Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0177

Regojo Dans

Kawża C‑177/14

María José Regojo Dans

vs

Consejo de Estado

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika soċjali — Direttiva 1999/70/KE — Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat bejn CES, UNICE u CEEP — Klawżoli 3 u 4 — Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni — Persunal ‘eventwali’ — Rifjut milli tingħata allowance ta’ anzjanità li tingħata kull tliet snin — Raġunijiet oġġettivi”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tad-9 ta’ Lulju 2015

  1. Politika soċjali – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Direttiva 1999/70 – Kunċett ta’ “ħaddiem għal żmien determinat” – Persunal awżiljarju – Inklużjoni

    (Direttiva tal‑Kunsill 1999/70, Anness, klawżola 3(1))

  2. Politika soċjali – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Direttiva 1999/70 – Għanijiet

    (Direttiva tal-Kunsill 1999/70, l-erbatax il-premessa u l-Anness, klawżoli 1(a) u 4)

  3. Politika soċjali – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Direttiva 1999/70 – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni tal-ħaddiema għal żmien determinat – Kundizzjonijiet ta’ impjieg – Kunċett – Allowance ta’ anzjanità – Inklużjoni

    (Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness, klawżola 4(1))

  4. Politika soċjali – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Direttiva 1999/70 – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni tal-ħaddiema għal żmien determinat – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-persunal awżiljarju, mingħajr raġunijiet oġġettivi, mid-dritt li jirċievi l-allowances ta’ anzjanità li jingħataw kull tliet snin mogħtija lill-uffiċjali stabbiliti, f’każ ta’ sitwazzjoni paragunabbli ta’ dawn iż-żewġ kategoriji ta’ ħaddiema – Inammissibbiltà – Verifika li taqa’ fuq il-qorti nazzjonali

    (Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness, klawżoli 3(2) u 4(1))

  5. Politika soċjali – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Direttiva 1999/70 – Raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw differenza fit-trattament – Kunċett – Kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni

    (Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness, klawżola 4(1))

  1.  Il-kunċett ta’ “ħaddiem għal żmien determinat”, fis-sens tal-klawżola 3(1) tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien fiss [żmien determinat], li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa applikat għal ħaddiem li jagħmel parti mill-persunal awżiljarju skont id-dritt nazzjonali.

    Fil-fatt, id-Direttiva 1999/70 u l-Ftehim qafas japplikaw għall-ħaddiema kollha li jipprovdu servizzi remunerati fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg għal żmien determinat li jorbtuhom mal-persuna li timpjegahom. L-unika ċirkustanza li ħaddiem ikollu l-istatus ta’ awżiljarju skont id-dritt nazzjonali jew li l-kuntratt tiegħu ta’ xogħol ikollu ċerti aspetti partikolari, bħal natura temporanja, il-ħatra jew ir-revoka ma tkunx suġġetta għal restrizzjonijiet jew inkella l-fatt li dan il-ħaddiem huwa mistenni li jwettaq funzjoni bbażata fuq il-fiduċja u parir speċjali, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward, taħt piena li tmur kontra l-effettività tad-Direttiva 1999/70 u dik tal-Ftehim qafas kif ukoll l-applikazzjoni uniformi tagħhom fl-Istati Membri, billi tirriżerva lil dawn tal-aħħar il-possibbiltà li meta jidhrilhom jeliminaw ċerti kategoriji ta’ persuni mill-protezzjoni pprovduta minn dawn l-istrumenti tal-Unjoni.

    (ara l-punti 33, 34, 37 u d-dispożittiv 1)

  2.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 40-42)

  3.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punt 43)

  4.  Il-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien fiss [żmien determinat], li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi, fl-assenza ta’ kull ġustifikazzjoni għal raġunijiet oġġettivi, il-persunal awżiljarju mid-dritt li jirċievi l-allowances ta’ anzjanità li jingħataw kull tliet snin mogħtija, b’mod partikolari, lill-uffiċjali stabbiliti, meta fir-rigward tal-għoti ta’ din l-allowance, dawn iż-żewġ kategoriji ta’ ħaddiema jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

    Fil-fatt, fir-rigward tal-allowances ta’ anzjanità li jingħataw kull tliet snin li jikkostitwixxu l-kundizzjonijiet tal-impjieg fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas, il-ħaddiema għal żmien determinat ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli minn dawk il-ħaddiema għal żmien indeterminat li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli, mingħajr ebda ġustifikazzjoni oġġettiva. Sabiex jiġi evalwat jekk il-ħaddiema jeżerċitawx xogħol identiku jew simili, fis-sens tal-Ftehim qafas, għandhom, b’mod konformi mal-klawżoli 3(2) u 4(1) ta’ dan tal-aħħar, jittieħdu inkunsiderazzjoni numru ta’ fatturi, bħan-natura tax-xogħol tagħhom, il-kwalifiki u l-kompetenzi tagħhom, il-kundizzjonijiet tat-taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol.

    (ara l-punti 44, 46, 62 u d-dispożittiv 2)

  5.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 54-57)

Top