This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62012FO0137
Sommarju tad-digriet
Sommarju tad-digriet
DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA
(It-Tielet Awla)
13 ta’ Diċembru 2013
Fabrice Van Oost et
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Promozzjoni — Proċedura ta’ ċertifikazzjoni 2010-2011 — Esklużjoni mil-lista ta’ uffiċjali ċċertifikati — Ftehim bonarju fuq inizjattiva tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku — Terminu għall-ilment — Ilment imressaq wara l-iskadenza tat-terminu — Kunċett ta’ żball skużabbli — Diliġenza rikjesta minn uffiċjal normalment informat — Informazzjoni miksuba permezz tat-telefon — Prova — Inammissibbiltà”
Suġġett:
Rikorsi, ippreżentati skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a, li permezz tagħhom, rispettivament fl-14 ta’ Novembru 2012, F. Van Oost, M. B. Ibarra de Diego u N. Theodoridis, u fis-16 ta’ Novembru 2012, M. Hotz, jitolbu, essenzjalment, l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-kumitat ta’ deliberazzjoni għall-proċedura ta’ ċertifikazzjoni 2010-2011 li huma ma jiġux inklużi fil-lista tal-kandidati li għaddew mill-eżamijiet kollha li saru wara l-programm ta’ formazzjoni “ċertifikazzjoni” organizzat fl-2010-2011, kif ukoll kumpens għad-danni allegatament subiti.
Deċiżjoni:
Il-Kawżi F‑137/12, F‑138/12 u F‑139/12 huma mħassra mir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Il-partijiet fil-Kawżi F‑137/12, F‑138/12 u F‑139/12 għandhom ibatu l-ispejjeż skont il-ftehim tagħhom. Ir-rikors fil-Kawża F‑141/12 huwa miċħud bħala inammissibbli. M. Hotz għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest tal-Kawża F‑141/12.
Sommarju
Rikorsi tal-uffiċjali – Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel – Termini – Dekadenza – Żball skużabbli – Kunċett – Indikazzjonijiet żbaljati mogħtija eventwalment bit-telefon mill-amministrazzjoni – Assenza ta’ effett
(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90(2) u 91(2); Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti tal-Awdituri, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, tal-Kumitat tar-Reġjuni u tal-Ombudsman 2002/620, Artikolu 4)
Il-kunċett ta’ żball skużabbli għandu jiġi interpretat b’mod ristrettiv u jikkonċerna biss ċirkustanzi eċċezzjonali, b’mod partikolari meta l-istituzzjonijiet ikunu adottaw aġir ta’ natura, tali li, waħdu jew b’mod determinanti, iwassal għal konfużjoni ammissibbli fil-moħħ tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal ta’ bona fide u li jkun eżerċita d-diliġenza kollha meħtieġa. Dan il-kunċett huwa applikabbli, b’analoġija mal-Artikolu 91(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, għat-termini ta’ dekadenza previsti għall-preżentata ta’ att jew ta’ dokument quddiem l-amministrazzjoni stess, inkluż ilment, fis-sens tal-Artikolu 90(2) tal-imsemmija regolamenti tal-persunal.
Uffiċjal ma jistax jipprevalixxi ruħu, sabiex jistabbilixxi l-eżistenza ta’ żball skużabbli, minn konverżazzjoni telefonika mal-amministrazzjoni li fiha jkun irċieva indikazzjonijiet żbaljati dwar l-Awtorità tal-Ħatra li magħha huwa jkun ippreżenta lment kontra deċiżjoni tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal. Fil-fatt, peress li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet applikabbli tad-Deċiżjoni 2002/620 li tistabbilixxi l-EPSO ma tippreżenta l-ebda diffikultà partikolari, hija l-persuna kkonċernata li għandha tagħti prova tad-diliġenza meħtieġa mill-uffiċjal normalment informat u, konsegwentement, li tinforma ruħha b’mod korrett dwar l-identità tal-awtorità kompetenti sabiex teżamina l-ilmenti.
(ara l-punti 25 sa 28 u 30)
Referenza:
Il-Qorti tal-Prim Istanza: 11 ta’ Novembru 2008, Speiser vs Il‑Parlament, T‑390/07, punt 33; 16 ta’ Settembru 2009, Boudova et vs Il‑Kummissjoni, T‑271/08 P, punt 72, u l-ġurisprudenza ċċitata
Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: l-1 ta’ April 2011, Doherty vs Il‑Kummissjoni, T‑468/10, punt 29
It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 10 ta’ Mejju 2011, Barthel et vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, F‑59/10, punt 28