Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0205

Sommarju tas-sentenza

Kawża C‑205/13

Hauck GmbH & Co. KG

vs

Stokke A/S et

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden)

“Trade marks — Direttiva 89/104/KEE — Artikolu 3(1)(e) — Rifjut jew invalidità ta’ reġistrazzjoni — Trade mark tridimensjonali — Siġġu tat-tfal li jirregola ruħu ‘Tripp Trapp’ — Sinjal ikkostitwit esklużivament mill-forma imposta min-natura stess tal-prodott — Sinjal ikkostitwit mill-forma li tagħti valur sostanzjali lill-prodott”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) 18 ta’ Settembru 2014

  1. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Trade marks – Direttiva 89/104 – Rifjut ta’ reġistrazzjoni jew nullità – Sinjali kkostitwiti esklużivament mill-forma imposta min-natura stess tal-prodott – Raġuni għal rifjut applikabbli għal sinjal li jippreżenta karatteristika jew numru ta’ karatteristiċi ta’ użu essenzjali u inerenti għall-funzjoni jew għall-funzjonijiet ġeneriċi tal-prodott

    (Direttiva tal-Kunsill 89/104, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1)(e))

  2. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Trade marks – Id-Direttiva 89/104 – Rifjut ta’ reġistrazzjoni jew nullità – Sinjali kkostitwiti esklużivament mill-forma li tagħti valur sostanzjali lill-prodott – Raġuni għal rifjut applikabbli għal sinjal ikkostitwit esklużivament mill-forma ta’ prodott li għandu numru ta’ karatteristiċi li jistgħu jagħtuh valuri sostanzjali differenti

    (Direttiva tal-Kunsill 89/104, it-tielet inċiż tal-Artikolu 3(1)(e))

  3. Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Trade marks – Id-Direttiva 89/104 – Rifjut ta’ reġistrazzjoni jew nullità – Sinjali kkostitwiti esklużivament mill-forma imposta min-natura stess tal-prodott – Sinjali kkostitwiti esklużivament mill-forma li tagħti valur sostanzjali lill-prodott – Applikazzjoni flimkien tar-raġunijiet għal rifjut – Assenza

    (Direttiva tal-Kunsill 89/104, l-ewwel u t-tielet inċiżi tal-Artikolu 3(1)(e))

  1.  L-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(1)(e) tal-Ewwel Direttiva 89/104 dwar it-trade marks għandu jiġi interpretat fis-sens li r-raġuni għal rifjut ta’ reġistrazzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni tista’ tapplika għal sinjal esklużivament ikkostitwit mill-forma ta’ prodott li jippreżenta karatteristika jew numru ta’ karatteristiċi ta’ użu essenzjali u inerenti għall-funzjoni jew għall-funzjonijiet ġeneriċi ta’ dan il-prodott, li l-konsumatur jista’ eventwalment ifittex fil-prodotti tal-kompetituri.

    (ara l-punt 27, u d-dispożittiv 1)

  2.  It-tielet inċiż tal-Artikolu 3(1)(e) tal-Ewwel Direttiva 89/104 dwar it-trade marks għandu jiġi interpretat fis-sens li r-raġuni għal rifjut ta’ reġistrazzjoni prevista għal din id-dispożizzjoni tista’ tapplika għal sinjal ikkostitwit esklużivament mill-forma ta’ prodott li għandu numru ta’ karatteristiċi li jistgħu jagħtuh valuri sostanzjali differenti. Il-perċezzjoni tal-forma tal-prodott mill-pubbliku rilevanti jikkostitwixxi biss wieħed mill-elementi ta’ evalwazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-applikabbiltà tar-raġuni għal rifjut inkwistjoni.

    (ara l-punt 36, u d-dispożittiv 2)

  3.  L-Artikolu 3(1)(e) tal-Ewwel Direttiva 89/104 dwar it-trademarks għandu jiġi interpretat fis-sens li r-raġunijiet għal rifjut ta’ reġistrazzjoni msemmija fl-ewwel u fit-tielet inċiżi ta’ din id-dispożizzjoni ma jistgħux jiġu applikati flimkien.

    (ara l-punt 43, u d-dispożittiv 3)

Top