EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012TJ0512

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tal-10 ta’ Diċembru 2015.
Front populaire pour la libération de la saguia-el-hamra et du rio de oro (Front Polisario) vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Relazzjonijiet barranin – Ftehim taħt forma ta’ skambju ta’ ittri bejn l-Unjoni u l-Marokk – Liberalizzazzjoni reċiproka fuq il-prodotti agrikoli, il-prodotti agrikoli pproċessati, il-ħut u l-prodotti tas-sajd – Applikazzjoni tal-Ftehim għas-Saħara tal-Punent – Front Polisario – Rikors għal annullament – Locus standi – Interess dirett u individwali – Ammissibbiltà – Konformità mad-dritt internazzjonali – Obbligu ta’ motivazzjoni – Drittijiet tad-difiża.
Kawża T-512/12.

Court reports – general

Kawża T‑512/12

Front populaire pour la libération de la saguia-el-hamra et du rio de oro (Front Polisario)

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Relazzjonijiet barranin — Ftehim taħt forma ta’ skambju ta’ ittri bejn l-Unjoni u l-Marokk — Liberalizzazzjoni reċiproka fuq il-prodotti agrikoli, il-prodotti agrikoli pproċessati, il-ħut u l-prodotti tas-sajd — Applikazzjoni tal-Ftehim għas-Saħara tal-Punent — Front Polisario — Rikors għal annullament — Locus standi — Interess dirett u individwali — Ammissibbiltà — Konformità mad-dritt internazzjonali — Obbligu ta’ motivazzjoni — Drittijiet tad-difiża”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tal‑10 ta’ Diċembru 2015

  1. Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Locus standi — Rikors ta’ entità parti f’kontenzjuż internazzjonali li jirrigwarda territorju mhux awtonomu, iżda li ma għandhiex personalità ġuridika fl-assenza ta’ dritt applikabbli għal dan it-territorju — Ammissibbiltà

    (Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

  2. Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Kunċett ta’ att regolatorju — Kull att ta’ portata ġenerali bl-eċċezzjoni tal-atti leġiżlattivi — Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta’ ftehim ma’ Stat terz — Esklużjoni

    (Artikolu 218(6)(a) TFUE, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u l-Artikolu 289(2) TFUE)

  3. Ftehimiet internazzjonali — Ftehimiet tal-Unjoni — Interpretazzjoni — Kompetenza tal-qorti tal-Unjoni — Kundizzjonijiet — Ftehimiet irregolati mid-dritt internazzjonali — Applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-liġi tat-trattati — Deċiżjoni 2012/497 dwar il-konklużjoni ta’ ftehim bejn l-Unjoni u l-Marokk dwar miżuri ta’ liberalizzazzjoni fil-qasam agrikolu

    (Artikolu 217 TFUE, 218 TFUE u l-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/497)

  4. Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Inċidenza diretta — Kriterji — Deċiżjoni tal-Kunsill li tirrigwarda l-konklużjoni ta’ ftehim ma’ Stat terz li jipproduċi effetti fuq territorju kkontestat u taħt il-kontroll ta’ dan l-Istat — Rikors minn moviment indipendentista li jipparteċipa f’negozjati mmexxija min-Nazzjonijiet Uniti bil-għan tad-determinazzjoni tal-istatus tal-imsemmi territorju — Ammissibbiltà

    (Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/497)

  5. Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Atti ta’ applikazzjoni ġenerali

    (Artikolu 296 TFUE)

  6. Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Dritt għal smigħ — Osservanza fil-kuntest tal-proċeduri leġiżlattivi — Kundizzjonijiet

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41)

  7. Ftehimiet internazzjonali — Ftehimiet tal-Unjoni — Konklużjoni — Ftehim ma’ Stat terz intiż sabiex jiffaċilita l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli u li jipproduċi effetti fuq territorju kkontestat u taħt il-kontroll ta’ dan l-Istat — Obbligu li tiżgura ruħha mill-assenza ta’ effetti negattivi għall-popolazzjoni tat-territorju kkonċernat minħabba l-attivitajiet ta’ produzzjoni tal-prodotti intiżi għall-esportazzjoni — Portata

    (Artikolu 6 TUE; Artikolu 67 TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/497)

  8. Rikors għal annullament — Motivi — Motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7 TFUE li jirrigwarda l-koerenza tal-politiki tal-Unjoni — Motiv ineffettiv

    (Artikolu 7 TFUE u 263 TFUE)

  9. Ftehimiet internazzjonali — Ftehimiet tal-Unjoni — Konklużjoni — Setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

    (Artikolu 21 TUE; Artikolu 205 TFUE)

  10. Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi — Kundizzjonijiet — Assigurazzjonijiet preċiżi pprovduti mill-amministrazzjoni

  11. Ftehimiet internazzjonali — Ftehimiet tal-Unjoni — Effetti ta’ ftehim fl-Unjoni fl-assenza ta’ dispożizzjoni espliċita minn dan il-ftehim li tipprevedihom — Eżami tal-validità ta’ att tal-Unjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi ftehim — Kompetenza tal-qorti tal-Unjoni — Kundizzjonijiet — Evalwazzjoni tal-validità ta’ att tal-Unjoni fir-rigward tal-Konvenzjoni fuq id-dritt tal-baħar tal-1982 (Konvenzjoni ta’ Montego Bay — Esklużjoni

    (Artikolu 216(2) TFUE u 263 TFUE)

  12. Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Assenza ta’ talbiet dwar l-ispejjeż fir-rikors — Possibbiltà li tali talbiet jiġu ppreżentati fi stadju ulterjuri

    (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 134)

  1.  F’ċerti każijiet partikolari, entità li ma għandhiex il-personalità ġuridika skont id-dritt ta’ Stat Membru jew ta’ Stat terz tista’ xorta waħda titqies li għandha personalità ġuridika fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, u tista’ tiġi aċċettata tippreżenta rikors għal annullament abbażi ta’ din id-dispożizzjoni. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta, fl-atti jew l-aġir tagħhom, l-Unjoni u l-istituzzjonijiet tagħha jittrattaw lill-entità inkwistjoni bħala suġġett distint, li jista’ jkollha drittijiet speċifiċi għaliha jew li tista’ tkun suġġetta għal obbligi jew għal restrizzjonijiet. Dan madankollu jippreżupponi li l-entità inkwistjoni għandha statuti u struttura interna li tiżguralha l-awtonomija neċessarja sabiex taġixxi bħala entità responsabbli fir-relazzjonijiet ġuridiċi.

    Għandha tiġi kkunsidrata bħala persuna ġuridika, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE entità parti f’kontenzjuż internazzjonali li jirrigwarda d-destin ta’ territorju mhux awtonomu, li, bħala tali, tissemma b’isimha fit-testi relatati miegħu, inklużi riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew, u li ma huwiex possibbli għaliha li tikkostitwixxi ruħha formalment bħala persuna ġuridika rregolata mid-dritt tat-territorju mhux awtonomu kkonċernat, peress li dan id-dritt għadu ineżistenti. F’dan ir-rigward, għalkemm huwa ċertament possibbli li l-imsemmija entità tikkostitwixxi ruħha bħala persuna ġuridika konformement mad-dritt ta’ Stat terz, madankollu ma jistax jiġi rikjest minnha li tagħmel dan. Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi għal kollox partikolari, l-imsemmija entità tista’ tippreżenta rikors għal annullament quddiem il-qorti tal-Unjoni, inkwantu hija jista’ jkollha personalità ġuridika biss konformement mad-dritt tat-territorju mhux awtonomu inkwistjoni li madankollu ma huwiex Stat rikonoxxut mill-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha u ma għandux id-dritt tiegħu.

    (ara l-punti 52, 53, 57, 58, 60)

  2.  Il-kunċett ta’ att regolatorju, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għandu jinftiehem fis-sens li jipprevedi kull att ta’ portata ġenerali, bl-eċċezzjoni tal-atti leġiżlattivi. Id-distinzjoni bejn att leġiżlattiv u att regolatorju tistrieħ, skont it-Trattat FUE, fuq il-kriterju tal-proċedura, sew jekk leġiżlattiva sew jekk le, li waslet għall-adozzjoni tiegħu.

    Fir-rigward ta’ deċiżjoni adottata skont il-proċedura ddefinita fl-Artikolu 218(6)(a) TFUE, li jipprovdi li l-Kunsill, fuq proposta tan-negozjatur, għandu jadotta d-deċiżjoni ta’ konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali wara l-approvazzjoni tal-Parlament, din il-proċedura tissodisfa l-kriterji ddefiniti fl-Artikolu 289(2) TFUE u, konsegwentement, tikkostitwixxi proċedura leġiżlattiva speċjali. Għalhekk l-imsemmija deċiżjoni hija att leġiżlattiv u, b’hekk, ma tikkostitwixxix att regolatorju.

    (ara l-punti 68, 69, 71, 72)

  3.  Ftehim ma’ Stat terz konkluż mill-Kunsill, konformement mal-Artikoli 217 TFUE u 218 TFUE, jikkostitwixxi, f’dak li jikkonċerna l-Unjoni, att meħud minn istituzzjoni tal-Unjoni, fis-sens tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE. Mid-dħul fis-seħħ ta’ ftehim bħal dan, id-dispożizzjonijiet tiegħu jagħmlu parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u, fil-kuntest ta’ dan l-ordinament ġuridiku, il-qrati tal-Unjoni għandhom kompetenza sabiex jiddeċiedu dwar l-interpretazzjoni tal-ftehim. F’dan ir-rigward, fil-każ ta’ ftehim konkluż bejn żewġ suġġetti tad-dritt internazzjonali pubbliku, dan il-ftehim huwa rregolat mid-dritt internazzjonali u, b’mod iktar partikolari, mill-perspettiva tal-interpretazzjoni tiegħu, mil-liġi internazzjonali dwar it-trattati. F’dan il-kuntest, ir-regoli li jinsabu fil-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-liġi tat-trattati, tat‑23 ta’ Mejju 1969, għandhom japplikaw, sa fejn dawn ir-regoli huma l-espressjoni tad-dritt internazzjonali ġenerali ta’ natura konswetudinali.

    Fir-rigward tad-Deċiżjoni 2012/497, dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jittratta miżuri reċiproċi ta’ liberalizzazzjoni fuq il-prodotti agrikoli, il-prodotti agrikoli pproċessati, il-ħut u l-prodotti tas-sajd, is-sostituzzjoni tal-Protokolli Nri 1, 2 u 3 u tal-annessi tagħhom u l-emendi għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta’ interpretazzjoni konformement mal-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, għandu jiġi konkluż li l-ftehim li l-konklużjoni tiegħu ġie approvat permezz tad-Deċiżjoni 2012/497, imqiegħed mill-ġdid fil-kuntest tiegħu, għandu japplika wkoll għat-territorju tas-Saħara tal-Punent jew, b’mod iktar speċifiku, għall-ikbar parti minn dan it-territorju, ikkontrollata mir-Renju tal-Marokk.

    (ara l-punti 89, 90, 92, 98, 103)

  4.  Il-kundizzjoni li skontha persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata mill-att li huwa s-suġġett ta’ rikors skont l-Artikolu 263 TFUE teħtieġ li jiġu ssodisfatti żewġ kriterji kumulattivi, jiġifieri li l-miżura kkontestata, fl-ewwel lok, tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-persuna kkonċernata u, fit-tieni lok, li ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tagħha li għandhom jimplementawha, peress li din hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli oħra intermedjarji. F’dan ir-rigward, fil-każ ta’ rikors dirett kontra deċiżjoni li tirrigwarda l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha ma’ Stat terz, dispożizzjoni ta’ tali ftehim għandha titqies li għandha effett dirett meta, fid-dawl tal-kliem tagħha kif ukoll tal-għan u tan-natura tal-ftehim, hija tinkludi obbligu ċar u speċifiku li ma huwa suġġett, fl-eżekuzzjoni jew fl-effetti tiegħu, għall-intervent ta’ ebda att ulterjuri.

    Fir-rigward ta’ rikors dirett kontra d-Deċiżjoni 2012/497, dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jittratta miżuri reċiproċi ta’ liberalizzazzjoni fuq il-prodotti agrikoli, il-prodotti agrikoli pproċessati, il-ħut u l-prodotti tas-sajd, is-sostituzzjoni tal-Protokolli Nri 1, 2 u 3 u tal-annessi tagħhom u l-emendi għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-ftehim konkluż skont id-deċiżjoni kkontestata jinkludi dispożizzjonijiet b’obbligi ċari u preċiżi, li ma humiex suġġetti, fl-eżekuzzjoni jew fl-effetti tagħhom, għall-intervent ta’ atti ulterjuri. Dawn id-dispożizzjonijiet jipproduċu effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tat-territorju kollu li fuqu japplika l-ftehim u, għaldaqstant, fuq it-territorju tas-Saħara tal-Punent ikkontrollat mir-Renju tal-Marokk, fis-sens li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li fihom prodotti agrikoli u tas-sajd jistgħu jiġu esportati f’dan it-territorju lejn l-Unjoni jew jistgħu jiġu importati mill-Unjoni fit-territorju inkwistjoni.

    Dawn l-effetti jirrigwardaw mhux biss lir-Renju tal-Marokk iżda wkoll lill-Front Polisario, moviment indipendentista mis-Saħara tal-Punent, sa fejn l-istatus internazzjonali definittiv ta’ dan it-territorju għadu ma ġiex iddeterminat fil-kuntest ta’ proċedura ta’ negozjati, taħt il-patroċinju tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (ONU), bejn ir-Renju tal-Marokk u, speċifikament, il-Front Polisario. Għall-istess raġuni, il-Front Polisario għandu jitqies li huwa individwalment ikkonċernat mid-Deċiżjoni 2012/497. Fil-fatt, dawn iċ-ċirkustanzi effettivament jikkostitwixxu sitwazzjoni fattwali li tikkaratterizza lill-Front Polisario meta mqabbel ma’ kull persuna oħra u tagħtih kwalità partikolari. F’dan ir-rigward, il-Front Polisario huwa l-uniku interlokutur ieħor li jipparteċipa fin-negozjati mmexxija taħt il-patroċinju tal-ONU, bejnu u r-Renju tal-Marokk, bil-għan tad-determinazzjoni tal-istatus internazzjonali definittiv tas-Saħara tal-Punent.

    (ara l-punti 105, 107-111, 113)

  5.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 121, 122)

  6.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 132-137)

  7.  Ma jirriżulta la mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 TFUE u tal-Artikolu 67 TFUE u lanqas minn dawk tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li hemm projbizzjoni assoluta għall-Unjoni li tikkonkludi ftehim ma’ Stat terz li jirrigwarda kummerċ fil-qasam ta’ prodotti agrikoli, ta’ prodotti agrikoli pproċessati, ta’ ħut u ta’ prodotti tas-sajd, li jista’ jiġi applikat ukoll għal territorju kkontrollat minn dan l-Istat terz mingħajr ma s-sovranità tiegħu fuq dan it-territorju tkun rikonoxxuta internazzjonalment. Fil-fatt, il-konklużjoni, bejn l-Unjoni u Stat terz, ta’ ftehim li jista’ jiġi applikat f’tali territorju ma hijiex, fi kwalunkwe ipoteżi, kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni jew għad-dritt internazzjonali, li l-Unjoni għandha tosserva.

    Madankollu, għalkemm huwa minnu li mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma jirriżultax li hemm projbizzjoni assoluta, ma huwiex inqas minnu li l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-popolazzjoni ta’ territorju kkontestat għandha importanza partikolari u tikkostitwixxi, konsegwentement, kwistjoni li l-Kunsill għandu jeżamina qabel l-approvazzjoni ta’ tali ftehim. B’mod partikolari, fir-rigward ta’ ftehim intiż li jiffaċilita, b’mod partikolari, l-esportazzjoni lejn l-Unjoni ta’ diversi prodotti mit-territorju inkwistjoni, il-Kunsill għandu jeżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti sabiex jiġi żgurat li l-attivitajiet ta’ produzzjoni tal-prodotti intiżi għall-esportazzjoni ma jitwettqux b’detriment tal-popolazzjoni tat-territorju inkwistjoni u ma jinvolvux ksur tad-drittijiet fundamentali tagħha, fosthom, b’mod partikolari, id-drittijiet għad-dinjità tal-bniedem, għall-ħajja u għall-integrità tal-persuna, il-projbizzjoni tal-iskjavitù u tax-xogħol forzat, il-libertà professjonali, il-libertà ta’ intrapriża, id-dritt għall-proprjetà, id-dritt għal kundizzjonijiet ta’ xogħol ġusti u xierqa, il-projbizzjoni ta’ impjieg ta’ tfal u l-protezzjoni taż-żgħażagħ fuq il-post tax-xogħol.

    Fil-fatt, jekk l-Unjoni tippermetti l-esportazzjoni lejn l-Istati Membri tagħha ta’ prodotti provenjenti minn dan il-pajjiż l-ieħor, li ġew immanifatturati jew miksuba f’ċirkustanzi li ma jirrispettawx id-drittijiet fundamentali tal-popolazzjoni tat-territorju minn fejn jiġu, hija tgħaddi mir-riskju li tinċentiva indirettament dan it-tip ta’ vjolazzjonijiet jew li jinkisbu vantaġġi minnhom. Din il-kunsiderazzjoni hija wisq iżjed importanti fil-każ ta’ territorju li huwa amministrat minn Stat terz, filwaqt li ma huwiex inkluż fil-fruntieri internazzjonalment rikonoxxuti ta’ dan l-Istat terz. F’dan ir-rigward, f’ċirkustanzi fejn is-sovranità ta’ dan l-Istat terz fuq it-territorju li jamministra ma hija rikonoxxuta la mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha u lanqas, b’mod iktar ġenerali, mill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, u fl-assenza ta’ kull mandat internazzjonali li jista’ jiġġustifika l-preżenza tal-imsemmi Stat terz fit-territorju inkwistjoni, il-Kunsill, fil-kuntest tal-eżami tal-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni bil-għan tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu fir-rigward tal-konklużjoni, jew le, tal-ftehim mal-Istat terz li jista’ japplika wkoll għat-territorju kkontesta, għandu jiżgura ruħu huwa stess li ma jeżistux indikazzjonijiet ta’ sfruttament tar-riżorsi naturali tat-territorju kkontestat u taħt il-kontroll tal-Istat terz li jista’ jkun li jsir għad-detriment tal-abitanti tiegħu u li jippreġudika d-drittijiet fundamentali tagħhom. Huwa ma jistax jillimita ruħu sabiex jikkunsidra li huwa l-imsemmi Stat terz li għandu jiżgura li ma jseħħ ebda sfruttament ta’ din in-natura.

    (ara l-punti 146, 220, 227, 228, 231, 232, 241)

  8.  L-Artikolu 7 TFUE ma jistax iservi sabiex jiġu ssostanzjati argumenti li att tal-Unjoni għandu jiġi annullat peress li huwa kuntrarju għall-prinċipju ta’ koerenza tal-politiki tal-Unjoni previst minn din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, il-politiki differenti tal-Unjoni kollha kemm huma jirriżultaw minn dispożizzjonijiet differenti tat-Trattati kostituttivi u tal-atti adottati skont dawn id-dispożizzjonijiet. L-allegata inkoerenza ta’ att mal-politika tal-Unjoni f’qasam determinat timplika neċessarjament li l-att inkwistjoni tkun kuntrarja għal dispożizzjoni, regola jew prinċipju li jirregola din il-politika. Dan is-sempliċi fatt, jekk jiġi pprovat, ikun suffiċjenti sabiex jingħata lok għall-annullament tal-att inkwistjoni, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi invokat l-Artikolu 7 TFUE.

    F’dan ir-rigward, argument ibbażat fuq l-adozzjoni mill-Unjoni tal-miżuri restrittivi fir-rigward tas-sitwazzjoni f’ċerti pajjiżi ma huwiex ulterjorment suffiċjenti biex juri allegata inkoerenza tal-politika tal-Unjoni, sa fejn il-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali f’dan il-qasam. Għaldaqstant, ma jistax jiġi akkużat b’inkoerenza dovuta għall-fatt li adotta miżuri restrittivi fir-rigward tas-sitwazzjoni f’pajjiż, u mhux f’ieħor.

    (ara l-punti 153, 156)

  9.  L-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgawdu, fil-qasam tar-relazzjonijiet ekonomiċi esterni, minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa. F’dan is-sens, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk hemmx lok jew le li jiġi konkluż ma’ Stat terz ftehim li għandu japplika fuq territorju kkontestat, ir-rikonoxximent lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni ta’ tali setgħa huwa wisq iżjed ġustifikat meta r-regoli u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali applikabbli fil-qasam huma kumplessi u impreċiżi. Għalhekk l-istħarriġ ġudizzjarju għandu neċessarjament jillimita ruħu għall-kwistjoni dwar jekk l-istituzzjoni kompetenti tal-Unjoni, billi approvat il-konklużjoni ta’ ftehim applikabbli f’territorju kkontestat, wettqitx żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni. Għaldaqstant, b’mod partikolari fil-każijiet fejn istituzzjoni tal-Unjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tivverifika jekk hija wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni, il-qorti tal-Unjoni għandha tistħarreġ jekk din l-istituzzjoni eżaminatx, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni, elementi li fuqhom ikunu bbażati l-konklużjonijiet li jinsiltu minnhom.

    (ara l-punti 164, 223-225)

  10.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punt 177)

  11.  Konformement mal-prinċipji tad-dritt internazzjonali, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li huma kompetenti sabiex jinnegozjaw u jikkonkludu ftehim internazzjonali, jistgħu jiftiehmu mal-Istati terzi kkonċernati dwar l-effetti li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim għandhom jipproduċu fl-ordinament intern tal-partijiet kontraenti. Huwa biss jekk din l-kwistjoni ma tkunx ġiet irregolata mill-ftehim li l-qrati kompetenti tal-Unjoni għandhom jiddeċiedu din il-kwistjoni bl-istess mod bħal kull kwistjoni oħra ta’ interpretazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-ftehim fl-Unjoni.

    Madankollu, qorti tal-Unjoni tista’ twettaq eżami tal-validità ta’ att tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward ta’ trattat internazzjonali biss meta n-natura u l-formulazzjoni tiegħu ma jipprekludux dan. Meta n-natura u l-formulazzjoni tat-trattat inkwistjoni jippermettu stħarriġ tal-validità ta’ att tad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ dan it-trattat, ikun meħtieġ ukoll li d-dispożizzjonijiet ta’ dan it-trattat invokati għall-finijiet tal-eżami tal-validità tal-att tad-dritt tal-Unjoni jkunu, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonali u suffiċjentement preċiżi. Din il-kundizzjoni tiġi ssodisfatta meta d-dispożizzjoni invokata tinkludi obbligu ċar u preċiż li ma jkunx suġġett, fl-implementazzjoni tiegħu jew fl-effetti tiegħu, għall-intervent ta’ att ieħor ulterjuri.

    F’dan is-sens, fir-rigward tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fuq id-dritt tal-baħar, tal‑10 ta’ Diċembru 1982 (il-Konvenzjoni ta’ Montego Bay), in-natura u l-formulazzjoni ta’ din il-konvenzjoni jipprekludu li l-qrati tal-Unjoni jistgħu jevalwaw il-validità ta’ att tal-Unjoni fir-rigward tagħha.

    (ara l-punti 181, 184, 185, 195)

  12.  Huwa possibbli għall-partijiet li jippreżentaw, wara l-preżentata tar-rikors u saħansitra waqt is-seduta, talbiet dwar l-ispejjeż, anki jekk ma jkunux ippreżentaw tali talbiet fir-rikors.

    (ara l-punt 250)

Top