuqqasijiet ikkunsidrati ma għandhomx jinvolvu negliġenza manifesta min-naħa tal-persuna kkonċernata, il-kunċett ta’ negliġenza manifesta għandu jiġi evalwat b’teħid inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, tal-kumplessità tad-dispożizzjonijiet li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tagħhom nisslet id-dejn doganali, tal-esperjenza professjonali u tad-diliġenza tal-operatur.

    (ara l-punti 39, 40, 42, 44-47 u d-dispożittiv 2)

  3.  L-Artikolu 168(e) tad-Direttiva 2006/112, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi t-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni li għaliha huwa responsabbli t-trasportatur li la huwa l-importatur u lanqas il-proprjetarju tal-merkanzija kkonċernata iżda li sempliċement ittrasporta u ħa ħsieb il-formalitajiet doganali fil-kuntest tal-attività tiegħu ta’ trasportatur tal-merkanzija suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud.

    Fil-fatt, peress li l-valur tal-merkanzija ttrasportata ma jagħmilx parti mill-ispejjeż li jikkostitwixxu l-prezzijiet imposti minn trasportatur li l-attività tiegħu hija limitata għat-trasport ta’ din il-merkanzija bil-ħlas, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 168(e) tad-Direttiva 2006/112 ma humiex issodisfatti.

    (ara l-punti 50, 51 u d-dispożittivi 3)

Top