Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0012

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-3 ta’ Marzu 2016.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika ta’ Malta.
    Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Sigurtà soċjali – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Artikolu 46b – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikolu 54 – Pensjonijiet tax-xjuħija – Regoli antikumulu – Persuni li jibbenefikaw minn pensjoni tax-xjuħija taħt l-iskema nazzjonali u minn pensjoni tas-servizz pubbliku taħt l-iskema ta’ Stat Membru ieħor – Tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni tax-xjuħija.
    Kawża C-12/14.

    Court reports – general

    Kawża C‑12/14

    Il-Kummissjoni Ewropea

    vs

    Ir-Repubblika ta’ Malta

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Sigurtà soċjali — Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Artikolu 46b — Regolament (KE) Nru 883/2004 — Artikolu 54 — Pensjonijiet tax-xjuħija — Regoli antikumulu — Persuni li jibbenefikaw minn pensjoni tax-xjuħija taħt l-iskema nazzjonali u minn pensjoni tas-servizz pubbliku taħt l-iskema ta’ Stat Membru ieħor — Tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni tax-xjuħija”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-3 ta’ Marzu 2016

    1. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Dritt ta’ azzjoni tal-Kummissjoni – Eżerċizzju diskrezzjonali

      (Artikolu 258 TFUE)

    2. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Dritt ta’ azzjoni tal-Kummissjoni – Eżerċizzju li ma jiddependix fuq l-eżistenza ta’ interess speċifiku li wieħed jaġixxi – Suġġett tar-rikors li jikkorrispondi mas-suġġett tat-tilwima kif iddefinit fl-ittra ta’ intimazzjoni u fl-opinjoni motivata – Assenza ta’ użu ħażin ta’ poter

      (Artikolu 258 TFUE)

    3. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Suġġett tat-tilwima – Klassifikazzjoni, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, ta’ skema ta’ Stat Membru ieħor, intervenjent fil-proċedura – Ksur tad-drittijiet proċedurali ta’ dan l-aħħar Stat Membru – Assenza – Ammissibbiltà

      (Artikolu 258 TFUE)

    4. Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti – Leġiżlazzjoni tal-Unjoni – Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae – Indikazzjoni u assenza ta’ indikazzjoni ta’ liġi jew ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali minn Stat Membru fid-dikjarazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1408/71 u fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 883/2004 – Effetti – Obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tal-imsemmija dikjarazzjonijiet

      (Artikolu 4(3) TUE; Artikolu 259 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 883/2004, Artikoli 9(1), 71 u 72; Regolament tal-Kunsill Nru 1408/71, Artikoli 5, 80 u 81)

    1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punt 24)

    2.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punt 26)

    3.  L-ammissibbiltà ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra Stat Membru ma tistax tiġi kkontestata permezz tal-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha, fil-kuntest ta’ rikors, tippreċiża l-klassifikazzjoni, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, ta’ skema ta’ Stat Membru ieħor. Tali preċiżazzjoni lanqas ma hija ta’ natura li timplika ksur tad-drittijiet proċedurali ta’ dan l-aħħar Stat Membru, li huwa intervenjent fil-proċedura.

      (ara l-punt 27)

    4.  Mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, iddikjarat fl-Artikolu 4(3) TUE, jirriżulta li kull Stat Membru, għall-finijiet tad-dikjarazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1408/71, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, u fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 883/2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, għandu jwettaq eżami diliġenti tal-iskemi tas-sigurtà soċjali tiegħu stess u, jekk ikun il-każ, meta jikkonkludi dan l-eżami, għandu jiddikjarahom bħala skemi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti. Minn dan il-prinċipju jirriżulta wkoll li l-Istati Membri l-oħra huma intitolati li jistennew li l-Istat Membru kkonċernat ikkonforma ruħu ma’ dawn l-obbligi.

      B’hekk, dawn id-dikjarazzjonijiet joħolqu preżunzjoni li l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali ddikjarati skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1408/71 jew skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 883/2004 jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dawn ir-regolamenti u jorbtu, bħala prinċipju, lill-Istati Membri l-oħra. Mill-banda l-oħra, meta Stat Membru jkun astjena milli jiddikjara leġiżlazzjoni nazzjonali fil-kuntest ta’ dawn ir-regolamenti, l-Istati Membri l-oħra jistgħu, bħala prinċipju, jiddeduċu, minn din l-astensjoni, li din il-leġiżlazzjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-imsemmija regolamenti.

      Barra minn hekk, sakemm id-dikjarazzjonijiet magħmula minn Stat Membru ma jkunux ġew emendati jew irtirati, l-Istati Membri l-oħra għandhom joħduhom inkunsiderazzjoni. Huwa l-Istat Membru li jkun għamel id-dikjarazzjoni li għandu jevalwa mill-ġdid il-fondatezza tagħha u, jekk ikun il-każ, jemendaha meta Stat Membru ieħor jesprimi dubji fir-rigward tan-natura eżatta ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet.

      Madankollu, din il-konklużjoni ma timplikax li Stat Membru huwa mċaħħad minn kull possibbiltà li jirreaġixxi meta jkollu informazzjoni li tqajjem dubji dwar in-natura eżatta tad-dikjarazzjonijiet magħmula minn Stat Membru ieħor.

      Fl-ewwel lok, fil-każ li d-dikjarazzjoni tqajjem dubji u fil-każ li l-Istati Membri ma jaslux għal qbil b’mod partikolari dwar il-klassifikazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet jew tal-iskemi fil-kuntest tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti Nri 1408/71 u 883/2004, huma jistgħu jindirizzaw ruħhom lill-Kummissjoni Amministrattiva, imsemmija fl-Artikoli 80 u 81 tar-Regolament Nru 1408/71 kif ukoll fl-Artikoli 71 u 72 tar-Regolament Nru 883/2004. Fit-tieni lok, jekk din tal-aħħar ma jirnexxilhiex tikkonċilja l-pożizzjonijiet tal-Istati Membri dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli fil-każ ineżami, l-Istat Membru li jkollu dubju dwar in-natura eżatta ta’ dikjarazzjoni ta’ Stat Membru ieħor jista’, jekk ikun il-każ, jindirizza ruħu lill-Kummissjoni jew, bħala l-aħħar rimedju, jista’ jressaq proċedura fuq il-bażi tal-Artikolu 259 TFUE sabiex jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina, fil-kuntest ta’ tali rikors, il-kwistjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli.

      Għall-kuntrarju, la mill-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1408/71 u lanqas mill-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 883/2004 ma jirriżulta li l-Istati Membri, li ma jkunux dak li introduċa l-imsemmija liġi jew l-imsemmija leġiżlazzjoni iżda li ma jkunx iddikjarahom, għandhom id-dmir li jiddeterminaw huma stess jekk din il-liġi jew din il-leġiżlazzjoni għandhomx xorta waħda jitqiesu li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-regolamenti kkonċernati.

      (ara l-punti 37-41, 44)

    Top