Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0686

X

Kawża C‑686/13

X AB

vs

Skatteverket

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Högsta förvaltningsdomstolen)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 49 TFUE — Libertà ta’ stabbiliment — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq il-kumpanniji — Ishma — Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teżenta l-qligħ kapitali u, b’mod korrispondenti, li teskludi t-tnaqqis tat-telf kapitali — Trasferiment minn kumpannija residenti tal-ishma miżmuma f’sussidjarja mhux residenti — Telf kapitali li jirriżulta minn telf tal-kambju”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-10 ta’ Ġunju 2015

  1. Libertà ta’ stabbiliment — Dispożizzjonijiet tat-Trattat — Kamp ta’ applikazzjoni — Leġiżlazzjoni nazzjonali li teżenta l-qligħ kapitali u li teskludi t-tnaqqis tat-telf kapitali li jirriżulta minn telf tal-kambju fuq trasferiment ta’ ishma bejn kumpannija u s-sussidjarja tagħha mhux residenti — Rabta ta’ interdipendenza bejn il-kumpanniji kkaratterizzata mill-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti — Inapplikabbiltà tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-moviment liberu tal-kapital

    (Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE)

  2. Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq il-kumpanniji — Trasferiment tal-ishma bejn kumpannija u s-sussidjarja tagħha mhux residenti — Leġiżlazzjoni nazzjonali li teżenta l-qligħ kapitali u li teskludi t-tnaqqis tat-telf kapitali li jirriżulta minn telf tal-kambju — Ammissibbiltà

    (Artikolu 49 TFUE)

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 17-19, 23, 24)

  2.  L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni fiskali ta’ Stat Membru li, bħala prinċipju, teżenta mit-taxxa fuq il-kumpanniji l-qligħ kapitali mwettaq fuq ishma u li teskludi b’mod korrispondenti t-tnaqqis tat-telf kapitali mwettaq fuq dawn l-ishma, anki meta dan it-telf kapitali jirriżulta minn telf tal-kambju.

    Fil-fatt, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà ta’ stabbiliment ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li jobbligaw lill-Istati Membri jadattaw is-sistema fiskali rispettiva tagħhom sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni r-riskji eventwali ta’ kambju li għalihom ikunu esposti l-kumpanniji minħabba l-fatt li, fit-territorju tal-Unjoni, għadhom jeżistu diversi muniti li bejniethom ma teżistix rata tal-kambju fissa jew leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jippermettu li l-kapital tal-kumpanniji jinħareġ f’muniti ta’ Stati terzi.

    (ara l-punti 34, 41 u d-dispożittiv)

Top