This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62012TJ0341
Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni
Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni
Kawża T‑341/12
Evonik Degussa GmbH
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
“Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Suq Ewropew tal-perossidu tal-idroġenu u tal-perborat — Pubblikazzjoni ta’ deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Ċaħda ta’ talba intiża sabiex jinkiseb it-trattament kunfidenzjali ta’ informazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni bis-saħħa tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tagħha — Obbligu ta’ motivazzjoni — Kunfidenzjalità — Sigriet professjonali — Aspettattivi leġittimi”
Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tat-28 ta’ Jannar 2015
Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Sigriet professjonali – Deċiżjon tal-uffiċjal tas-seduta li tirrigwarda l-iżvelar ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tissanzjona ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni – Obbligi tal-uffiċjal tas-seduta – Portata u limiti
(Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 28(2); Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/695, Artikolu 8)
Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni tal-uffiċjal tas-seduta li tiċħad, fil-kuntest ta’ proċedura għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, talba għal trattament kunfidenzjali ta’ informazzjoni
(Artikolu 81 KE; Artikolu 296 TFUE; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/695, Artikolu 8)
Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Sigriet professjonali – Determinazzjoni tal-informazzjoni koperta mis-sigriet professjonali – Informations historiques – Esklużjoni – Informazzjoni li ma tistax tiġi kkunsidrata bħala sigrieta jew kunfidenzjali
(Artikolu 81 KE; Artikolu 339 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 30(2))
Atti tal-istituzzjonijiet – Reklamar – Rispett tal-prinċipju ta’ trasparenza – Portata – Possibbiltà li jiġu ppubblikati atti fl-assenza ta’ obbligu espliċitu f’dan is-sens
(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 TFUE; Artikolu 15 TFUE)
Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Sigriet professjonali – Determinazzjoni tal-informazzjoni koperta mis-sigriet professjonali – Kriterji
(Artikolu 81 KE; Artikolu 339 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 28 u 30)
Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Sigriet professjonali – Portata – Trattament differenzjat tal-persuni li għandhom dritt għal smigħ u tal-pubbliku inġenerali
(Artikolu 81 KE; Artikolu 339 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 27(2) u 28(2))
Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Sigriet professjonali – Determinazzjoni tal-informazzjoni koperta mis-sigriet professjonali – Kriterji – Żvelar li jista’ jikkawża dannu gravi – Informazzjoni li tikkonsisti fid-deskrizzjoni ta’ elementi li jikkostitwixxu ksur tar-regoli tal-kompetizzjon – Pubblikazzjoni tal-imsemmija informazzjoni li tippermetti li tiġi stabbilita b’iktar faċilità r-responsabbiltà ċivili tal-impriżi kkonċernati
(Artikolu 81 KE; Artikolu 339 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 28 u 30)
Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Sigriet professjonali – Determinazzjoni tal-informazzjoni koperta mis-sigriet professjonali – Kriterji – Interessi li jistgħu jiġu leżi bl-iżvelar tal-informazzjoni, li jixirqilhom protezzjoni – Ibbilanċjar tal-interess ġenerali għat-trasparenza tal-azzjoni tal-Unjoni u tal-interessi leġittimi kontra l-iżvelar – Interess ta’ impriża li ma tiġix żvelata ċerta informazzjoni dwar l-aġir tagħha – Interess li ma jixraqlu ebda protezzjoni partikolari fir-rigward tal-impriżi li pparteċipaw fi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni
(Artikolu 81 KE; Artikolu 339 TFUE; Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 28 u 30)
Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Sigriet professjonali – Determinazzjoni tal-informazzjoni koperta mis-sigriet professjonali – Ibbilanċjar tal-interess ġenerali għat-trasparenza tal-azzjoni tal-Unjoni u tal-interessi leġittimi kontra l-iżvelar – Pubblikazzjoni ta’ informazzjoni sottomessa volontarjament lill-Kummissjoni bil-għan li tibbenefika mill-programm ta’ klemenza – Ibbilanċjar tal-interessi li jiġġustifikaw il-komunikazzjoni tal-imsemmija informazzjoni u l-protezzjoni tagħhom
(Artikolu 81 KE; Artikolu 339 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 30(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03)
Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur – Pubblikazzjoni ta’ informazzjoni sottomessa volontarjament lill-Kummissjoni minn impriża, li pparteċipat fil-ksur, bil-għan li tibbenefika mill-programm ta’ klemenza – Ksur tad-dritt għall-protezzjoni tal-ħajja privata tal-imsemmija impriża – Assenza
(Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 23 u 30)
Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur – Pubblikazzjoni ta’ informazzjoni sottomessa volontarjament lill-Kummissjoni minn impriża, li pparteċipat fil-ksur, bil-għan li tibbenefika mill-programm ta’ klemenza – Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni – Komunikazzjonijiet dwar il-kooperazzjoni – Awto-limitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tagħha – Portata – Projbizzjoni milli tiġi ppubblikata informazzjoni li tinsab fit-talbiet ta’ klemenza – Assenza
(Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 30; Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni 2002/C 45/03 u 2006/C 298/11)
Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur – Pubblikazzjoni ta’ informazzjoni sottomessa volontarjament lill-Kummissjoni minn impriża, li pparteċipat fil-ksur, bil-għan li tibbenefika mill-programm ta’ klemenza – Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni – Portata – Bidla fil-prassi preċedenti – Ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi – Assenza
(Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 30(2))
Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur – Pubblikazzjoni ta’ verżjoni mhux kunfidenzjali li tinkludi informazzjoni sottomessa volontarjament lill-Kummissjoni bil-għan li wieħed jibbenefika mill-programm ta’ klemenza – Ksur tal-prinċipju ta’ għan stabbilit fl-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1/2003 – Assenza
(Artikolu 81 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 23, 28(1) u 30)
L-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2011/695, dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni, huwa intiż sabiex jimplementa, mill-perspettiva proċedurali, il-protezzjoni li joffri l-Artikolu 28(2) tar-Regolament Nru 1/2003 b’mod partikolari, li, bla ħsara għall-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet ta’ kompetizzjoni tal-Istati Membri kif ukoll għall-possibbiltà mogħtija lid-destinatarji ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li jikkonsultaw il-fajl tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni u l-imsemmija awtoritajiet, l-uffiċjali tagħhom, il-membri tal-persunal tagħhom u l-persuni l-oħra li jaħdmu taħt is-superviżjoni ta’ dawn l-awtoritajiet, kif ukoll il-membri tal-persunal u l-uffiċjali ta’ awtoritajiet oħra tal-Istati Membri, għandhom l-obbligu li ma jiżvelawx l-informazzjoni li huma ġabru jew skambjaw bis-saħħa tal-imsemmi regolament u li, min-natura tagħha stess, hija koperta bis-sigriet professjonali.
B’hekk, l-imsemmi Artikolu 8 jagħmel distinzjoni bejn il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni lejn terzi li jibbenefikaw mid-dritt ta’ smigħ fil-kuntest ta’ proċedura għall-applikazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni u dik, usa’, li għandha tiġi mħarsa meta jkun hemm intenzjoni li ssir pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Konsegwentement, meta l-uffiċjal tas-seduta jieħu deċiżjoni fir-rigward tal-iżvelar, permezz ta’ pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali, ta’ deċiżjoni li tissanzjona ksur tal-Artikolu 81 KE, huwa ma għandux biss l-obbligu li jeżamina jekk il-verżjoni tad-deċiżjoni mressqa għall-eżami tiegħu kinitx tinkludi sigrieti ta’ negozju jew informazzjoni kunfidenzjali oħra li tgawdi minn protezzjoni simili, iżda wkoll li jivverifika jekk din il-verżjoni kinitx tinkludi informazzjoni oħra li ma setgħetx tiġi żvelata lill-pubbliku, jew minħabba regoli tad-dritt tal-Unjoni li jipproteġuha speċifikament, jew minħabba l-fatt li hija kienet tagħmel parti minn dik l-informazzjoni li, min-natura tagħha, hija koperta bis-sigriet professjonali.
Madankollu, il-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jikkostitwixxux regoli intiżi sabiex jipproteġu speċifikament kontra żvelar lill-pubbliku tal-informazzjoni bħal dik li ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni bil-għan li tibbenefika mill-programm ta’ klemenza. Fil-fatt, kuntrarjament għar-regoli li jirriżultaw fir-Regolament Nru 45/2001, dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data, jew ukoll għall-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, tali prinċipji ma għandhomx bħala għan speċifiku li jipproteġu l-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni jew ta’ dokumenti. Għalhekk peress li dawn il-prinċipji ma jaqgħux, bħala tali, taħt il-protezzjoni prevista mid-dritt tal-Unjoni tal-informazzjoni li dwarha l-Kummissjoni kellha għarfien fil-kuntest tal-proċeduri għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, dawn imorru lil hinn mill-ispeċifikazzjonijiet tal-mandat fdat lill-uffiċjal tas-seduta skont l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2011/695.
(ara l-punti 33, 41-43)
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 54-67)
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 84, 86, 162)
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punt 89)
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 90, 94)
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 96-98)
Sabiex informazzjoni taqa’, bin-natura tagħha stess, taħt ir-reġim tas-sigriet professjonali u b’hekk tibbenefika minn protezzjoni kontra l-iżvelar lill-pubbliku, l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni għandu, b’mod partikolari, ikun jista’ jikkawża dannu serju lill-persuna li pprovdietha jew lil terzi.
Fir-rigward tal-informazzjoni li tikkonsisti fid-deskrizzjoni ta’ elementi li jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 81 KE, l-iżvelar ta’ tali informazzjoni huwa tali li jikkawża dannu serju lil impriża li pparteċipat f’dan il-ksur, sa fejn, minn naħa, dan l-iżvelar jista’ jippreġudika r-reputazzjoni tagħha u jaffettwa l-pożizzjoni tagħha fir-relazzjonijiet kummerċjali billi jixhed dawl fuq ir-rwol importanti tagħha fil-ħolqien u fit-tkomplija tal-ksur tal-Artikolu 81 KE u, min-naħa l-oħra, l-informazzjoni tkun tali li persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jqisu lilhom infushom bħala vittmi tal-ksur jsibuha iktar faċli jistabbilixxu r-responsabbiltà ċivili tal-impriża.
(ara l-punti 101-103, 105)
Sabiex informazzjoni taqa’, bin-natura tagħha stess, taħt ir-reġim tas-sigriet professjonali u b’hekk tibbenefika minn protezzjoni kontra l-iżvelar lill-pubbliku, l-interessi li jistgħu jiġu leżi bl-iżvelar ta’ tali informazzjoni jkunu oġġettivament jixirqilhom protezzjoni. Din il-kundizzjoni timplika li l-evalwazzjoni tan-natura kunfidenzjali ta’ informazzjoni teħtieġ ibbilanċjar bejn l-interessi leġittimi kontra l-iżvelar tagħha u l-interess ġenerali li jirrikjedi li l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet jiżvolġu fl-ikbar osservanza possibbli tal-prinċipju ta’ trasparenza.
F’dan ir-rigward, l-interess ta’ impriża li ġiet imposta multa mill-Kummissjoni minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni sabiex id-dettalji tal-aġir li jikkostitwixxi ksur li bih qed tiġi akkużata ma jiġux żvelati lill-pubbliku bħala prinċipju ma jixraqlu ebda protezzjoni partikolari, fid-dawl tal-interess tal-pubbliku li jsir jaf kemm jista’ jkun ir-raġunijiet ta’ kull azzjoni tal-Kummissjoni, tal-interess tal-operaturi ekonomiċi li jsiru jafu liema aġir jista’ jesponihom għal sanzjonijiet u tal-interess tal-persuni leżi mill-ksur li jsiru jafu bid-dettalji tiegħu sabiex ikunu jistgħu jinvokaw, jekk ikun il-każ, id-drittijiet tagħhom kontra impriżi ssanzjonati u fid-dawl tal-possibbiltà li għandha din l-impriża li tissottometti din id-deċiżjoni għal stħarriġ ġudizzjarju. Bl-istess mod, l-interess ta’ kumpannija li pparteċipat fi ksur tal-Artikolu 81 KE li tevita tali azzjonijiet għad-danni ma jikkostitwixxux interess li jixraqlu protezzjoni, b’mod partikolari fid-dawl tad-dritt li għandha kull persuna li titlob, quddiem il-qrati nazzjonali, kumpens għad-dannu li kkawżalha aġir li jista’ joħloq restrizzjoni jew distorsjoni fuq il-kompetizzjoni. Barra minn hekk jirriżulta li l-ilmenti dwar ksur eventwali tal-prinċipju ta’ imparzjalità msemmi fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet fil-kuntest ta’ proċeduri nazzjonali ma humiex fondati u għandhom jiġu miċħuda.
(ara l-punti 106, 107, 110, 111)
L-effikaċja tal-programmi ta’ klemenza tista’ tiġi affettwata bil-komunikazzjoni tad-dokumenti relatati ma’ proċedura ta’ klemenza lill-persuni li jixtiequ jressqu azzjoni għad-danni, anki jekk l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jew il-Kummissjoni jagħtu lill-persuna li qed titlob il-klemenza eżenzjoni totali jew parzjali tal-multa li huma setgħu jimponu. Fil-fatt, persuna involuta fi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, quddiem l-eventwalità ta’ tali komunikazzjoni, tista’ tkun dissważa milli tuża l-possibbiltà offerta minn tali programmi ta’ klemenza, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li d-dokumenti kkomunikati lill-Kummissjoni jew id-dikjarazzjonijiet magħmula quddiem din tal-aħħar f’dan is-sens jistgħu jkunu ta’ natura awto-inkriminanti.
Madankollu, id-dritt li jinkiseb kumpens għad-danni kkawżati minn kuntratt jew aġir li jista’ joħloq restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni jista’ jikkontribwixxi sostanzjalment għaż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fl-Unjoni u b’hekk jipparteċipa għat-twettiq ta’ għan ta’ interess pubbliku
Huwa b’applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji li l-Qorti tal-Ġustizzja, meta ġiet mistoqsija permezz ta’ talba għal deċiżjoni preliminari fil-kuntest ta’ tilwim relatat ma’ talbiet ta’ impriżi li jqisu lilhom infushom leżi bi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni sabiex jingħataw aċċess għal fajls ta’ investigazzjoni fil-pussess tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, stiednet lill-qrati nazzjonali aditi b’dan it-tilwim sabiex jibbilanċjaw l-interessi li jiġġustifikaw il-komunikazzjoni tal-informazzjoni pprovduta volontarjament mill-persuni li jitolbu l-klemenza u l-protezzjoni tagħhom.
Issa, f’kawża li ma tirrigwardax il-kontestazzjoni ta’ rifjut ta’ aċċess għal dokumenti li jirriżultaw minn proċedura fil-qasam tal-kompetizzjoni, iżda l-pubblikazzjoni pprospettata mill-Kummissjoni ta’ ċerta informazzjoni li tinsab f’dokumenti jew dikjarazzjonijiet sottomessi lilha volontarjament minn impriża involuta fi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, bil-għan li tibbenefika mill-programm ta’ klemenza u li fiha ġie sostnut li l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni kkomunikata volontarjament matul l-investigazzjoni bit-tama li tibbenefika mill-programm ta’ klemenza tippreġudika l-għan tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni, din l-aħħar affermazzjoni ma turix l-eżistenza ta’ regola ta’ dritt miksura mill-Kummissjoni minħabba s-sempliċi fatt li l-pubblikazzjoni pprospettata tal-informazzjoni pprovduta fil-kuntest tal-klemenza jista’ jkollha impatt fuq l-implementazzjoni tal-imsemmi programm fir-rigward ta’ investigazzjonijiet futuri.
Barra minn hekk, dan l-argument partikolari jimplika l-interess tal-pubbliku li jsir jaf kemm jista’ jkun bir-raġunijiet għal kull azzjoni tal-Kummissjoni, dak tal-operaturi ekonomiċi li jinformaw ruħhom dwar l-aġir li jista’ jesponihom għal sanzjonijiet u, fl-aħħar nett, dak tal-Kummissjoni li tippreżerva l-effettività tal-programm ta’ klemenza tagħha. Issa, dawn l-interessi speċifiċi ma humiex partikolari għar-rikorrenti, fejn għalhekk hija biss il-Kummissjoni li għandha tibbilanċja, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, l-effikaċja tal-programm ta’ klemenza, minn naħa, u l-interess tal-pubbliku u tal-operaturi ekonomiċi li jinformaw ruħhom dwar il-kontenut tad-deċiżjoni tagħha u li jaġixxu bil-għan li jipproteġu d-drittijiet tagħhom, min-naħa l-oħra.
Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed inkwistjoni bl-argument tar-rikorrenti li, essenzjalment, l-informazzjoni li fir-rigward tagħha hija talbet it-trattament kunfidenzjali ma hijiex essenzjali sabiex jinftiehem id-dispożittiv tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u li għalhekk il-Kummissjoni ma għandhiex obbligu ta’ pubblikazzjoni skont l-Artikolu 30(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ma għandhiex l-intenzjoni li tillimita l-libertà tal-Kummissjoni li tippubblika volontarjament verżjoni tad-deċiżjoni tagħha iktar kompleta mill-minimu neċessarju u li f’din il-verżjoni tinkludi wkoll informazzjoni li l-pubblikazzjoni tagħha ma hijiex meħtieġa, inkwantu l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni ma huwiex inkompatibbli mal-protezzjoni tas-sigriet professjonali.
(ara l-punti 113-115, 117-120)
Filwaqt li l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem hija imposta wkoll fuq il-Kummissjoni, bħala prinċipju, meta tiġbor informazzjoni mingħand impriżi fil-kuntest ta’ investigazzjoni li tikkonċerna ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-akkordji, persuna ma tistax, skont ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tinvoka l-Artikolu 8 iċċitat iktar ’il fuq sabiex tilmenta dwar preġudizzju għar-reputazzjoni tagħha li jirriżulta b’mod prevedibbli mill-azzjonijiet tagħha, bħal fil-każ ta’ ksur kriminali.
Għalhekk id-dritt għall-protezzjoni tal-ħajja privata ggarantit mill-Artikolu 8 tal-imsemmija konvenzjoni ma jistax jostakola l-iżvelar ta’ informazzjoni, sottomessa volontarjament lill-Kummissjoni bil-għan li tibbenefika mill-programm ta’ klemenza, li bħal dik li l-pubblikazzjoni tagħha hija pprospettata f’dan il-każ, tikkonċerna l-parteċipazzjoni ta’ impriża fi ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-akkordji, ikkonstatat f’deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata abbażi tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 u intiża li tiġi ppubblikata konformement mal-Artikolu 30 tal-istess regolament.
(ara l-punti 125, 126)
Billi adottat regoli ta’ kondotta bħal dawk li jinsabu fil-Komunikazzjonijiet dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell u billi ħabbret permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li hija kienet ser tapplikahom minn hemm ’il quddiem għall-każijiet li jaqgħu taħthom, l-istituzzjoni inkwistjoni tillimita lilha nnifisha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax tmur kontra dawn ir-regoli mingħajr ma twettaq ksur, jekk ikun il-każ, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dawk tal-ugwaljanza fit-trattament jew tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Madankollu, minn dawn il-komunikazzjonijiet ma tirriżultax projbizzjoni għall-Kummissjoni milli tippubblika fiċ-ċirkustanzi kollha informazzjoni li tinsab f’talbiet għal klemenza jew dikjarazzjonijiet magħmula taħt il-programm ta’ klemenza. Fil-fatt, l-impenji differenti jikkonċernaw biss l-iżvelar tad-dokumenti li huma sottomessi lilha b’mod volontarju mill-impriżi li jixtiequ jibbenefikaw mill-programm ta’ klemenza, kif ukoll tad-dikjarazzjonijiet magħmula minn dawn l-istess impriżi f’dan ir-rigward.
(ara l-punti 134, 136, 138)
Għalkemm l-osservanza tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi tagħmel parti mill-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, l-operaturi ekonomiċi ma humiex ġustifikati jekk iqiegħdu l-aspettattivi leġittimi tagħhom fiż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti li tista’ tiġi mmodifikata fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.
F’dan ir-rigward, impriża li pparteċipat fi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni ma tista’ tikseb ebda aspettattiva leġittima fiż-żamma tal-prassi preċedenti tal-Kummissjoni li kienet tikkonsisti f’li ma tiġix żvelata l-informazzjoni li kienet ġiet ikkomunikata lilha volontarjament minn impriżi taħt it-talbiet għal klemenza u li fir-rigward tagħha l-imsemmija impriżi kienu talbu t-trattament kunfidenzjali.
Fil-fatt, il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ biex tiddeċiedi jekk għandhiex tippubblika tali informazzjoni jew le. L-Artikolu 30(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jillimita l-obbligu ta’ pubblikazzjoni li għandha l-Kummissjoni għas-sempliċi riferiment għall-partijiet ikkonċernati u għall-partijiet essenzjali tad-deċiżjonijiet li għalihom isir riferiment fl-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni, bil-għan li jiġi ffaċilitat il-kompitu tal-Kummissjoni li tinforma lill-pubbliku dwar l-eżistenza u dwar il-kontenut ta’ dawn tal-aħħar, b’mod partikolari fid-dawl tal-limitazzjonijiet lingwistiċi marbuta ma’ pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ma tillimitax il-fakultà tal-Kummissjoni, jekk hija tqis li huwa opportun u jekk ir-riżorsi jippermettulha tagħmel dan, li tippubblika t-test sħiħ jew, mill-inqas, verżjoni ddettaljata ħafna tad-deċiżjonijiet tagħha, bla ħsara għall-protezzjoni dovuta għas-sigrieti tan-negozju u għall-informazzjonijiet kunfidenzjali l-oħra.
Minkejja l-fatt li l-Kummissjoni għaldaqstant hija suġġetta għal obbligu ġenerali li tippubblika biss verżjonijiet mhux kunfidenzjali tad-deċiżjonijiet tagħha, ma huwiex neċessarju, sabiex tiġi ggarantita l-osservanza ta’ dan l-obbligu, li l-Artikolu 30(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jiġi interpretat fis-sens li jagħti dritt speċifiku lid-destinatarji tad-deċiżjonijiet adottati skont l-Artikoli 7 sa 10 u skont l-Artikoli 23 u 24 tal-imsemmi regolament li jippermettilhom jikkontestaw il-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni fil-Ġurnal Uffiċjali u, jekk ikun il-każ, fuq is-sit internet ta’ din l-istituzzjoni, tal-informazzjoni li, għalkemm mhux kunfidenzjali, ma hijiex essenzjali sabiex jinftiehem id-dispożittiv ta’ dawn id-deċiżjonijiet. B’hekk, l-Artikolu 30(2) tar-Regolament Nru 1/2003 ma huwiex intiż sabiex jillimita l-libertà tal-Kummissjoni li tippubblika minn rajha verżjoni tad-deċiżjoni tagħha iktar dettaljata mill-minimu neċessarju u li tinkludi fiha wkoll informazzjoni li l-pubblikazzjoni tagħha ma hijiex meħtieġa, sa fejn l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni ma huwiex inkompatibbli mal-protezzjoni tas-sigriet professjonali.
(ara l-punti 153, 155-157)
Il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni bis-saħħa tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 tikkostitwixxi bħala prinċipju, hekk kif jixhed l-Artikolu 30 tal-imsemmi regolament, l-aħħar stadju tal-proċedura amministrattiva li permezz tagħha l-Kummissjoni tikkonstata u trażżan il-ksur tal-Artikolu 81 KE. Bla ħsara għall-protezzjoni li għandha tingħata lill-informazzjoni kunfidenzjali li tinsab fil-fajls ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni, il-pubblikazzjoni minn din tal-aħħar ta’ verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ tali deċiżjonijiet, li tinkludi informazzjoni li ġiet ikkomunikata volontarjament lilha minn impriżi bil-għan li jibbenefikaw mill-programm ta’ klemenza, ma tistax titqies li ma għandhiex x’taqsam mal-għan li għalih din l-informazzjoni nġabret, fis-sens tal-Artikolu 28(1), tar-Regolament iċċitat iktar ’il fuq.
(ara l-punti 170, 172, 173)