This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62013TJ0670
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Awla tal-Appell) tal-24 ta’ Novembru 2015.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Luigi D'Agostino.
Appell – Appell inċidentali – Servizz pubbliku – Membru tal-persunal bil-kuntratt – Deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid – Dmir ta’ premura – Ksur tal-Artikolu 12a(2) tar-Regolament tal-Persunal – Obbligu ta’ motivazzjoni – Żnaturament tal-fajl.
Kawża T-670/13 P.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Awla tal-Appell) tal-24 ta’ Novembru 2015.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Luigi D'Agostino.
Appell – Appell inċidentali – Servizz pubbliku – Membru tal-persunal bil-kuntratt – Deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid – Dmir ta’ premura – Ksur tal-Artikolu 12a(2) tar-Regolament tal-Persunal – Obbligu ta’ motivazzjoni – Żnaturament tal-fajl.
Kawża T-670/13 P.
Court reports – Reports of Staff Cases
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)
24 ta’ Novembru 2015
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
Luigi D’Agostino
“Appell — Appell inċidentali — Servizz pubbliku — Membru tal-persunal bil-kuntratt — Deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid — Dmir ta’ premura — Ksur tal-Artikolu 12a(2) tar-Regolament tal-Persunal — Obbligu ta’ motivazzjoni — Żnaturament tal-fajl”
Suġġett:
Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tielet Awla) tat-23 ta’ Ottubru 2013, D’Agostino vs Il-Kummissjoni (F-93/12, ĠabraFP, EU:F:2013:155), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.
Deċiżjoni:
Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tielet Awla) tat-23 ta’ Ottubru 2013, D’Agostino vs Il-Kummissjoni (F-93/12), hija annullata sa fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku applika b’mod żbaljat id-dmir ta’ premura. Il-kumplament tal-appell prinċipali huwa miċħud. Is-sentenza D’Agostino vs Il-Kummissjoni hija annullata sa fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku naqas milli jiddeċiedi dwar l-ewwel parti tat-tieni motiv u żnaturah. Il-kumplament tal-appell inċidentali huwa miċħud. Il-kawża hija mibgħuta lura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. L-ispejjeż huma rriżervati.
Sommarju
Uffiċjali — Membri tal-persunal bil-kuntratt — Reklutaġġ — Tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni — Teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi tal-membru tal-persunal ikkonċernat u tas-servizz — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti
(Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra, Artikoli 2 u 3a)
Uffiċjali — Membri tal-persunal bil-kuntratt — Reklutaġġ — Tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat — Raġuni għan-nuqqas ta’ tiġdid — Oneru tal-prova
Uffiċjali — Fastidju psikoloġiku — Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat għal raġuni leġittima u li ma għandhiex x’taqsam mal-fastidju psikoloġiku — Assenza
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 12a(2))
Ir-raġunament żviluppat mill-Qorti Ġenerali għall-membri tal-persunal reklutati skont l-Artikolu 2 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra, jiġifieri l-membri tal-persunal temporanji, u fir-rigward tal-portata tad-dritt ta’ premura, huwa transponibbli, iktar u iktar, għal dawk impjegati fil-kuntest tal-Artikolu 3a tal-imsemmija skema, jiġifieri l-membri tal-persunal bil-kuntratt.
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-possibbiltà li jiġġedded kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju tikkostitwixxi sempliċi possibbiltà li tħalliet fid-diskrezzjoni tal-awtorità kompetenti, billi l-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħhom, skont il-funzjonijiet mogħtija lilhom, u fl-assenjazzjoni, fid-dawl ta’ dawn il-kompiti fdati lilhom, tal-persunal li jinsab għad-dispożizzjoni tagħhom, bil-kundizzjoni li din l-assenjazzjoni ssir fl-interess tas-servizz. Barra minn hekk, l-awtorità kompetenti għandha, meta hija tieħu deċiżjoni dwar is-sitwazzjoni ta’ impjegat, tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha, jiġifieri mhux biss l-interess tas-servizz, iżda wkoll, b’mod partikolari, dak tal-membru tal-persunal ikkonċernat. Dan, fil-fatt, jirriżulta mid-dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni, li jirrifletti l-ekwilibriju tad-drittijiet u tal-obbligi reċiproċi li r-Regolamenti tal-Persunal u, b’analoġija, il-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej ħolqu fir-relazzjonijiet bejn l-awtorità pubblika u l-membri tal-persunal tagħha. Fi kwalunkwe każ, meta wieħed jikkunsidra s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa mogħtija lill-istituzzjonijiet f’dan ir-rigward, l-istħarriġ tal-qorti huwa limitat għall-verifika tal-assenza ta’ żball manifest jew ta’ użu ħażin ta’ poter.
F’dan ir-rigward, il-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra ma jimponux lill-amministrazzjoni l-obbligu preliminari li tiġi eżaminata l-possibbiltà li jiġi assenzjat mill-ġdid membru tal-persunal temporanju la fl-ipoteżi ta’ xoljiment tal-kuntratt għal żmien determinat u lanqas fil-każ ta’ nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat.
Issa, għalkemm l-amministrazzjoni ma għandhiex l-obbligu preliminari li teżamina l-possibbiltà li tassenja mill-ġdid il-membri tal-persunal temporanji impjegati sabiex jokkupaw impjieg li jaqa’ fit-tabella tal-impjegati, ma jistax ikun mod ieħor fir-rigward tal-membri tal-persunal bil-kuntratt, li ma humiex assenjati għal impjieg previst fl-imsemmija tabella. Min-naħa l-oħra, anki għal din il-kategorija ta’ membri tal-persunal, minkejja li ma jokkupawx impjieg kopert minn din it-tabella, l-amministrazzjoni għandha, meta tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni ta’ membru tal-persunal, tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li huma suxxettibbli li jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha, jiġifieri mhux biss l-interess tas-servizz, iżda wkoll, b’mod partikolari, dak tal-membru tal-persunal ikkonċernat.
(ara l-punti 32 sa 34)
Referenza:Il-Qorti tal-Ġustizzja: 29 ta’ Ġunju 1994, Klinke vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, C‑298/93 P, Ġabra, EU:C:1994:273, punt 38
Il-Qorti Ġenerali: sentenzi tat-18 ta’ April 1996, Kyrpitsis vs CES, T‑13/95, ĠabraFP,EU:T:1996:50, punt 52; tal-15 ta’ Ottubru 2008, Potamianos vs Il-Kummissjoni, T‑160/04, ĠabraFP,EU:T:2008:438, punt 30; tat-8 ta’ Settembru 2009, ETF vs Landgren, T‑404/06 P, Ġabra, EU:T:2009:313, punt 162 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal-4 ta’ Diċembru 2013, ETF vs Schuerings, T‑107/11 P, ĠabraFP, EU:T:2013:624, punt 98; tal-4 ta’ Diċembru 2013, ETF vs Michel, T‑108/11 P, ĠabraFP,EU:T:2013:625, punt 99, u tal-21 ta’ Mejju 2014, Il-Kummissjoni vs Macchia, T‑368/12 P, ĠabraFP, EU:T:2014:266, punt 57
Hija l-parti li ssostni li deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat hija bbażata fuq raġunijiet differenti minn dawk indikati mill-amministrazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata li għandha tipprova li dan huwa l-każ.
(ara l-punt 66)
Referenza:Il-Qorti Ġenerali: Digriet tat-13 ta’ Jannar 2014, Lebedef vs Il-Kummissjoni, T‑116/13 P u T‑117/13 P, ĠabraFP, EU:T:2014:21, punt 41
L-Artikolu 12a(2) tar-Regolamenti tal-Persunal li abbażi tiegħu l-uffiċjal vittma ta’ fastidu psikoloġiku jew sesswali ma jbati l-ebda dannu min-naħa tal-istituzzjoni u li l-uffiċjal li jipprovdi provi ta’ fastidju psikoloġiku jew sesswali ma jsofri l-ebda dannu min-naħa tal-istituzzjoni, sakemm ikun aġixxa in bona fide, ma jipprekludix l-amministrazzjoni milli ttemm, għal raġuni leġittima u li ma għandhiex x’taqsam mal-fastidju, relazzjoni kuntrattwali.
(ara l-punti 59 u 60)