Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0427

    Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill

    Kawża C‑427/12

    Il-Kummissjoni Ewropea

    vs

    Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    “Rikors għal annullament — Għażla tal-bażi legali — Artikoli 290 TFUE u 291 TFUE — Att iddelegat u att ta’ implementazzjoni — Regolament (UE) Nru 528/2012 — Artikolu 80(1) — Prodotti bijoċidali — Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi — Stabbilimenti tad-drittijiet mill-Kummissjoni”

    Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-18 ta’ Marzu 2014

    1. Rikors għal annullament – Suġġett – Annullament parzjali – Kundizzjoni – Natura diviżibbli tad-dispożizzjonijiet ikkontestati

      (Artikolu 263 TFUE)

    2. Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Eżerċizzju tal-kompetenzi – Setgħa mogħtija lill-Kummissjoni sabiex tadotta atti ddelegati jew atti ta’ implementazzjoni – Setgħa diskrezzjonali tal-leġiżlatur tal-Unjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti – Setgħa ta’ implementazzjoni attribwita lill-Kummissjoni fir-rigward tad-drittijiet pagabbli lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi – Ammissibbiltà

      (Artikoli 290 TFUE u 291 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 528/2012, Artikolu 80(1))

    1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punti 16-19)

    2.  L-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 528/2012, dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali, jattribwixxi lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta regolament ta’ implementazzjoni, skont l-Artikolu 291(2) TFUE, dwar id-drittijiet pagabbli lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi li jkunu marbuta mad-diversi interventi magħmula minn din tal-aħħar fil-kuntest tal-implementazzjoni ta’ dan ir-regolament.

      Il-kunċett ta’ att ta’ implementazzjoni fis-sens tal-Artikolu 291 TFUE għandu jiġi evalwat fid-dawl ta’ dak ta’ att iddelegat, kif dan il-kunċett jirriżulta mill-Artikolu 290 TFUE.

      Meta, f’att leġiżlattiv, il-leġiżlatur tal-Unjoni jagħti lill-Kummissjoni setgħa ddelegata bis-saħħa tal-Artikolu 290(1) TFUE, din tal-aħħar tkun meħtieġa tadotta regoli li jikkompletaw jew jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan l-att. Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 290(1) TFUE, l-objettivi, il-kontenut, il-kamp ta’ applikazzjoni kif ukoll id-durata tad-delega ta’ setgħa għandhom jiġu ddefiniti espressament fl-att leġiżlattiv li jagħti tali delega. Dan ir-rekwiżit jimplika li l-attribuzzjoni ta’ setgħa ddelegata hija intiża għall-adozzjoni ta’ regoli li jagħmlu parti mill-qafas regolatorju kif iddefinit fl-att leġiżlattiv bażiku.

      Għall-kuntrarju, meta l-istess leġiżlatur jagħti setgħa ta’ implementazzjoni lill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 291(2) TFUE, din tal-aħħar tkun meħtieġa tispeċifika l-kontenut ta’ att leġiżlattiv sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni tiegħu f’kundizzjonijiet uniformi fl-Istati Membri kollha.

      Il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu marġni ta’ diskrezzjoni meta jiddeċiedi li jagħti lill-Kummissjoni setgħa ddelegata bis-saħħa tal-Artikolu 290(1) TFUE jew setgħa ta’ implementazzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 291(2) TFUE. Għaldaqstant, l-istħarriġ ġudizzjarju għandu jkun limitat għall-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-leġiżlatur setax raġonevolment jikkunsidra, minn naħa, li l-qafas legali stabbilit minnu fir-rigward tas-sistema ta’ drittijiet prevista fl-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 528/2012 jeħtieġ biss, sabiex jiġi implementat, li jiġi ppreċiżat, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi emendat jew ikkompletat fir-rigward ta’ elementi mhux essenzjali u, min-naħa l-oħra, li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 528/2012 dwar din is-sistema jeħtieġu kundizzjonijiet uniformi għall-implementazzjoni.

      Kemm il-prinċipju li fuqu hija bbażata s-sistema ta’ drittijiet u kemm il-kundizzjonijiet u l-kriterji li jirregolaw l-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħa mogħtija lilha bl-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 528/2012 ġew iddeterminati mil-leġiżlatur tal-Unjoni f’dan l-att leġiżlattiv. L-eżerċizzju tal-imsemmija setgħa jaqa’ għalhekk f’qafas normattiv stabbilit mill-att leġiżlattiv stess li la jista’ jiġi emendat u lanqas ikkompletat, mill-att ta’ implementazzjoni, fir-rigward ta’ elementi mhux essenzjali.

      Minn dan jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ raġonevolment jikkunsidra li l-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 528/2012 jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tispeċifika l-kontenut normattiv tal-imsemmi regolament, skont l-Artikolu 291(2) TFUE.

      Barra minn hekk, peress li s-sistema ta’ drittijiet prevista fl-Artikolu 80(1) tar-Regolament Nru 528/2012 tikkonċerna drittijiet pagabbli lil aġenzija tal-Unjoni, l-attribuzzjoni ta’ setgħa ta’ implementazzjoni lill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 291(2) TFUE tista’ titqies li hija raġonevoli sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implementazzjoni ta’ din is-sistema fl-Unjoni.

      (ara l-punti 32, 35, 38-40, 43, 46, 49, 52, 53)

    Top