This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62012CJ0527
Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja
Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja
Kawża C‑527/12
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern — Obbligu ta’ rkupru — Artikolu 108(2) TFUE — Regolament (KE) Nru 659/1999 — Artikolu 14(3) — Deċiżjoni tal-Kummissjoni — Miżuri li għandhom jiġu adottati mill-Istati Membri”
Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-11 ta’ Settembru 2014
Għajnuna mogħtija mill-Istati – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha – Obbligi tal-Istati Membri – Obbligi ta’ rkupru – Portata – Stabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti
(Artikolu 108(2) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 14(1))
Għajnuna mogħtija mill-Istati – Irkupru ta’ għajnuna illegali – Applikazzjoni tad-dritt nazzjonali – Kundizzjonijiet – Implementazzjoni ta’ proċedura li tiżgura eżekuzzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni – Evalwazzjoni skont iċ-ċirkustanzi tal-każ
(Artikolu 108(2) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 14(1))
Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna illegali – Eċċezzjonijiet tad-difiża – Impossibbiltà assoluta ta’ eżekuzzjoni – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Diffikultajiet ta’ eżekuzzjoni – Obbligu tal-Kummissjoni u tal-Istat Membru li jikkollaboraw fis-sejba ta’ soluzzjoni li tosserva t-Trattat
(Artikolu 4(3) TUE; Artikolu 108(2) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 14(3))
Ara t-test tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 37,42)
Id-dritt tal-Unjoni ma jeħtieġx li l-irkupru ta’ għajnuna illegali min-naħa ta’ awtorità nazzjonali kompetenti mingħand il-benefiċjarju jsir biss abbażi tad-deċiżjoni ta’ rkupru tal-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, l-Istat Membru kkonċernat huwa liberu li jagħżel il-metodi li bihom jeżegwixxi l-obbligu tiegħu ta’ rkupru ta’ għajnuna meqjusa inkompatibbli mas-suq intern, sakemm il-miżuri magħżula ma jipprekludux il-portata u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni.
Għalhekk, il-libertà tal-Istati Membri fir-rigward tal-għażla tal-metodi ta’ rkupru ta’ tali għajnuna hija limitata għaliex dawn il-metodi ma jistgħux iwasslu biex ikun prattikament impossibbli l-irkupru meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni. L-applikazzjoni tal-proċeduri nazzjonali hija suġġetta għall-kundizzjoni li dawn jippermettu l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, liema kundizzjoni tirrifletti r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ effettività. Konsegwentement, il-kwistjoni jekk l-Istat Membru kkonċernat, bl-għażla ta’ dawn il-metodi, issodisfax l-obbligi tiegħu ta’ rkupru ta’ għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern fir-rigward tar-rekwiżit ta’ effettività għandha tiġi evalwata każ b’każ, skont iċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ.
(ara l-punti 39-41, 43)
F’dak li jikkonċerna l-ġustifikazzjoni ta’ dewmien kunsiderevoli fl-irkupru ta’ għajnuna illegali, l-uniku motiv ta’ difiża li jista’ jiġi invokat minn Stat Membru kontra rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 108(2) TFUE huwa dak ibbażat fuq impossibbiltà assoluta li jeżegwixxi d-deċiżjoni inkwistjoni. Din l-impossibbiltà assoluta tista’ tkun ukoll ta’ natura legali meta din tkun tirriżulta mid-deċiżjonijiet adottati mill-qrati nazzjonali sakemm dawn id-deċiżjonijiet ikunu konformi mad-dritt tal-Unjoni.
B’hekk, fil-każ li jirriżulta li r-regoli tal-liġi ċivili nazzjonali ma jippermettux li jiġi żgurat l-irkupru effettiv tal-għajnuna kkontestata, jista’ jkun neċessarju, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ ikkunsidrat, li regola nazzjonali ma tiġix applikata u li jintużaw mezzi oħra, liema miżuri ma jistgħux jiġu esklużi għal raġunijiet relatati mas-sistema legali nazzjonali. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 4(3) TUE joħloq ukoll għall-qrati nazzjonali obbligu ta’ kooperazzjoni leali mal-Kummissjoni u mal-qrati tal-Unjoni, li fil-kuntest tagħha dawn għandhom jieħdu l-miżuri kollha ġenerali jew partikolari xierqa biex jiżguraw l-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni u għandhom iżommu lura milli jieħdu dawk il-miżuri li jistgħu jipperikolaw it-twettiq tal-għanijiet tat-Trattat.
Barra minn hekk, l-istħarriġ, mill-qorti nazzjonali, ta’ titolu eżekuttiv maħruġ għall-irkupru ta’ għajnuna illegali u l-eventwali annullament ta’ tali titolu għandhom jitqiesu bħala s-sempliċi emanazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.
(ara l-punti 45, 48, 49, 55, 56)