Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013FJ0053

    Sommarju tas-sentenza

    SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

    TAL-UNJONI EWROPEA

    (It-Tielet Awla)

    26 ta’ Frar 2014

    Kawża F-53/13

    Alkis Diamantopoulos

    vs

    Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE)

    “Servizz pubbliku — Uffiċjali — Promozzjoni — Deċiżjoni li ma tingħatax promozzjoni lir-rikorrent fil-grad ta’ AD 12 — Deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tal-ilment — Deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda tal-ilment wara r-rikors — Motivazzjoni”

    Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a, li permezz tiegħu A. Diamantopoulos jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) li ma jingħatax promozzjoni fil-grad AD 12 fil-proċedura ta’ promozzjoni tal-2012.

    Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna li ma tingħatax promozzjoni lil A. Diamantopoulos fil-grad AD 12 skont il-proċedura ta’ promozzjoni tal-2012 hija annullata. Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat għall-ispejjeż sostnuti minn A. Diamantopoulos.

    Sommarju

    1.      Uffiċjali — Promozzjoni — Ilment minn kandidat li ma ġiex promoss — Deċiżjoni ta’ ċaħda — Assenza totali ta’ motivazzjoni — Regolarizzazzjoni matul il-proċedura kontenzjuża — Inammissibbiltà

    (Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25, Artikoli 45 u 90(2))

    2.      Rikorsi tal-uffiċjali — Motivi — Nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni — Motiv distint minn dak li jirrigwarda l-legalità fil-mertu (Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25)

    1.      Għalkemm l-Awtorità tal-Ħatra ma hijiex obbligata li timmotiva d-deċiżjonijiet ta’ promozzjoni fir-rigward tal-kandidati mhux promossi, hija, għall-kuntrarju, obbligata li timmotiva d-deċiżjoni tagħha li tiċħad ilment imressaq skont l-Artikolu 90(2) tar-Regoli tal-Persunal, minn kandidat li ma jkunx ġie promoss, fejn il-motivazzjoni tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tista’ tikkoinċidi mal-motivazzjoni tad-deċiżjoni li kontriha tressaq l-ilment.

    Barra minn hekk, għalkemm, b’kont meħud tal-fatt li l-promozzjonijiet isiru b’għażla, il-motivazzjoni ta’ ċaħda ta’ ilment għandha, fil-prinċipju, tikkonċerna biss is-sodisfazzjon tal-kundizzjonijiet legali li għalihom ir-Regolamenti tal-Persunal jissuġġetta r-regolarità tal-proċedura u għalkemm l-Awtorità tal-Ħatra ma hijiex obbligata li tirrileva l-evalwazzjoni komparattiva li hija tkun wettqet, hija għandha madankollu tindika lill-uffiċjal ikkonċernat ir-raġuni individwali u rilevanti li tiġġustifika r-rifjut li dan jiġi promoss.

    Il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ. Issa, dawn jinkludu, b’mod partikolari, mhux biss il-kontenut tal-att ikkontestat, iżda wkoll l-interess li d-destinatarju jista’ jkollu li jirċievi spjegazzjonijiet, kif ukoll il-kuntest fattwali u legali li taqa’ taħtu l-adozzjoni ta’ dan l-att.

    Fl-aħħar, f’każ ta’ assenza totali ta’ motivazzjoni qabel il-preżentata ta’ kawża, din l-assenza ma tistax tkun koperta minn spjegazzjonijiet ipprovduti mill-Awtorità tal-Ħatra wara l-preżentata tar-rikors. Fil-fatt, f’dan l-istadju, tali spjegazzjonijiet ma jissodisfawx il-funzjoni tal-motivazzjoni. Barra minn hekk, il-possibbiltà li tiġi rrimedjata l-assenza totali ta’ motivazzjoni wara l-formazzjoni tar-rikors tkun tippreġudika d-drittijiet tad-difiża, peress li r-rikorrent ikun imċaħħad mill-possibbiltà li jippreżenta l-motivi tiegħu fir-rigward tal-motivazzjoni li jikseb konjizzjoni tagħha biss wara l-preżentata tar-rikors. Il-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Unjoni tkun b’hekk affettwata.

    (ara l-punti 18-21)

    Referenza:

    Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 16 ta’ Settembru 2013, Bouillez vs Il-Kunsill, T-31/13 P, punt 26

    It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 8 ta’ Ottubru 2008, Barbin vs Il-Parlament, F-81/07, punti 27 u 28, u l-ġurisprudenza ċċitata; 19 ta’ Settembru 2013, Gheysens vs Il-Kunsill, F-83/08, punt 55

    2.      Il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tikkonsisti fl-espressjoni formali tal-motivi li tkun ibbażata fuqhom din id-deċiżjoni. Għaldaqstant, l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi formalità sostantiva li għandha tkun distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivi, peress li din l-aħħar imsemmija kwistjoni taqa’ taħt il-legalità tal-mertu tal-att ikkontestat. L-argumenti maħsuba sabiex jistabbilixxu l-fondatezza ta’ att, huma, għaldaqstant, irrilevanti fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni.

    (ara l-punt 27)

    Referenza:

    Il-Qorti tal-Ġustizzja: 2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s Franza, C-367/95 P, punt 67

    Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: Bouillez vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20

    Top