EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0293

Fresh Del Monte Produce vs Il-Kummissjoni

Kawżi magħquda C‑293/13 P u C‑294/13 P

Fresh Del Monte Produce Inc.

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

u

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Fresh Del Monte Produce Inc.

“Appell — Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Ewropew tal-banana — Koordinazzjoni fl-iffissar tal-prezzijiet ta’ referenza — Kunċett ta’ ‘unità ekonomika’ bejn żewġ kumpanniji — Kunċett ta’ ‘influwenza determinanti’ — Imputabbiltà tal-aġir ta’ kumpannija lil kumpannija oħra — Żnaturament tal-provi — Oneru tal-prova — Prinċipju in dubio pro reo — Kunċett ta’ ‘ksur uniku u kontinwu’ — Kunċett ta’ ‘prattika miftiehma’ — Kunċett ta’ ‘ksur bl-għan’ — Impriżi membri ta’ akkordju — Komunikazzjoni ta’ informazzjoni lill-Kummissjoni — Obbligu legali — Portata — Dritt għall-protezzjoni kontra l-awtoinkriminazzjoni — Intervenjent fl-ewwel istanza — Appell inċidentali — Ammissibbiltà”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-24 ta’ Ġunju 2015

  1. Appell — Interess ġuridiku — Kundizzjoni — Appell li jista’ jagħti vantaġġ lill-parti li tkun ippreżentatu — Assenza

    (Artikolu 256 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 56)

  2. Appell — Risposta tal-intervenjent — Interess ġuridiku — Riskju, għal parti waħda, li waħedha ġġarrab il-konsegwenzi ta’ deċiżjoni li tkun ikkundannata għall-ħlas ta’ multa in solidum

    (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 172)

  3. Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja li jista’ jiġi dedott minn ġabra ta’ indizji konkordanti marbuta mar-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u ġuridiċi mal-kumpannija parent tagħha

    (Artikolu 101(1) TFUE)

  4. Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Sussidjarja miżmuma konġuntament minn żewġ kumpanniji, li waħda minnhom hija wkoll il-kumpannija parent tal-oħra — Assenza ta’ effett

    (Artikolu 81(1) KE)

  5. Akkordji — Projbizzjoni — Ksur — Ftehimiet u prattiki miftiehma li jikkostitwixxu ksur uniku — Imputazzjoni ta’ responsabbiltà lil impriża għall-ksur kollu — Kundizzjonijiet

    (Artikolu 101(1) TFUE)

  6. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Tnaqqis tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata — Kundizzjonijiet

    (Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 18(2) u 23(2); Avviż tal-Kummissjoni 2002/C 45/03)

  7. Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Talba għal informazzjoni indirizzata lil impriża — Dritt ta’ rifjut li tingħata risposta li timplika r-rikonoxximent ta’ ksur

    (Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 18(2))

  1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 46, 47)

  2.  Fil-kuntest ta’ appell, parti għandha interess li tippreżenta risposta peress li, meta tkun naqset li tikkontesta, fi żmien xieraq, deċiżjoni tal-Kummissjoni li tkun ikkundannata konġuntament u in solidum ma’ impriża oħra, għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, b’mod li din id-deċiżjoni tkun saret definittiva fir-rigward tagħha, hija għandha, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appell ippreżentat mill-impriża responsabbli in solidum u tannulla d-deċiżjoni li tikkonċernaha, issostni waħedha l-multa imposta, u mhux in solidum flimkien mal-impriża l-oħra.

    (ara l-punti 52, 53, 164-166)

  3.  Għall-finijiet tal-eżaminazzjoni dwar jekk il-kumpannija parent tistax teżerċita influwenza determinanti fis-suq tas-sussidjarja tagħha, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha marbuta mar-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u ġuridiċi li jgħaqqdu lis-sussidjarja mal-kumpannija parent tagħha u, għalhekk, tar-realtà ekonomika. Fil-fatt, l-eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti jista’ jiġi dedott minn ġabra ta’ indizji konkordanti, anki jekk l-ebda wieħed minn dawn l-elementi, meħud waħdu, ma huwa biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali influwenza.

    Dan ikun il-każ meta kumpannija parent tikseb, fuq talba tagħha u lil hinn mid-drittijiet tagħha, informazzjoni aġġornata dwar l-istat tas-suq tal-prodott inkwistjoni, meta hija tagħti istruzzjonijiet preċiżi lis-sussidjarja tagħha dwar l-aġir li hija għandha tadotta f’dan is-suq, meta dawn l-istruzzjonijiet ikunu jinkludu theddid abbażi tal-fatt li l-kumpannija parent tista’ tagħmel pressjoni kbira fuq din is-sussidjarja u meta din tal-aħħar, peress li jkollha biża’ li tfalli, tagħmel sforz sabiex tissodisfa l-aspettattivi tal-kumpannija parent tagħha.

    (ara l-punti 75-77, 98, 99)

  4.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punt 78)

  5.  Impriża tista’ tkun ipparteċipat direttament fl-aġir antikompetittiv kollu li jikkostitwixxi l-ksur uniku u kontinwu tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, f’liema każ il-Kummissjoni tista’ timputa fil-konfront tagħha r-responsabbiltà għal dan il-ksur kollu fl-intier tiegħu. Impriża tista’ wkoll tkun ipparteċipat direttament f’parti biss mill-aġir antikompetittiv li jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu, iżda jkollha għarfien tal-aġir illegali kollu l-ieħor previst jew implementat mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju għall-kisba tal-istess għanijiet, jew tkun setgħet raġonevolment ipprevediet u aċċettat li tieħu dan ir-riskju. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni għandha wkoll dritt li timputa fuq din l-impriża r-responsabbiltà tal-aġir antikompetittiv kollu li jikkostitwixxi tali ksur u, konsegwentement, tal-ksur fl-intier tiegħu.

    A contrario, jekk impriża tkun ipparteċipat direttament f’wieħed jew iktar mill-għamliet ta’ aġir antikompetittiv li jikkostitwixxu ksur uniku u kontinwu, iżda ma jkunx ġie stabbilit li, permezz tal-aġir tagħha stess, hija kellha l-intenzjoni tikkontribwixxi għall-għanijiet komuni tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju u li kellha għarfien tal-aġir illegali l-ieħor kollu previst jew implementat minn dawn il-parteċipanti fil-kisba ta’ dawn l-għanijiet komuni, jew li setgħet raġonevolment tipprevedihom u li kienet lesta taċċetta dan ir-riskju, il-Kummissjoni għandha dritt timputa responsabbiltà fuq din l-impriża biss fir-rigward tal-aġir li fih hija pparteċipat direttament għall-aġir previst jew implementat mill-parteċipanti l-oħra fil-kisba tal-istess għanijiet tagħha, fejn ikun ġie pprovat li hija kellha għarfien ta’ dan jew setgħet raġonevolment tipprevedih u kienet lesta taċċetta dan ir-riskju.

    (ara l-punti 156-160)

  6.  Tnaqqis tal-multa, bħal dak previst fl-Avviż dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ akkordju, huwa biss iġġustifikat meta l-impriża tipprovdi informazzjoni lill-Kummissjoni mingħajr ma tkun mistiedna tagħmel dan. Fil-fatt, l-aġir tal-impriża kkonċernata għandu mhux biss jiffaċilita l-kompitu tal-Kummissjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur, iżda wkoll jattesta spirtu ġenwin ta’ kooperazzjoni.

    (ara l-punt 184)

  7.  Id-dritt ta’ protezzjoni kontra l-awtoinkriminazzjoni ma huwiex affettwat b’talbiet għal informazzjoni li jsiru skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Fil-fatt, in-nuqqas li tiġi pprovduta l-informazzjoni mitluba fuq din il-bażi fit-terminu previst ma tistax twassal għal impożizzjoni ta’ multa jew ta’ pagamenti ta’ penalità skont l-Artikoli 23 u 24, rispettivament, tar-Regolament Nru 1/2003. Sempliċi talba għal informazzjoni hija għalhekk differenti minn deċiżjoni formali adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 18(3) ta’ dan ir-regolament, li fir-rigward tiegħu dan ir-regolament jipprovdi impożizzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji fil-każ li ma tingħatax risposta.

    (ara l-punti 195, 196)

Top