Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013FJ0073

AX vs BĊE

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

17 ta’ Marzu 2015

AX

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

“Servizz pubbliku — Persunal tal-BĊE — Proċedura dixxiplinari — Sanzjoni dixxiplinari — Tkeċċija — Drittijiet tad-difiża — Aċċess għall-fajl dixxiplinari — Aċċess għal informazzjoni u dokumenti relatati ma’ dipartimenti oħra — Terminu raġonevoli — Legalità tal-kompożizzjoni tal-Bord Dixxiplinari — Rwol konsultattiv tal-Bord Dixxiplinari — Sanzjoni iktar ħarxa minn dik irrakkomandata — Obbligu ta’ motivazzjoni — Tmexxija ta’ dipartiment — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Proporzjonalità tas-sanzjoni — Ċirkustanzi attenwanti — Ċirkustanzi aggravanti — Eċċezzjoni ta’ illegalità”

Suġġett:

Rikors, ippreżentat abbażi tal-Artikolu 36 tal-Protokoll dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, anness mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE, li permezz tiegħu AX jitlob b’mod partikolari, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tad-Direttorat tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE, jew iktar ’il quddiem il-“Bank”), tat-28 ta’ Mejju 2013, li timponilhu s-sanzjoni dixxiplinari ta’ tkeċċija b’avviż tat-temm ta’ impjieg kif ukoll, min-naħa l-oħra, kumpens ta’ EUR 20 000 għad-dannu morali li huwa allegatament sofra.

Deċiżjoni:

Ir-rikors huwa miċħud. AX għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat għall-ispejjeż sostnuti mill-Bank Ċentrali Ewropew.

Sommarju

  1. Uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew – Sistema dixxiplinari – Proċedura dixxiplinari – Applikazzjoni b’analoġija tal-ġurisprudenza żviluppata fil-kuntest tar-Regolamenti tal-Persunal

    (Regolamenti tal-Persunal; Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-Persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 9(ċ))

  2. Uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew – Sistema dixxiplinari – Proċeduri dixxiplinari – Proċedura kontradittorja – Rispett tad-drittijiet tad-difiża – Komunikazzjoni tal-fajl lill-persuna kkonċernata – Portata – Limiti

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(b); (Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-Persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 45; Regoli applikabbli għall-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikoli 8.3.2 u 8.3.11)

  3. Uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew – Sistema dixxiplinari – Sanzjoni – Legalità – Assenza ta’ proċedura dixxiplinari kontra membru tal-persunal ieħor għal fatti analogi – Assenza ta’ effett

    (Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-Persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 45; Regoli applikabbli għall-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 8.3.17)

  4. Uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew – Sistema dixxiplinari – Proċeduri dixxiplinari – Rispett tad-drittijiet tad-difiża – Obbligu ta’ komunikazzjoni, lill-parsuna kkonċernata, ta’ rapport imfassal minn bord ta’ investigazzjoni qabel il-ftuħ tal-proċedura dixxiplinari u li ma jidhirx fil-fajl dixxiplinari – Assenza

    (Regoli applikabbli għall-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikoli 8.3.2 u 8.3.11; Ċirkolari Nru 1/2006 tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 6(14))

  5. Uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew – Sistema dixxiplinari – Proċeduri dixxiplinari – Bord Dixxiplinari – Kompożizzjoni – Direttur Ġenerali jew Assistent Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani – Ammissibbiltà

    (Regolamenti tal-Persunal, Anness IX, Taqsima 2; Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 36.2; Regoli applikabbli għall-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikoli 8.3.5 u 8.3.7)

  6. Uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew – Sistema dixxiplinari – Proċeduri dixxiplinari – Rispett tad-drittijiet tad-difiża – Prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza – Portata

    (Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-Persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 45; Regoli applikabbli għall-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 8.3.15)

  7. Uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew – Sistema dixxiplinari – Proċeduri dixxiplinari – Termini – Obbligu tal-amministrazzjoni li taġixxi f’terminu raġonevoli – Evalwazzjoni

    (Regoli applikabbli għall-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 8.3.2)

  8. Uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew – Sistema dixxiplinari – Sanzjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata

  9. Uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew – Sistema dixxiplinari – Sanzjoni – Setgħa diskrezzjonali tad-Direttorat – Limiti – Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

  10. Uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew – Drittijiet u obbligi – Obbligu ta’ lealtà – Portata – Revoka ta’ membru tal-persunal li jkun ikkawża ħsara irrimedjabbli għar-relazzjoni ta’ fiduċja li torbtu mal-Bank – Ammissibbiltà

    (Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-Persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikoli 4(a) u 44; Kodiċi ta’ Kondotta tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikoli 2, 2.2, 4.1, 4.2, u 5.1)

  11. Uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew – Sistema dixxiplinari – Sanzjoni – Ċirkustanza attenwanti – Evalwazzjoni fil-każ ta’ membru tal-persunal li jaqdi funzjonijiet maniġerjali

    (Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-Persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 45)

  12. Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet fundamentali – Libertà ta’ assoċjazzjoni – Portata – Obbligu ta’ negozjati kollettivi – Assenza

    (Artikolu 13 TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 28; Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 36.1)

  1.  Ladarba, skont l-Artikolu 9(ċ) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-prinċipji stabbiliti permezz tar-regolamenti, tar-regoli u tal-ġurisprudenza applikabbli għall-persunal tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tad-drittijiet u tal-obbligi previsti fl-imsemmija kundizzjonijiet tal-impjieg, il-qorti tal-Unjoni tista’, sa fejn ikun hemm ċerti analoġiji bejn il-proċedura dixxiplinari prevista fil-corpus leġiżlattiv applikabbli għall-membri tal-persunal tal-Bank u l-proċedura prevista fir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni, tapplika b’analoġija, jekk ikun meħtieġ, il-ġurisprudenza żviluppata b’rabta mal-proċedura dixxiplinari stabbilita fir-Regolamenti tal-Persunal.

    (ara l-punti 102 u 103)

  2.  Għalkemm id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew jipprevedu, favur il-membru tal-persunal li jkun is-suġġett ta’ proċedura dixxiplinari, aċċess, bħala prinċipju mingħajr restrizzjonijiet, għad-dokumenti tal-fajl dixxiplinari, inkluż id-dokumenti favurih, madankollu dawn ma jipprevedux li dan il-membru tal-persunal għandu jkollu aċċess mingħajr limiti għal kull informazzjoni u għal kull dokument li jkun jinsab fil-bini tal-Bank jew li jistgħu jiġu rikkostitwiti minn dokumenti eżistenti jew informazzjoni disponibbli f’dan il-bini. Fil-fatt, fir-rigward ta’ din l-aħħar tip ta’ informazzjoni jew dokumenti rikostitwiti, li ma humiex meqjusa, bħala prinċipju, bħala li jiffurmaw parti integrali mill-fajl dixxiplinari, ir-regoli applikabbli għall-persunal ma jipprevedux li dawn għandhom jiġu kkomunikati ex offiċio lill-persuna kkonċernata.

    Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl dixxiplinari, previst fil-corpus leġiżlattiv applikabbli għal persunal tal-Bank, jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti kemm fid-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari fl-Artikolu 41(2)(B) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll fil-ġurisprudenza tal-Unjoni fil-qasam ta’ proċedura dixxiplinari. Fil-fatt, in-natura kontradittorja ta’ proċedura dixxiplinari, bħal dik li tiżvolġi quddiem il-Bord Dixxiplinari tal-Bank, u d-drittijiet tad-difiża f’tali proċedura ċertament jeżiġu li l-persuna kkonċernata u, eventwalment, l-avukat tagħha jkunu jistgħu jieħdu konjizzjoni tal-punti kollha ta’ fatt li fuqhom ġiet ibbażata d-deċiżjoni dixxiplinari, u dan f’ħin xieraq sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Għalhekk, l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża teżiġi li l-parti kkonċernata titpoġġa f’pożizzjoni li tesponi b’mod effettiv l-opinjoni tagħha dwar ir-rilevanza tal-fatti, iżda wkoll li hija tkun tista’ tiħu pożizzjoni, minn tal-inqas, fuq id-dokumenti użati mill-istituzzjoni tal-Unjoni u li jiżvelaw fatti importanti għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tagħha. Madankollu, ir-rekwiżit ta’ aċċess tal-persuna interessata għad-dokumenti li jikkonċernawha għandu japplika biss għad-dokumenti użati fil-proċedura dixxiplinari u/jew fid-deċiżjoni finali tal-amministrazzjoni. Konsegwentement, għall-finijiet tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, l-amministrazzjoni ma hijiex neċessarjament obbligata li tipporvdi dokumenti oħra.

    F’dan ir-rigward, la huwa r-rwol tal-Bank u lanqas tal-Bord Dixxiplinari li jiddeċiedu fuq ir-rilevanza jew l-interess li ċerti dokumenti jista’ jkollhom għad-difiża ta’ membru tal-persunal peress li ma jistax jiġi eskluż li d-dokumenti meqjusa irrilevanti mill-Bank jew mill-Bord Dixxiplinari jistgħu jkunu ta’ interess għall-imsemmi membru. Għaldaqstant, la l-Bank u lanqas il-Bord Dixxiplinari ma jistgħu jeskludu unilateralment mill-proċedura amministrattiva dokumenti li jistgħu jintużaw favur il-persuna kkonċernata.

    (ara l-punti 114, 115 u 120)

    Referenza:

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza ICI vs Il-Kummissjoni, T‑36/91, EU:T:1995:118, punt 93; N vs Il-Kummissjoni, T‑273/94, EU:T:1997:71, punt 89; Eyckeler & Malt vs Il-Kummissjoni, T‑42/96, EU:T:1998:40, punt 81, u Kaufring et vs Il-Kummissjoni, T‑186/97, T‑187/97, T‑190/97 sa T‑192/97, T‑210/97, T‑211/97, T‑216/97 sa T‑218/97, T‑279/97, T‑280/97, T‑293/97 u T‑147/99, EU:T:2001:133, punti 179 u 185

  3.  Ir-responsabbiltà ta’ membru tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew li kontra tiegħu nfetħet proċedura dixxiplinari għandha tkun is-suġġett ta’ eżami individwali u awtonomu, jiġifieri indipendentement mill-eventwali legalità jew illegalità tad-deċiżjoni jew tal-assenza ta’ deċiżjoni adottata kontra membri oħra tal-persunal. Għalhekk, membru tal-persunal ma jistax b’mod effettiv jinvoka l-fatt li ebda proċedura dixxiplinari ma nbdiet kontra membru jew diversi membri oħra tal-persunal, għal fatti analogi għal dawk li huwa ġie akkużat bihom, sabiex jikkontesta s-sanzjoni imposta fuqu stess.

    (ara l-punti 123 u 228)

    Referenza:

    Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenzi Williams vs Il-Qorti tal-Awdituri, 134/84, EU:C:1985:297, punt 14, u de Compte vs Il-Parlament, C‑326/91 P, EU:C:1994:218, punt 52

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza: senenza de Compte vs Il-Parlament, T‑26/89, EU:T:1991:54, punt 170

  4.  Ir-rapport ta’ attivitajiet ta’ bord ta’ investigazzjoni mfassal mid-Direttorat tal-Bank Ċentrali Ewropew wara d-denunċji ta’ whistleblower li kien inizjalment żvela lill-amministrazzjoni ċerti disfunzjonamenti fi ħdan diviżjoni tal-istituzzjoni ma jistax jitqies rapport li ġie approvat mill-Bank, b’kuntrast mar-rapport dixxiplinari previst fl-Artikolu 8.3.2 tar-Regoli applikabbli għall-persunal, jew jitqies li jikkostitwixxi rapport motivat fis-sens tal-Artikolu 6(14) taċ-Ċirkolari Nru 1/2006 li tistabbilixxi r-regoli li jirregolaw l-investigazzjonijiet amministrattivi fi ħdan il-Bank.

    Fil-fatt, fid-dawl kemm tan-natura preliminari tal-konstatazzjonijiet u tal-konklużjonijiet li jistgħu potenzjalment jidhru fir-rapport ta’ attivitajiet tal-Bord, kif ukoll tal-interess leġittimu li l-whistleblower jibqa’ anonimu, dan ir-rapport għandu l-karatterisitiċi ta’ nota preparatorja, mfassla qabel il-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari. Għaldaqstant, inkwantu dokument intern, din in-nota preparatorja ma tiffurmax parti mill-fajl dixxiplinari u, skont ir-regoli applikabbli għall-persunal tal-Bank, il-komunikazzjoni tagħha lil membru tal-persunal li huwa s-suġġett ta’ proċedura dixxiplinari ma hijiex neċessarja sabiex jiġu mħarsa d-drittijiet tad-difiża tiegħu.

    Għalhekk, il-Bord Dixxiplinari ma jkunx qiegħed jeżerċità b’mod żbaljat is-setgħa diskrezzjonali tiegħu f’dan il-qasam meta jqis li, sa fejn il-fajl dixxiplinari fih biżżejjed elementi kemm dwar il-fatti allegati kontra l-persuna kkonċernata kif ukoll insostenn tal-argumenti favurih, l-integrazzjoni ta’ dan id-dokument li jinkludi l-evalwazzjonijiet provviżorji tal-Bord ma tikkontribwixxi ebda valur miżjud u ttawwal indebitament il-proċedura. Barra minn hekk, ma jistax jitqies li, peress li l-Bord Dixxiplinari aċċetta li jitlob l-imsemmi rapport lill-Bank u li jeżaminah sabiex ikun jista’ jwieġeb talba għal aċċess immressqa mill-persuna kkonċernata, l-imsemmi rapport għalhekk sar element kostituttiv tal-fajl dixxiplinari u li l-Bord Dixxiplinari neċessarjament ibbaża ruħu fuq l-imsemmi rapport biex jadotta l-opinjoni tiegħu.

    F’kull każ, għalkemm l-amministrazzjoni hija obbligata li tikkomunika, lil persuna kkonċernata minn proċedura dixxiplinari, id-dokumenti li fuqhom hija tibbaża ruħha espliċitament biex tadotta deċiżjoni li tikkawża preġudizzju u li, fir-rigward tal-Bank, dan huwa obbligat, skont l-Artikolu 8.3.11 tar-Regoli applikabbli għall-persunal, li jippermetti li din il-persuna tieħu kopja tad-dokumenti kollha tal-proċedura, inklużi ta’ dawk li huma ta’ natura li jiskaġunawha, in-nuqqas ta’ żvelar ta’ ċerti dokumenti jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni dixxiplinari biss jekk l-ilmenti magħmula setgħu jiġu pprovati biss b’riferiment għall-imsemmija dokumenti u li, fi kliem ieħor, in-nuqqas ta’ żvelar tad-dokumenti indikati mill-persuna kkonċernata influwenza, bi preġudizzju għal din tal-aħħar, l-iżvolġiment tal-proċedura dixxiplinari u l-kontenut tad-deċiżjoni dixxiplinari.

    (ara l-punti 135 sa 139)

    Referenza:

    Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenzi R. vs Il-Kummissjoni, 255/83 u 256/83, EU:C:1985:324, punt 24, u Tzoanos vs Il-Kummissjoni, C‑191/98 P, EU:C:1999:565, punti 34 u 35

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza : sentenzi Y vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑500/93, EU:T:1996:94, punt 45 ; N vs Il-Kummissjoni, EU:T:1997:71, punt 92, u E vs Il‑Kummissjoni, T‑24/98 u T‑241/99, EU:T:2001:175, punti 92 u 93

  5.  Il-Bank Ċentrali Ewropew jista’, fil-kuntest tal-awtonomija istituzzjonali tiegħu, jipprevedi sistema dixxiplinari li tinkludi Bord Dixxiplinari li r-regoli ta’ il-kompożizzjoni tiegħu jkunu differenti, anki kunsiderevolament, minn dawk previsti fit-Taqsima 2 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal f’dak li jirrigwarda l-Bord tad-Dixxiplina previst għall-uffiċjali u l-membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, anki jekk fl-Artikolu 8.3.5 tar-Regoli applikabbli għall-persunal tal-Bank ma huwiex previst l-istess bilanċ bejn il-membri maħtura mill-amministrazzjoni u dawk maħtura mir-rappreżentanti tal-persunal, bħal dak previst fir-Regolamenti tal-Persunal, f’kuntest mhux irregolat minn regolamenti tal-persunal, hemm biżżejjed garanziji sabiex l-opinjoni li l-Bord Dixxiplinari għandu jfassal u jadotta għad-Direttorat tkun imparzjalità u oġġettiva: l-ewwel nett il-kompożizzjoni tal-Bord Dixxiplinari, b’mod partikolari l-oriġini interdipartimentali tal-membri tiegħu, it-tieni nett, il-fatt li l-Artikolu 8.3.7 tar-Regoli applikabbli għall-persunal jipprevedi li d-deliberazzjonijiet u x-xogħol tal-Kumitat tad-Dixxiplina huma ta’ natura personali u kunfidenzjali u li l-membri tal-imsemmi kumitat jaġixxu b’mod personali u jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom f’indipendenza totali, it-tielet nett, in-natura kolleġjali tad-deliberazzjonijiet u, fl-aħħar u r-raba’ nett, il-possibbiltà li l-persuna kkonċernata titlob ir-rikuża ta’ wieħed mill-membri.

    F’dan ir-rigward, il-fatt li d-Direttur Ġenerali jew l-Assistent Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani jkun bi dritt membru tal-Bord Dixxiplinari ma jimplikax li dan jeżerċità jew jista’ jeżerċità setgħa determinanti fuq il-membri tal-persunal kollha u, għaldaqstant fuq id-deliberazzjonijiet tal-Bord Dixxiplinari. Barra minn hekk, huwa aċċettabbli, f’kuntest mhux irregolat minn regolamenti tal-persunal bħal dak li jikkaratterizza r-relazzjonijiet tax-xogħol bejn il-Bank u l-membri tal-persunal tiegħu, li l-interessi tal-Bank ikunu rrappreżentati fuq il-Bord Dixxiplinari minn tali membru tal-persunal, iktar u iktar peress li d-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani ma jiffurmax parti mid-Direttorat, li huwa l-korp deċiżjonali fil-qasam dixxiplinari.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, membru tal-kumitat maħtur mill-amministrazzjoni ma jistax jiġi kkritikat talli, waqt is-smigħ mill-Bord Dixxiplinari ta’ persuna kkonċernata minn proċedura dixxiplinari, interroga lill-persuna kkonċernata f’sens li din tal-aħħar ipperċepiet bħala inkolpatorju. Fil-fatt, tali aġir, anki jekk seħħ, ma jipprovax neċesserjament li kien hemm parzjalità, iżda jista’ jiġi spjegat minn rieda ta’ kontribuzzjoni għad-diskussjoni b’mod kontradittorju billi l-persuna kkonċernata tiġi kkonfrontata għall-ilmenti mressqa kontriha. Issa, anki jekk l-imsemmija persuna setgħet suġġettivament tipperċepixxi l-interventi tal-Assistent Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani, waqt is-smigħ tagħha, bħala li kienu magħmula b’ton akkużatorju, dan madankollu ma jammontax, fih innifsu, għal ksur tad-drittijiet tad-difiża jew tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza.

    Lanqas ma jista’ jiġi ddikjarat b’mod perentorju li, minħabba l-funzjonijiet tiegħu, id-Direttur Ġenerali jew l-Assistent Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani jinsab neċessarjament f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi, jiġifieri sitwazzjoni fejn membru tal-persunal għandu, fil-qadi tal-funzjonijiet tiegħu, jiddeċiedi dwar każ li t-trattament jew is-soluzzjoni tiegħu hija ta’ interess personali għalih b’tali mod li l-indipendenza tiegħu tkun kompromessa. Barra minn hekk, l-Artikolu 8.3.5 tar-Regoli applikabbli għall-persunal ma jafdax il-Presidenza tal-Bord Dixxiplinari f’idejn l-imsemmi Direttur Ġenerali jew assistent Direttur Ġenerali iżda f’idejn persuna esterna għall-Bank, anki jekk din il-persuna ma għandhiex dritt ta’ vot. F’kull każ, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-qorti tal-Unjoni fil-kuntest ta’ rikors ibbażat fuq l-Artikolu 36.2 tal-Protokoll dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank jippermetti li jiġi eżerċitat rimedju xieraq u effettiv quddiem tribunal indipendenti u imparzjali, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-bniedem, li jippermetti, jekk ikun il-każ, li jiġu rimedjati insuffiċjenzi u nuqqasijiet fil-kompożizzjoni tal-Bord Dixxiplinari.

    (ara l-punti 148 u 150 sa 157)

    Referenza:

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenzi X vs BĊE, T‑333/99, EU:T:2001:251; Onidi vs Il-Kummissjoni, T‑197/00, EU:T:2002:135, punt 132; Zavvos vs Il-Kummissjoni, T‑21/01, EU:T:2002:177, punt 336, u Giannini vs Il-Kummissjoni, T‑100/04, EU:T:2008:68, punt 223

    Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza Andreasen vs Il-Kummissjoni, T‑17/08 P, EU:T:2010:374, punt 145

  6.  Fir-rigward tal-proċedura dixxiplinari applikabbli għall-membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza jista’ jiġi kkonstatat biss jekk ikun hemm elementi li jistgħu jipprovaw li l-amministrazzjoni kienet iddeċidiet, sa mill-bidu tal-imsemmija proċedura, li timponi, f’kull każ, sanzjoni fuq il-persuna kkonċernata, indipendentement mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti minn din il-persuna. F’dan ir-rigward, il-fatt li żewġ membri tal-Bord Dixxiplinari esprimew ruħhom fis-sens li n-nuqqasijiet allegati kienu mmotivati mill-persegwiment ta’ interess personali tal-persuna kkonċernata, bl-ebda mod ma huwa ta’ natura li jipprova ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza. Fil-fatt, tali pożizzjoni sempliċement tirrifletti l-prinċipju ta’ kolleġjalità tad-diskussjonijiet u l-possibbiltà li tingħata opinjoni differenti mill-opinjoni finali mogħtija mill-maġġoranza tal-Bord Dixxiplinari. Bl-istess mod, il-fatt li d-Direttorat iddeċieda li jadotta waħda mill-iktar sanzjonijiet dixxiplinari ħorox previsti fir-Regoli applikabbli għall-persunal ma jurix, fih innifsu, li kien hemm ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza matul il-proċedura dixxiplinari.

    (ara l-punti 162, 166 u 167)

    Referenza:

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza Pessoa e Costa vs Il-Kummissjoni, T‑166/02, EU:T:2003:73, punt 56

  7.  Fil-qasam dixxiplinari, il-Bank Ċentrali Ewropew jew, skont il-każ, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi għandu l-obbligu li jaġixxi b’mod diliġenti, sa minn meta jieħu konjizzjoni ta’ fatti u ta’ mġieba li jistgħu jikkostitwixxu ksur tal-obbligi tal-membri tal-persunal tal-Bank, sabiex jevalwa jekk hemmx lok li tinfetaħ investigazzjoni, u jekk dan ikun il-każ, fit-tmexxija ta’ din l-investigazzjoni u, fir-rigward tal-Bank, fit-tmexxija tal-proċedura dixxiplinari. Għaldaqstant, il-Bank għandu, fl-applikazzjoni tal-proċedura dixxiplinari tiegħu, jara li kull att jiġi adottat f’terminu raġonevoli meta mqabbel ma ta’ qablu. F’dan ir-rigward, ma jkunx hemm ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli fir-rigward ta’ proċedura dixxiplinari li fil-kuntest tagħha t-terminu li għadda bejn kull att ta’ prosekuzzjoni u l-att segwenti kien effettivament raġonevoli u fejn, jekk kien hemm dewmien, dan kien dovut għall-ħtieġa ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata u sabiex jingħataw risposti għad-diversi kummenti u osservazzjonijiet ippreżentati mill-konsulent tagħha.

    Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li, matul l-investigazzjonijiet ta’ qabel il-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari u matul il-proċedura dixxiplinari, il-persuna kkonċernata ssib ruħha f’sitwazzjoni ta’ stennija u ta’ inċertezza, b’mod partikolari fir-rigward tal-ġejjieni professjonali tagħha, dan l-aspett ma jistax jaffettwa l-validità tad-deċiżjoni dixxiplinari, peress li din is-sitwazzjoni hija inerenti għal kull proċedura dixxiplinari u li l-ftuħ ta’ din il-proċedura huwa ġġustifikat mill-interess tal-Unjoni li jimponi fuq il-Bank l-obbligu, meta jkun affaċċjat b’allegazzjonijiet li jixħtu dubji fuq l-onestà tal-membri tal-persunal tiegħu, jadotta l-miżuri meħtieġa, inkluża s-sospensjoni tal-persuna kkonċernata, sabiex jiżgura ruħu min-natura impekkabbli tal-imġieba professjonali ta’ dan tal-aħħar.

    (ara l-punti 173, 175, 182 u 184)

    Referenza:

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenzi Teixeira Neves vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑259/97, EU:T:2000:208, punt 125, u Pessoa e Costa vs Il-Kummissjoni, EU:T:2003:73, punt 66

    It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi Kerstens vs Il-Kummissjoni, F‑12/10, EU:F:2012:29, punti 124 u 125, u Goetz vs Il-Kumitat tar-Reġjuni, F‑89/11, EU:F:2013:83, punt 126

  8.  Fil-qasam dixxiplinari, jekk is-sanzjoni imposta fuq membru tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew tkun finalment iktar ħarxa minn dik issuġġerita mill-Bord Dixxiplinari, fid-dawl tar-rekwiżiti speċifiċi għal kull proċedura dixxiplinari, id-deċiżjoni tal-Bank għandha, anki fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg sempliċement kuntrattwali, tispeċifika r-raġunijiet li wasslu sabiex il-Bank ma jsegwix l-opinjoni mogħtija mill-Bord Dixxiplinari tiegħu. Dan l-obbligu jkun osservat fil-każ fejn id-Direttorat tal-Bank jispjega r-raġunijiet li għalihom huwa ddeċieda li jimponi sanzjoni iktar ħarxa minn dik li kienu rnexxielhom jiftiehmu dwarha kunsenswalment il-membri tal-Bord Dixxiplinari. F’dan ir-rigward, il-fatt li s-sanzjoni magħżula mid-Direttorat tikkorrispondi għall-għażla mixtieqa minn tnejn mill-erba’ membri bi dritt ta’ vot tal-Bord Dixxiplinari ma huwiex, fih innifsu, ta’ natura li jivvizzja d-deċiżjoni dixxiplinari mill-perspettiva tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

    Barra minn hekk, id-Direttorat ma huwiex marbut mill-opinjoni tal-Bord Dixxiplinari, hekk kif indikat espliċitament fl-Artikolu 8.3.17 tar-Regoli applikabbli għall-persunal tal-Bank. Konsegwentement, anki jekk il-maġġoranza tal-Bord Dixxiplinari taqbel dwar il-fatt li, mill-perspettiva tiegħu, ksur tar-relazzjoni ta’ fiduċja jista’ jiġi kkonstatat mid-Direttorat biss jekk dan tal-aħħar iqis li l-persuna kkonċernata kienet qed issegwi interess personali, id-Direttorat jista’, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu fid-definizzjoni tal-eżiġenzi tiegħu f’termini ta’ integrità fir-rigward tal-persunal tal-Bank, iqis li kien hemm ksur tar-relazzjoni ta’ fiduċja, inkluż lil hinn mill-ipoteżi ssuġġerita mill-Bord Dixxiplinari, jiġifieri anki fl-assenza tal-prova li l-persuna kkonċernata kienet qed issegwi interess personali.

    (ara l-punti 190, 196 u 197)

    Referenza:

    Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza F. vs Il-Kummissjoni, 228/83, EU:C:1985:28, punt 35

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza N vs Il-Kummissjoni, T‑198/02, EU:T:2004:101, point 95

    It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza EH vs Il-Kummissjoni, F‑42/14, EU:F:2014:250, punt 132

  9.  Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-gravità tan-nuqqasijiet ikkonstatati mill-Bord Dixxiplinari tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-konfront ta’ membru tal-persunal tal-Bank u tal-għażla tas-sanzjoni li, fid-dawl ta’ dawn in-nuqqasijiet, tidher li hija l-iktar waħda xierqa, dawn jaqgħu bħala prinċipju taħt is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Bank, sakemm is-sanzjoni imposta ma tkunx sproporzjonata meta mqabbla mal-fatti rrilevati. Għalhekk, din l-istituzzjoni għandha s-setgħa kemm li twettaq evalwazzjoni tar-responsabbilta tal-membru tal-persunal tagħha li tkun differenti minn dik imwettqa mill-Bord Dixxiplinari tagħha, kif ukoll li tagħżel, sussegwentement, is-sanzjoni dixxiplinari li hija tqis xierqa sabiex tissanzjona n-nuqqasijiet dixxiplinari kkonstatati. Ladarba tiġi stabbilita l-materjalità tal-fatti, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-Bank għandu fil-qasam dixxiplinari, l-istħarriġ ġudizzjarju għandu jkun limitat għal verifikazzjoni ta’ assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter.

    Fir-rigward tal-proporzjonalità tas-sanzjoni dixxiplinari meta mqabbla mal-gravità tal-fatti kkonstatati, il-qorti tal-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li d-determinazzjoni tas-sanzjoni għandha tkun ibbażata fuq evalwazzjoni globali mill-Bank tal-fatti kollha konkreti u taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ individwali, filwaqt li għandu jiġi enfasizzat li, l-istess bħar-Regolamenti tal-Persunal, il-corpus leġiżlattiv applikabbli għall-persunal tal-Bank, b’mod partikolari l-Artikolu 45 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg, ma jipprevedix relazzjoni fissa bejn is-sanzjonijiet indikati fih u d-diversi nuqqasijiet possibbli għall-obbligi professjonali u li ma jippreċiżax sa fejn l-eżistenza ta’ ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti għandha tikkontribwixxi fl-għażla tas-sanzjoni. F’dan ir-rigward, l-amministrazzjoni għandha s-setgħa kemm li twettaq evalwazzjoni tar-responsabbiltà tal-membru tal-persunal tagħha li tkun differenti minn dik imwettqa mill-Bord Dixxiplinari tagħha, kif ukoll li tagħżel, sussegwentement, is-sanzjoni dixxiplinari li hija tqis xierqa sabiex tissanzjona n-nuqqasijiet dixxiplinari kkonstatati. L-analiżi tal-qorti tal-ewwel istanza hija, għalhekk, limitata għall-kwistjoni ta’ jekk il-piż mogħti mill-Bank liċ-ċirkustanzi aggravanti u attenwanti ngħatax b’mod proporzjonat, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li, waqt din l-analiżi, il-qorti ma tistax tissostitwixxi ruħha għall-Bank fir-rigward tal-ġudizzju tiegħu dwar l-għażla tas-sanzjoni dixxiplinari tiegħu.

    (ara l-punti 205 sa 207 u 245)

    Referenza:

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenzi Y vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, EU:T:1996:94, point 56; Tzikis vs Il-Kummissjoni, EU:T:2000:130, punt 48; E vs Il‑Kummissjoni, EU:T:2001:175, punti 85 u 86; X vs BĊE, EU:T:2001:251, punti 221 u 222, u Afari vs BĊE, T‑11/03, EU:T:2004:77, punt 203

    Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza BG vs L-Ombudsman, T‑406/12 P, EU:T:2014:273, punt 64

    It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi Nijs vs Il-Qorti tal-Awdituri, F‑77/09, EU:F:2011:2, punt 132, u EH vs Il-Kummissjoni, EU:F:2014:250, punti 92 u 93

  10.  L-għan tal-Artikolu 4(a) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-Artikoli 2, 2.2, 4.1, 4.2 u 5.1 tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Bank huwa li jiġi ggarantit li l-membri tal-persunal tal-Bank, permezz tal-aġir tagħhom, jippreżentaw immaġni ta’ dinjità konformi mal-imġieba partikolarment korretta u rispettuża mistennija leġittimament minn membri tal-persunal ta’ istituzzjoni pubblika internazzjonali, anki jekk impjegati fuq bażi kuntrattwali. B’mod partikolari, l-obbligu previst fl-imsemmi Artikolu 4(a) li tiġi adottata mġieba li tixraq għall-karigi tagħhom u man-natura ta’ korp tal-Unjoni tal-Bank għandu jiġi interpretat bħala li jimponi fuq il-persunal tal-Bank doveri partikolari ta’ lealtà u ta’ dinjità li jixbħu lil dawk applikabbli għall-uffiċjali tal-Unjoni.

    F’dan ir-rigward, mill-corpus leġiżlattiv applikabbli għal persunal tal-Bank jirriżulta obbligu ta’ lealtà tal-membru tal-persunal tal-Bank fir-rigward tal-istituzzjoni li timpjegah, obbligu li għandu jwassal sabiex l-imsemmi membru, iktar u iktar jekk għandu grad għoli, jagħti xhieda ta’ aġir lil hinn minn kull suspett, sabiex ikunu dejjem ippreżervati r-rabtiet ta’ fiduċja li jeżistu bejn il-Bank u bejnu. Issa, fid-dawl tal-importanza tar-relazzjoni ta’ fiduċja li teżisti bejn l-Unjoni u l-membri tal-persunal tagħha f’dak li jirrigwarda kemm il-funzjonament intern tal-Unjoni kif ukoll l-immaġni esterna tagħha u fid-dawl tal-ġeneralità tat-termini tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(a) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-persunal tal-Bank u ta’ dawk tal-Kodiċi ta’ Kondotta, dawn id-dispożizzjonijiet ikopru kull ċirkustanza jew kull imġieba li l-membru tal-persunal tal-Bank għandu raġonevolment jifhem, fid-dawl tal-grad tiegħu u tal-funzjonijiet li jeżerċità kif ukoll taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, bħala li jistgħu jidhru, f’għajnejn terzi, bħala li jistgħu joħolqu konfużjoni dwar l-interessi mfitxija mill-Unjoni li huwa jaqdi.

    Barra minn hekk, fid-dawl tar-responsabbiltà tiegħu fit-tmexxija tal-politika monetarja tal-Unjoni, il-Bank effettivament jibbaża r-reputazzjoni esterna tiegħu fuq ir-rwol ta’ amministratur mudell, effiċjenti u responsabbli, fatt li jimplika li huwa għandu jkollu persunal ta’ integrità impekkabbli. Dan huwa wkoll imfakkar fil-punt 2.2 tal-Kodiċi ta’ Kondotta li jgħid li l-membri tal-persunal tal-Bank għandhom ikunu konxji mill-importanza tad-dmirijiet u tal-missjonijiet tagħhom, għandhom jiħdu inkunsiderazzjoni l-aspettattivi tal-pubbliku fir-rigward tal-aġir morali tagħhom, għandhom iġibu ruħhom b’mod li jżomm u jsaħħaħ il-fiduċja tal-pubbliku fil-Bank u għandhom jikkontribwixxu għall-effettività tal-amministrazzjoni tal-bank. Tali obbligi huma ta’ importanza kbira għat-twettiq tal-għanijiet fdati f’idejn istituzzjoni bankarja u jikkostitwixxu element essenzjali mill-aġir li l-persunal ta’ din l-istituzzjoni għandu josserva sabiex tiġi mħarsa l-indipendenza u d-dinjità tal-Bank.

    Għalhekk, fil-każ fejn membru tal-persunal tal-Bank li għandu kariga maniġerjali u li għandu responsabbiltajiet ogħla fir-rigward tal-ħarsien tar-reputazzjoni u tal-interessi finanzjarji tal-istituzzjoni jkun ordna x-xiri ta’ oġġetti fuq il-baġit tal-Bank fil-kuntest tal-persegwiment ta’ interess personali, il-Bank jista’ jqis li l-membru tal-persunal ippreġudika b’mod irrimedjabbli r-relazzjoni ta’ fiduċja li torbtu mal-Bank. Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, il-Bank jista’, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li huwa għandu fid-definizzjoni tar-rekwiżiti tiegħu f’termini ta’ integrità tal-persunal tiegħu, iqis li, minkejja li l-persuna kkonċernata tixtieq tkompli r-relazzjoni ta’ impjieg, ma huwiex possibbli li din ir-relazzjoni ta’ fiduċja terġà tiġi stabbilita, fatt li jagħmel iktar diffiċli, jekk mhux saħansitra impossibbli, it-twettiq, f’kollaborazzjoni ma dan il-membru tal-persunal, tal-missjonijiet fdati lill-Bank tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-Bank jista’, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu u fid-dawl tan-natura kuntrattwali tar-relazzjoni ta’ impjieg li torbtu mal-membru tal-persunal tiegħu, iqis li sanzjoni iktar klementi ma tkunx biżżejjed fid-dawl tal-fatti mwettqa minn persuna li kienet inkarigata minn baġit ċentralizzat kunsiderevoli u li, inkunsiderazzjoni tan-natura intenzjonali u serja tan-nuqqasijiet għall-obbligi professjonali mwettqa minn wieħed mill-maniġers tagħha, li minnu hija mistennija mġieba eżemplari, ir-rabta’ ta’ fiduċja nkisret definittivament.

    (ara l-punti 209, 210, 231 sa 234, 236 u 237)

    Referenza:

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenzi Williams vs Il-Qorti tal-Awdituri, T‑146/94, EU:T:1996:34, punt 65; N vs Il-Kummissjoni, EU:T:1997:71, punti 127 u 129; Yasse vs BEI, T‑141/97, EU:T:1999:177, punti 108 u 110; Afari u BĊE, EU:T:2004:77, punt 193

    It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Gomes Moreira vs ECDC, F‑80/11, EU:F:2013:159, punti 63 u 67

  11.  Fil-qasam dixxiplinari, l-eventwali nuqqasijiet tas-superjuri ġerarkiċi, fir-rwol tagħhom ta’ superviżjoni, u n-nuqqasijiet tad-dipartimenti l-oħra tal-Bank, fis-sorveljanza baġitarja u finanzjarja tad-diviżjoni tal-persuna kkonċernata, ma jistgħux jikkostitwixxu ċirkustanza attenwanti għan-nuqqasijiet għall-obbligi professjonali allegati fil-konfront ta’ membru tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew li jeżerċità funzjonijiet maniġerjali, li jibqa’ responsabbli għall-atti tiegħu. Bl-istess mod, għalkemm il-Bank huwa obbligat, skont l-Artikolu 45 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg, li jieħu inkunsiderazzjoni l-kondotta tal-membru tal-persunal matul il-karriera kollha tiegħu, dan it-teħid inkunsiderazzjoni ma jammontax neċesserjament għal rikonoxximent ta’ ċirkustanza attenwanti. Issa, il-Bank jista’ jkun iġġustifikat li jqis li l-fatti kienu tant serji li, minkejja li l-istat ta’ servizz tal-persuna kkonċernata kien eċċezzjonali, din iċ-ċirkustanza kienet ininfluwenti. B’mod partikolari, ma jistax jiġi aċċettat li, bl-iskuża ta’ kontribuzzjoni għat-twettiq ta’ ekonomiji globali sostanzjali favur il-baġit tal-funzjonament ta’ istituzzjoni, membru tal-persunal jista’ jqis ruħu eżentat mir-regoli elementari ta’ amministrazzjoni baġitarja u finanzjarja tajba minħabba li l-attivitajiet mhux awtorizzati tiegħu jirrigwardaw biss ammonti żagħar meta mqabbla mal-baġit li huwa inkarigat minnu. Fil-fatt, indipendentement mill-ammont inkwistjoni, kull nefqa pubblika għandha ssir skont ir-regoli tad-dixxiplina baġitarja u ta’ kontabbiltà.

    Barra minn hekk, argument li jgħid li l-persuna kkonċernata ma ngħatatx taħriġ li jindirizza speċifikament il-ġestjoni baġitarja u r-regoli tax-xiri huwa ineffettiv sa fejn din l-eventwali insuffiċjenza ma tippermettix li l-persuna kkonċernata taġixxi bi ksur tar-regoli espliċiti stabbiliti mill-Bank Ċentrali Ewropew fit-testi interni tiegħu.

    (ara l-punti 222, 225 u 226)

    Referenza:

    Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza R. vs Il-Kummissjoni, EU:C:1985:324, punt 44

    Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenzi Z vs Il-Parlament, T‑242/97, EU:T:1999:92, punt 115 ; Yasse vs BEI, EU:T:1999:177, punt 114, u X vs BĊE, EU:T:2001:251, punt 233

    It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza EH vs Il-Kummissjoni, EU:F:2014:250, punt 119

  12.  La l-Artikolu 6(2) tal-Karta Soċjali Ewropea, la l-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u lanqas l-Aerikolu 11 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ma jimponu l-obbligu li tiġi stabbilita proċedura ta’ negozzjati kollettivi jew li s-sindakati għad-difiża tal-interessi ekonomiċi u soċjali tal-ħaddiema jingħataw setgħa ta’ kodeċiżjoni għall-finijiet tat-tfassil tal-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-ħaddiema. Għalhekk, il-Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew u r-regoli applikabbli għall-imsemmi persunal jistgħu jiġu adottati unilateralment mill-Bank u jiġu emendati wara konsultazzjoni mall-Kumitat tal-Persunal, peress li huwa paċifiku li f’dan il-qasam ma jeżistix obbligu li jkun hemm ftehimiet kollettivi ffirmati bejn il-Bank u l-organizzazzjonijiet sindakali li jirrappreżentaw il-persunal tiegħu. Fil-fatt, inkwantu istituzzjoni tal-Unjoni prevista fl-Artikolu 13 UE u skont il-Protokoll dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Bank huwa awtorizzat li jipprevedi, permezz ta’ regolament, id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-persunal tiegħu.

    (ara l-punti 252 u 253)

    Referenza:

    It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi Cerafogli vs BĊE, F‑84/08, EU:F:2010:134, punt 47, u Heath vs BĊE, F‑121/10, EU:F:2011:174, punt 121

Top