This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62013TJ0107
Trentea vs FRA
Trentea vs FRA
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)
16 ta’ Jannar 2015
Kawża T‑107/13 P
Cornelia Trentea
vs
L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA)
“Appell – Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Reklutaġġ – Deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura u ta’ ħatra ta’ kandidat ieħor – Aggravju li tqajjem għall-ewwel darba fis-seduta – Żnaturament tal-provi – Obbligu ta’ motivazzjoni – Kontestazzjoni tal-kundanna għall-ispejjeż”
Suġġett : Appell ippreżentat mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tal-11 ta’ Diċembru 2012, Trentea vs FRA (F‑112/10, ĠabraSP, EU:F:2012:179), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.
Deċiżjoni : L-appell huwa miċħud. C. Trentea għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk sostnuti mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) fil-kuntest ta’ din l-istanza.
Sommarju
1. Proċedura ġudizzjarja – Tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża – Distinzjoni bejn il-motivi ta’ ordni pubbliku u l-oħrajn, bħal motivi fuq il-mertu – Rifjut ta’ motiv li ma jagħmilx parti mill-motivi ta’ ordni pubbliku
2. Appell – Aggravji – Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u tal-provi – Inammissibbiltà – Stħarriġ mill-Qorti Ġenerali tal-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi – Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament
(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11)
3. Appell – Aggravji – Insuffiċjenza ta’ motivazzjoni – Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali
4. Uffiċjali – Deċiżjoni li tikkawża preġudizzju – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata – Insuffiċjenza ta’ motivazzjoni – Regolarizzazzjoni matul il-proċedura kontenzjuża – Kundizzjonijiet
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 25)
5. Proċedura ġudizzjarja – Tul tal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku – Terminu raġonevoli
1. Fl-istadju tal-appell, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti skont liema t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kellu jiddiċiedi ex officio rigward l-assenza jew l-allegat ksur tar-rwol, fi ħdan il-kumitat ta’ għażla, ta’ membru maħtur mill-kumitat tal-persunal, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li tali motiv huwa motiv ta’ ordni pubbliku.
Barra minn hekk, fl-assenza tal-fatti kollha mdaħħala fil-proċess dwar dan il-punt, b’mod partikolari matul is-seduta, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta biżżejjed motivazzjoni għall-finijiet tal-liġi għas-sentenza tiegħu billi illimita ruħu josserva li tali motiv ma kienx jagħmel parti mill-motivi li l-qorti kellha tqajjem ex officio.
(ara l-punti 45 u 46)
Referenza:
Il-Qorti tal-Ġustizzja: Digriet tat-3 ta’ Ottubru 2013, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, C‑617/11 P, EU:C:2013:657, punt 22
2. L-evalwazzjoni tal-fatti mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma tikkostitwixxix, mingħajr preġudizzju għall-każ tal-iżnaturament tal-provi, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali. Tali żnaturament għandu jidher b’mod ċar mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun neċessarju li ssir evalwazzjoni mill-ġdid tal-fatti u tal-provi.
(ara l-punti 61 sa 63 u 69)
Referenza:
Il-Qorti Ġenerali: Digriet tat-12 ta’ Lulju 2007, Beau vs Il-Kummissjoni, T‑252/06 P, ĠabraSP, EU:T:2007:230, punti 45 sa 47, u l-ġurisprudenza ċċitata
3. Il-kwistjoni dwar il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tikkostitwixxi kwistjoni ta’ liġi li hija suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ appell kontra sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.
(ara l-punt 76)
Referenza:
Il-Qorti Ġenerali: Sentenza tat-2 ta’ Marzu 2010, Doktor vs Il-Kunsill, T‑248/08 P, ĠabraSP, EU:T:2010:57, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata
4. Huwa possibbli, l-ewwel nett, li insuffiċjenza – iżda mhux l-assenza totali – tal-motivazzjoni tiġi rrimedjata anki matul il-kawża meta, qabel il-preżentata tar-rikors tagħha, il-persuna kkonċernata jkollha diġà elementi li jikkostitwixxu bidu ta’ motivazzjoni, it-tieni nett, li deċiżjoni titqies bħala li hija motivata biżżejjed meta din ittieħdet f’kuntest magħruf mill-uffiċjal ikkonċernat li jippermettilu li jifhem il-portata tagħha u t-tielet nett, fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ deċiżjonijiet li jirrifjutaw promozzjoni jew applikazzjoni, li l-motivazzjoni tiġi kkompletata fil-kuntest tad-deċiżjoni li tiċħad ilment, sa fejn il-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni ta’ ċaħda hija kkunsidrata li tikkoinċidi mal-motivazzjoni tad-deċiżjoni li kontriha jkun tressaq l-ilment.
(ara l-punt 77)
Referenza:
Il-Qorti Ġenerali: Sentenza Doktor vs Il-Kunsill, punt 76 supra, EU:T:2010:57, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata
5. Tul ta’ kważi sentejn sabiex it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jagħti setenza ma jistax jitqies bħala irraġonevoli.
Fi kwalunkwe każ, it-tul eċċessiv ta’ proċedura ma jistax jwassal għall-annullament ta’ sentenza fl-assenza ta’ kull indikazzjoni li tindika li dan il-fatt kellu impatt fuq is-soluzzjoni tal-kawża.
(ara l-punti 84 u 85)
Referenza:
Il-Qorti tal-Ġustizzja:Digriet tas-26 ta’ Marzu 2009, EFKON vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑146/08 P, EU:C:2009:201, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata