Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013TJ0402

    Orange vs Il-Kummissjoni

    Kawża T‑402/13

    Orange

    vs

    Il‑Kummissjoni Ewropea

    “Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni li tordna spezzjoni — Proporzjonalità — Natura xierqa — Neċessità — Assenza ta’ natura arbitrarja — Motivazzjoni”

    Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tal-25 ta’ Novembru 2014

    1. Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Setgħa ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni – Użu ta’ deċiżjoni ta’ spezzjoni – Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni – Limiti – Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

      (Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 20(4))

    2. Kompetizzjoni – Tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni – Deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni li taċċetta l-impennji jew li tikkonstata l-assenza ta’ neċessità ta’ intervent – Assenza ta’ effett fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem

      (Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 5)

    3. Kompetizzjoni – Tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni – Notifika ta’ abbozz ta’ deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni – Obbligu tal-Kummissjoni li tneħħi l-kompetenza tal-imsemmija awtorità – Assenza – Assenza ta’ effett fuq il-possibbiltà li l-Kummissjoni tiftaħ sussegwentement l-investigazzjoni tagħha stess

      (Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 11(4) u (6))

    4. Proċedura ġudizzjarja – Tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża – Kundizzjonijiet – Estensjoni ta’ motiv eżistenti – Ammissibbiltà

      (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 44(1)(ċ) u 48(2))

    5. Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Rispett tad-drittijiet tad-difiża – Possibbiltà għall-impriża kkonċernata li tinvoka b’mod sħiħ l-imsemmija drittijiet biss wara li tintbagħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet – Obbligu tal-Kummissjoni li tinforma lill-impriża dwar is-suġġett u l-għan tal-investigazzjoni fl-istadju tal-ewwel miżura meħuda fir-rigward tagħha

      (Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003)

    6. Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Setgħa ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni – Deċiżjoni li tordna spezzjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata – Indikazzjoni ċara tal-indizji serji li jippermettu li jiġi ssuspettat ksur – Stħarriġ ġudizzjarju – Obbligu tal-Qorti Ġenerali li tivverifika materjalment il-kontenut tal-imsemmija indizji – Kundizzjonijiet

      (Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 20(4))

    1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punti 22-24, 53, 68, 72)

    2.  Ċertament, il-prinċipju ta’ ne bis in idem għandu jiġi osservat fil-proċeduri intiżi għall-impożizzjoni ta’ multi li jaqgħu taħt id-dritt tal-kompetizzjoni. Dan il-prinċipju jipprekludi, fil-qasam tal-kompetizzjoni, li impriża tiġi kkundannata jew imħarrka darba oħra minħabba aġir antikompetittiv li abbażi tiegħu ġiet issanzjonata jew li fir-rigward tiegħu ġiet iddikjarata li ma hijiex responsabbli b’deċiżjoni preċedenti li ma tistax tiġi appellata.

      Madankollu, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri ma humiex awtorizzati jieħdu deċiżjonijiet li permezz tagħhom jiddikjaraw impriża bħala mhux responsabbli għall-ksur tal-Artikoli 101 TFUE jew 102 TFUE, jiġifieri li jikkonstataw l-assenza ta’ ksur tal-imsemmi artikolu, peress li jirriżulta kemm mill-formulazzjoni, mill-istruttura tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll mill-għan imfittex minn dan tal-aħħar, li l-konstatazzjonijiet tal-assenza ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE jew tal-Artikolu 102 TFUE huma rriżervati għall-Kummissjoni, minkejja l-fatt li dan l-artikolu huwa applikat fi proċedura mibdija minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni “negattiva” fuq il-mertu minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tista’ tippreġudika l-applikazzjoni uniformi tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 102 TFUE, li hija waħda mill-għanijiet tar-Regolament Nru 1/2003 enfasizzata permezz tal-ewwel premessa tiegħu, peress li tista’ tfixkel lill-Kummissjoni milli tikkonstata sussegwentement li l-prattika inkwistjoni tikkostitwixxi ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, meta awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003, taċċetta impenji jew tikkonstata li ma hemmx lok li tintervjeni, hija ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li ħadet deċiżjoni li tikkonkludi li ma kienx hemm ksur tal-Artikoli 101 TFUE jew 102 TFUE. Għalhekk, impriża ma tistax effettivament tinvoka d-deċiżjoni adottata minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni fir-rigward tagħha għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ne bis in idem.

      (ara l-punt 29-31)

    3.  Fil-qasam tal-kompetizzjoni, minkejja l-wasla għand il-Kummissjoni tal-abbozzi ta’ deċiżjonijiet, mingħand awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 1/2003 tista’ tkun l-okkażjoni għall-Kummissjoni sabiex teżerċita l-prerogattiva u s-setgħa diskrezzjonali li jagħtiha l-Artikolu 11(6) ta’ dan l-istess regolament li tneħħi l-kompetenza ta’ awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru sabiex tapplika l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE f’każ speċifiku, minn dan madankollu ma jirriżultax li, fl-ipoteżi fejn il-Kummissjoni ma taqbilx mal-evalwazzjoni rigward l-applikazzjoni tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE li hija esposta fl-abbozz tad-deċiżjoni nnotifikat mill-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru, jew fl-eventwalità fejn hija jkollha dubji f’dan ir-rigward, hija għandha neċessarjament l-obbligu li tiftaħ proċedura skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, u lanqas li l-assenza ta’ ftuħ ta’ proċedura twaqqafha milli tkun tista’ tipproċedi sussegwentement bl-investigazzjoni tagħha stess sabiex tasal għal riżultat differenti minn dak li tkun waslet għalih l-imsemmija awtorità tal-kompetizzjoni.

      Għalhekk, l-assenza ta’ intervent tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 ma tistax titqies bħala aċċettazzjoni tal-fondatezza tad-deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni fid-dawl tal-Artikolu 102 TFUE.

      (ara l-punti 35, 36, 39)

    4.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punti 45-47, 85, 86)

    5.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punti 77-81, 90)

    6.  Ir-rekwiżit ta’ protezzjoni kontra interventi arbitrarji u sproporzjonati tal-awtoritajiet pubbliċi fil-qasam tal-attivitajiet privati ta’ kwalunkwe persuna, kemm jekk fiżika jew ġuridika, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

      Issa, għall-finijiet li jiġi osservat dan il-prinċipju ġenerali, deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna spezzjoni, skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, għandu jkollha l-intenzjoni li tiġbor id-dokumentazzjoni neċessarja sabiex tivverifika r-realtà u l-portata ta’ sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ liġi partikolari li dwarha l-Kummissjoni diġà tipposjedi informazzjoni, li tikkostitwixxi indizji suffiċjentement serji li jippermettu li jiġi ssuspettat ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni mill-impriża kkonċernata.

      F’dan il-kuntest, l-istħarriġ tal-eżistenza ta’ indizji suffiċjentement serji, fil-pussess tal-Kummissjoni, li jippermettu li jiġi ssuspettat ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni ma huwiex l-uniku mezz li jippermetti lill-Qorti Ġenerali tiżgura l-assenza ta’ natura arbitrarja tal-imsemmija deċiżjoni. Fil-fatt, l-istħarriġ tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tippermetti wkoll lill-qorti tissalvagwardja l-osservanza tal-prinċipju ta’ protezzjoni kontra l-interventi arbitrarji u sproporzjonati, sa fejn l-imsemmija motivazzjoni tindika n-natura ġġustifikata tal-intervent previst fi ħdan l-impriżi kkonċernati.

      Għalhekk, fiċ-ċirkustanzi fejn il-Qorti Ġenerali tqis li l-preżunzjonijiet li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni tivverifika u l-elementi li għandhom ikunu s-suġġett tal-ispezzjoni huma ddefiniti bi preċiżjoni suffiċjenti fid-deċiżjoni tagħha li tordna spezzjoni, hija tista’ tiddeċiedi li kien hemm assenza ta’ natura arbitrarja fl-imsemmija deċiżjoni, mingħajr ma jkun neċessarju li tistħarreġ materjalment il-kontenut tal-indizji fil-pussess tal-Kummissjoni fid-data tal-adozzjoni tagħha.

      (ara l-punti 83, 84, 87, 89, 91)

    Top