Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0098

    Berlington Hungary et

    Kawża C‑98/14

    Berlington Hungary Tanácsadó és Szolgáltató kft et

    vs

    Magyar Állam

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Törvényszék)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Logħob tal-ażżard — Taxxi nazzjonali fuq l-operat ta’ kaxxi tal-logħob installati fis-swali tal-logħob — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-operat tal-kaxxi tal-logħob barra mill-każinós — Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi — Direttiva 98/34/KE — Obbligu li jiġu kkomunikati l-abbozzi ta’ regolamenti tekniċi lill-Kummissjoni — Responsabbiltà tal-Istat Membru għad-danni kkawżati minn leġiżlazzjoni li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni”

    Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-11 ta’ Ġunju 2015

    1. Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Limiti — Domanda magħmula fuq tilwima li qamet fi Stat Membru wieħed biss — Ġurisdizzjoni fid-dawl tal-possibbiltà li l-persuni li joriġinaw minn Stati Membri oħra jistgħu jiġu affettwati

      (Artikolu 267 TFUE)

    2. Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Logħob tal-ażżard — Leġiżlazzjoni nazzjonali li timmultiplika b’ħames darbiet l-ammont ta’ taxxa fissa fuq l-operat tal-kaxxi tal-logħob fis-swali tal-logħob u li tistabbilixxi taxxa proporzjonali fuq din l-attività — Assenza ta’ perijodu ta’ tranżizzjoni — Kundizzjonijiet — Verifika mill-qorti nazzjonali

      (Artikolu 56 TFUE)

    3. Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Logħob tal-ażżard — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-operat tal-kaxxi tal-logħob barra mill-każinós — Assenza ta’ perijodu ta’ tranżizzjoni u ta’ kumpens tal-operaturi ta’ swali tal-logħob

      (Artikolu 56 TFUE)

    4. Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet — Logħob tal-ażżard — Leġiżlazzjoni nazzjonali li timmultiplika b’ħames darbiet l-ammont ta’ taxxa fissa fuq l-operat tal-kaxxi tal-logħob fis-swali tal-logħob, li tistabbilixxi taxxa proporzjonali fuq din l-attività u li tipprojbixxi l-operat ta’ tali kaxxi barra mill-każinós — Assenza ta’ perijodu ta’ tranżizzjoni u ta’ kumpens — Ġustifikazzjoni relatata mal-interess ġenerali — Protezzjoni tal-konsumaturi kontra d-dipendenza fuq il-logħob — Ġlieda kontra l-attivitajiet kriminali u frawdolenti marbuta mal-logħob — Osservanza tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi — Evalwazzjoni globali mill-qorti nazzjonali

      (Artikolu 56 TFUE)

    5. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Proċedura ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni — Direttiva 98/34 — Regola teknika — Kunċett — Leġiżlazzjoni nazzjonali li timmultiplika b’ħames darbiet l-ammont ta’ taxxa fissa fuq l-operat tal-kaxxi tal-logħob fis-swali tal-logħob u li tistabbilixxi taxxa proporzjonali fuq din l-attività — Esklużjoni — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-operat tal-kaxxi tal-logħob barra mill-każinós — Inklużjoni

      (Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/34, kif emendata bid-Direttiva 2006/96, Artikolu 1, punt 11 u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1))

    6. Dritt tal-Unjoni Ewropea — Drittijiet mogħtija lill-individwi — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Ksur minn Stat Membru — Obbligu ta’ kumpens għad-dannu kkawżat lill-individwi — Kundizzjonijiet — Ksur suffiċjentement serju — Rabta kawżali bejn dan il-ksur u d-dannu — Verifika mill-qorti nazzjonali

      (Artikolu 56 TFUE)

    7. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Proċedura ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni — Direttiva 98/34 — Artikoli 8 u 9 — Drittijiet mogħtija lill-individwi — Assenza

      (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/34, kif emendata bid-Direttiva 2006/96, Artikoli 8 u 9)

    8. Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Limiti — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkonċerna qasam li jaqa’ fil-kompetenza tal-Istati Membri — Sitwazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

      (Artikolu 267 TFUE)

    1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punti 24-27)

    2.  Leġiżlazzjoni nazzjonali li, mingħajr ma tipprevedi perijodu ta’ tranżizzjoni, timmultiplika b’ħames darbiet l-ammont ta’ taxxa fissa fuq l-operat tal-kaxxi tal-logħob fis-swali tal-logħob u, barra minn hekk, tistabbilixxi taxxa proporzjonali fuq din l-istess attività, tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita bl-Artikolu 56 TFUE sa fejn din tkun ta’ natura li tipprojbixxi, li tfixkel jew li tirrendi inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ operat tal-kaxxi tal-logħob fis-swali tal-logħob, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

      (ara l-punt 42 u d- dispożittiv 1)

    3.  Leġiżlazzjoni nazzjonali li, mingħajr ma tipprevedi la perijodu ta’ tranżizzjoni u lanqas kumpens tal-operaturi ta’ swali tal-logħob, tipprojbixxi l-operat tal-kaxxi tal-logħob barra mill-każinós, tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantita mill-Artikolu 56 TFUE.

      (ara l-punt 52 u d-dispożittiv 2)

    4.  Ir-restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li jistgħu jirriżultaw minn leġiżlazzjonijiet nazzjonali li, mingħajr ma jipprevedu la perijodu ta’ tranżizzjoni u lanqas kumpens tal-operaturi ta’ swali tal-logħob, jimmultiplikaw b’ħames darbiet l-ammont ta’ taxxa fissa fuq l-operat tal-kaxxi tal-logħob fis-swali tal-logħob, jistabbilixxu taxxa proporzjonali fuq din l-istess attività u jipprojbixxu l-operat tal-kaxxi tal-logħob fis-swali tal-logħob, ma jistgħux ikunu ġġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali ħlief sa fejn il-qorti nazzjonali tikkonkludi, fi tmiem evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi tal-adozzjoni u l-implementazzjoni ta’ dawn il-leġiżlazzjonijiet:

      li huma qabelxejn effettivament ifittxu għanijiet relatati mal-protezzjoni tal-konsumaturi kontra d-dipendenza fuq il-logħob u l-ġlieda kontra l-attivitajiet kriminali u frawdolenti marbuta mal-logħob, bis-sempliċi ċirkustanza li restrizzjoni għall-attivitajiet ta’ logħob tal-ażżard tibbenefika b’mod anċillari, permezz ta’ żieda tad-dħul fiskali, lill-baġit tal-Istat Membru kkonċernat ma xxekkilx milli din ir-restrizzjoni tkun tista’ titqies li tfittex qabelxejn effettivament tali għanijiet;

      li huma jfittxu dawn l-istess oġġettivi b’mod koerenti u sistematiku; u

      li huma jissodisfaw ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipji ġenerali ta’ dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mill-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kif ukoll tad-dritt għall-proprjetà.

      (ara l-punt 92 u d-dispożittiv 3)

    5.  L-Artikolu 1(11) tad-Direttiva 98/34, li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika, kif emendata bid-Direttiva 2006/96, għandu jkun interpretat fis-sens li:

      id-dispożizzjonijiet ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li jimmultiplikaw b’ħames darbiet l-ammont ta’ taxxa fissa fuq l-operat tal-kaxxi tal-logħob fis-swali tal-logħob u li jistabbilixxu, barra minn hekk, taxxa proporzjonali fuq din l-istess attività, ma jikkostitwixxux “regolamenti tekniċi” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u li

      id-dispożizzjonijiet ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li jipprojbixxu l-operat tal-kaxxi tal-logħob barra mill-każinós jikkostitwixxu “regolamenti tekniċi” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, li l-abbozzi tagħhom għandhom ikunu s-suġġett tad-dikjarazzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva.

      (ara l-punt 100 u d-dispożittiv 4)

    6.  L-Artikolu 56 TFUE għandu l-għan li jagħti drittijiet lill-individwi b’tali mod li l-ksur tiegħu minn Stat Membru, inkluż minħabba l-attività leġiżlattiva tiegħu, iwassal għal dritt għall-individwi li jiksbu, min-naħa ta’ dan l-Istat Membru, il-kumpens għad-dannu sostnut minħabba dan il-ksur, sakemm l-imsemmi ksur ikun suffiċjentement serju u sakemm tkun teżisti rabta kawżali diretta bejn dan l-istess ksur u d-dannu sostnut, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

      (ara l-punt 106 u d-dispożittiv 5)

    7.  L-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 98/34, li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika, kif emendata bid-Direttiva 2006/96, ma għandhomx l-għan li jagħtu drittijiet lill-individwi, b’mod li l-ksur tagħhom minn Stat Membru ma jwassalx għal dritt għall-individwi li jiksbu, min-naħa ta’ dan l-Istat Membru, il-kumpens għad-dannu sostnut minħabba dan il-ksur abbażi tad-dritt tal-Unjoni.

      (ara l-punt 110 u d-dispożittiv 6)

    8.  Il-fatt li leġiżlazzjonijiet nazzjonali jikkonċernaw qasam li jaqa’ fil-kompetenza tal-Istati Membri ma jaffettwax ir-risposti li għandhom jingħataw għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

      Fil-fatt, l-Istati Membri jkunu marbuta li jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom b’rispett tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat, li japplikaw għas-sitwazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

      F’dawn il-kundizzjonijiet, il-ġustifikazzjonijiet imressqa minn Stat Membru insostenn ta’ restrizzjoni għall-imsemmija libertajiet għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-drittijiet fundamentali, anki meta din ir-restrizzjoni tkun tikkonċerna qasam li jaqa’ fil-kompetenza ta’ dan l-Istat Membru, peress li s-sitwazzjoni kkonċernata tkun taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

      (ara l-punti 112, 113, 115 u d-dispożittiv 7)

    Top