This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62014CJ0103
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-12 ta’ Novembru 2015.
Bronius Jakutis u Kretingalės kooperatinė ŽŪB vs Nacionalinė mokėjimo agentūra prie Žemės ūkio ministerijos u Lietuvos valstybė.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Regolament (KE) Nru 73/2009 – Artikoli 7(1), 10(1), 121 u 132(2) – Atti li jimplementaw dan ir-regolament – Validità, fid-dawl tat-Trattat FUE, tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 kif ukoll tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ amministrazzjoni tajba – Modulazzjoni tal-pagamenti diretti mogħtija lill-bdiewa – Tnaqqis tal-ammonti – Livell tal-pagamenti diretti applikabbli fl-Istati Membri tal-Komunità Ewropea kif kienet ikkostitwita fit-30 ta’ April 2004 u fl-Istati Membri li ngħaqdu magħha fl-1 ta’ Mejju 2004 – Nuqqas ta’ pubblikazzjoni u ta’ motivazzjoni.
Kawża C-103/14.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-12 ta’ Novembru 2015.
Bronius Jakutis u Kretingalės kooperatinė ŽŪB vs Nacionalinė mokėjimo agentūra prie Žemės ūkio ministerijos u Lietuvos valstybė.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Regolament (KE) Nru 73/2009 – Artikoli 7(1), 10(1), 121 u 132(2) – Atti li jimplementaw dan ir-regolament – Validità, fid-dawl tat-Trattat FUE, tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 kif ukoll tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ amministrazzjoni tajba – Modulazzjoni tal-pagamenti diretti mogħtija lill-bdiewa – Tnaqqis tal-ammonti – Livell tal-pagamenti diretti applikabbli fl-Istati Membri tal-Komunità Ewropea kif kienet ikkostitwita fit-30 ta’ April 2004 u fl-Istati Membri li ngħaqdu magħha fl-1 ta’ Mejju 2004 – Nuqqas ta’ pubblikazzjoni u ta’ motivazzjoni.
Kawża C-103/14.
Court reports – general
Kawża C‑103/14
Bronius Jakutis u Kretingalės kooperatinė ŽŪB
vs
Nacionalinė mokėjimo agentūra prie Žemės ūkio ministerijos u Lietuvos valstybė
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vilniaus apygardos administracinis teismas)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Agrikoltura — Regolament (KE) Nru 73/2009 — Artikoli 7(1), 10(1), 121 u 132(2) — Atti li jimplementaw dan ir-regolament — Validità, fid-dawl tat-Trattat FUE, tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 kif ukoll tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ amministrazzjoni tajba — Modulazzjoni tal-pagamenti diretti mogħtija lill-bdiewa — Tnaqqis tal-ammonti — Livell tal-pagamenti diretti applikabbli fl-Istati Membri tal-Komunità Ewropea kif kienet ikkostitwita fit-30 ta’ April 2004 u fl-Istati Membri li ngħaqdu magħha fl-1 ta’ Mejju 2004 — Nuqqas ta’ pubblikazzjoni u ta’ motivazzjoni”
Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-12 ta’ Novembru 2015
Dritt tal-Unjoni Ewropea — Interpretazzjoni — Metodi — Interpretazzjoni letterali, sistematika u teleoloġika
(Regolament tal-Kunsill Nru 73/2009, Artikoli 10, 121 u 132(2))
Agrikoltura — Politika Agrikola Komuni — Skemi ta’ għajnuna diretta — Regoli komuni — Modulazzjoni tal-pagamenti diretti mogħtija lill-bdiewa fl-Istati Membri li ngħaqdu mal-Unjoni Ewropea fl-2004 — Tnaqqis tal-pagamenti diretti nazzjonali komplementari — Livelli tal-pagamenti diretti applikabbli fl-Istati Membri l-qodma u fl-Istati membri l-ġodda — Modalitajiet ta’ applikazzjoni
(Att ta’ Adeżjoni tal-2003; Regolament tal-Kunsill Nru 73/2009, Artikoli 7(1), 10(1), u 121)
Agrikoltura — Politika Agrikola Komuni — Skemi ta’ għajnuna diretta — Regoli komuni — Modulazzjoni tal-pagamenti diretti mogħtija lill-bdiewa fl-Istati Membri li ngħaqdu mal-Unjoni Ewropea fl-2004 — Tnaqqis tal-pagamenti diretti nazzjonali komplementari — Obbligu li l-Kummissjoni tosserva l-paralleliżmu bejn il‑modulazzjoni tal-pagamenti diretti u dik tal-pagamenti diretti nazzjonali komplementari — Portata
(Att ta’ Adeżjoni tal-2003, punt 27(b) tal-Kapitolu 6A tal-Anness II; Regolamenti tal-Kunsill Nru 1259/1999, Artikolu 1ċ, u Nru 73/2009, premessa 17 u Artikoli 7(1) u (2), 10(2), u 132(2) u (5) sa (8))
Dritt tal-Unjoni Ewropea — Interpretazzjoni — Testi plurilingwi — Interpretazzjoni uniformi — Diverġenzi bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi — Teħid inkunsiderazzjoni tal-istruttura ġenerali u tal-għan tal-leġiżlazzjoni
(Regolament tal-Kunsill Nru 1259/1999, Artikolu 1ċ(2))
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 52, 93)
L-Artikoli 7(1), 10(1) u 121 tar-Regolament Nru 73/2009, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kunċett ta’ “livell tal-pagamenti diretti applikabbli fl-Istati Membri li ma humiex Stati Membri ġodda” għandu jinftiehem fis-sens li l-imsemmi livell kien, għas-sena 2012, ekwivalenti għal 90 % tal-livell tat-totalità tal-pagamenti diretti u li l-kunċett ta’ “livell tal-pagamenti diretti fl-Istati Membri l-ġodda” għandu jinftiehem fis-sens li dan l-aħħar livell kien, għas-sena 2012, ekwivalenti għal dak tal-Istati tal-Komunità Ewropea kif kienet komposta fit-30 ta’ April 2004. Fil-fatt, ir-riferiment għal-livell tal-pagamenti diretti applikabbli fl-Istati Membri li ma humiex Stati Membri ġodda previst fl-Artikoli 10 u 121 tar-Regolament Nru 73/2009, iddaħħal fid-dritt tal-Unjoni permezz tal-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika tal-Estonja, tar-Repubblika ta’ Ċipru, tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika tal-Ungerija, tar-Repubblika ta’ Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika tas-Slovakkja bil-għan li jirregola l-introduzzjoni progressiva tal-pagamenti diretti fl-Istati Membri l-ġodda. F’dan ir-rigward, peress li r-rabta bejn il-livelli rispettivi tal-pagamenti diretti fiż-żewġ gruppi ta’ Stati Membri jirriżulta mill-imsemmi Att ta’ adeżjoni u, għaldaqstant, mid-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju, din għandha tiġi preżunta fl-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 73/2009 sa fejn dan jirrifletti d-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Anness II tal-imsemmi Att ta’ Adeżjoni.
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jintlaqa’ argument li huwa intiż li jikkontesta l-ekwivalenza, fis-sens tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 73/2009, tal-livelli tal-pagamenti diretti applikabbli, rispettivament, fl-Istati Membri li ma humiex Stati Membri ġodda u fl-Istati Membri l-ġodda minħabba l-fatt li l-effett tan-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-modulazzjoni għall-pagamenti diretti ta’ inqas minn EUR 5000 huwa li l-ammont tal-pagamenti diretti mħallsa, għas-sena 2012, fl-Istati Membri li ma humiex Stati Membri ġodda hija, minkejja l-modulazzjoni ta’ 10 %, effettivament ogħla mil-livell ta’ 90 % tat-totalità tal-pagamenti diretti, livell formalment milħuq fl-Istati Membri l-ġodda. Fil-fatt, peress li l-livell tal-pagamenti diretti applikabbli qabel il-modulazzjoni huwa ta’ 100 % indipendentement mill-ammonti effettivament imħallsa fid-diversi Stati Membri, il-modulazzjoni globali ta’ 10 %, prevista fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 73/2009, għandha titqies li hija tnaqqis fis-sens tal-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament, li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-ekwivalenza tal-livelli tal-pagamenti diretti applikabbli. Min-naħa l-oħra, teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti nominali ta’ dawn il-kalkoli jqajjem, minbarra l-kwistjoni tan-numru ta’ bdiewa li jirċievu inqas minn EUR 5000 rispettivament fl-Istati Membri li ma humiex Stati Membri ġodda u fl-Istati Membri l-ġodda, il-kwistjoni tad-differenza kunsiderevoli bejn l-ammonti tal-pagamenti diretti għal kull ettaru rispettivament imħallsa, u għalhekk jagħmilha impossibbli li jsir paragun assolut bejn il-livell ta’ pagamenti mħallsa f’dawn iż-żewġ gruppi ta’ Stati Membri. Issa, l-għażla tal-kriterju astratt tal-livell tal-pagamenti diretti applikabbli hija ta’ natura li tevita tali kunsiderazzjonijiet.
(ara l-punti 53, 59-63 u d-dispożittiv 1)
Fir-rigward tal-pagamenti diretti nazzjonali komplementari li jistgħu jingħataw fl-Istati Membri l-ġodda li ngħaqdu mal-Unjoni Ewropea fl-2004 fil-kuntest tal-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja, l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni, li għaliha huwa suġġett l-għoti tal-imsemmija pagamenti, abbażi tal-Artikolu 132(6) tar-Regolament Nru 73/2009, li jistabbilixxi regoli komuni għall-iskemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, tiddependi fuq eżami konkret u ddettaljat tal-pagamenti inkwistjoni, eżami li l-istadji tiegħu diġà jidhru fl-Artikolu 1ċ li kien ġie inserit fir-Regolament Nru 1259/1999, li jistabbilixxi regoli komuni għall-iskemi ta’ appoġġ dirett skont il-politika agrikola komuni, mill-punt 27(b) tal-Kapitolu 6A tal-Anness II tal-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea tal-imsemmija Stati Membri l-ġodda.
Fil-fatt, għalkemm kemm l-imsemmi Artikolu 1ċ kif ukoll l-Artikolu 132(2) tar-Regolament Nru 73/2009 jirrigwardaw, bħala prinċipju, l-Istati Membri l-ġodda kollha, mill-paragrafu 4 ta’ kull wieħed minn dawn l-artikoli jirriżulta li Stat Membru ġdid li japplika l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja jista’ jagħti l-appoġġ dirett nazzjonali komplementari skont il-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafi 5 sa 8 ta’ kull wieħed mill-imsemmija artikoli. Konformement mar-raġuni leġittima li, sa mis-sena 2012, l-skema ta’ modulazzjoni tiġi applikata fl-Istati Membri l-ġodda, inkluż, kif tissuġġerixxi l-premessa 17 tar-Regolament Nru 73/2009, fir-rigward tal-pagamenti diretti nazzjonali komplementari, il-mekkaniżmu ta’ tnaqqis tal-ammont kumulattiv tal-pagamenti diretti tal-Unjoni u tal‑pagamenti diretti nazzjonali komplementari għandu jiġi allineat ma’ dak tal-modulazzjoni tal-pagamenti diretti biss tal-Unjoni. Għalhekk, fir-rigward tal-imsemmi ammont kumulattiv, it-tnaqqis għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biss meta tkun applikabbli l-modulazzjoni għall-pagamenti diretti tal-Unjoni. Sa fejn, skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 73/2009, il-modulazzjoni ma hijiex applikabbli għall-pagamenti ta’ inqas minn EUR 300000, it-tnaqqis lanqas ma għandu jaffettwa l-pagamenti diretti nazzjonali komplementari.
F’dan ir-rigward, peress li l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 73/2009 ma huwiex applikabbli fl-Istati membri li ngħaqdu mal-Unjoni Ewropea fl-2004, huwa applikabbli biss l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament u, għaldaqstant, fir-rigward tal-ammonti ’l fuq minn EUR 300000 huwa applikabbli biss tnaqqis ta’ 4 punti perċentwali. Konsegwentement, deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma osservatx il-paralleliżmu bejn il-modulazzjoni tal-pagamenti diretti u dik tal-pagamenti diretti nazzjonali komplementari għandha tiġi ddikjarata invalida, sa fejn din imponiet l-applikazzjoni tal-modulazzjoni għas-sena 2012 fir-rigward tal-bdiewa li l-ammont totali tal-pagamenti diretti nazzjonali u tal-Unjoni mogħti lilhom huwa ta’ bejn EUR 5000 u EUR 300000.
(ara l-punti 81-87 u d-dispożittiv 2)
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punt 103)