EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011TJ0620

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) tal-4 ta’ Frar 2016.
GFKL Financial Services AG vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Għajnuna mill-Istat – Leġiżlazzjoni fiskali Ġermaniża dwar ir-riport ta’ telf għas-snin fiskali futuri (Sanierungsklausel) – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern – Rikors għal annullament – Interess individwali – Ammissibbiltà – Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat – Natura selettiva – Natura u struttura tas-sistema fiskali – Riżorsi pubbliċi – Obbligu ta’ motivazzjoni – Aspettattivi leġittimi.
Kawża T-620/11.

Court reports – general

Kawża T‑620/11

GFKL Financial Services AG

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat — Leġiżlazzjoni fiskali Ġermaniża dwar ir-riport ta’ telf għas-snin fiskali futuri (Sanierungsklausel) — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern — Rikors għal annullament — Interess individwali — Ammissibbiltà — Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat — Natura selettiva — Natura u struttura tas-sistema fiskali — Riżorsi pubbliċi — Obbligu ta’ motivazzjoni — Aspettattivi leġittimi”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) tal-4 ta’ Frar 2016

  1. Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Interess individwali ta’ att ta’ natura ġenerali — Kundizzjonijiet — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprojbixxi skema ta’ għajnuna settorjali — Rikors ta’ impriża li għandha dritt miksub sabiex twettaq ekonomija fiskali skont l-imsemmija skema — Ammissibbiltà

    (ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

  2. Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Interess ġuridiku — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern — Sospensjoni tal-applikazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali — Rikors ippreżentat minn benefiċjarju tal-imsemmija skema ta’ għajnuna — Ammissibbiltà

    (ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

  3. Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat

    (Artikolu 107 TFUE u Artikolu 296 TFUE)

  4. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Natura selettiva tal-miżura — Miżura ta’ eżenzjoni mit-taxxa — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Ġustifikazzjoni bbażata fuq in-natura jew l-istruttura ġenerali tas-sistema fiskali

    (Artikolu 107(1) TFUE)

  5. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Deċiżjoni tal-Kummissjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti — Evalwazzjoni tal-legalità skont informazzjoni disponibbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni — Motiv ibbażat fuq fatti li ma ġewx invokati fil-proċedura amministrattiva — Ammissibbiltà

    (Artikolu 108 TFUE u Artikolu 263 TFUE)

  6. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Natura selettiva tal-miżura — Miżura ta’ eżenzjoni mit-taxxa — Miżura fiskali li tippermetti riportar ta’ telf fil-każ ta’ akkwist ta’ impriża f’diffikultà għall-finijiet ta’ ristrutturazzjoni — Inklużjoni — Ġustifikazzjoni bbażata fuq in-natura jew l-istruttura ġenerali tas-sistema fiskali — Assenza

    (Artikolu 107 TFUE)

  7. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Għajnuna mir-riżorsi tal-Istat — Rinunzja, minn Stat Membru, għal dħul fiskali, li tippermetti lill-investituri jakkwistaw azzjonijiet f’ċerti impriżi b’kundizzjonijiet fiskali iktar vantaġġjużi — Inklużjoni

    (Artikolu 107(1) TFUE)

  8. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Irkupru ta’ għajnuna illegali — Għajnuna mogħtija bi ksur tar-regoli proċedurali tal-Artikolu 108 TFUE — Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi — Kamp ta’ applikazzjoni — Awtorità nazzjonali li kkomunikat informazzjoni vinkolanti li hija f’kontradizzjoni mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni — Assenza ta’ aspettattivi leġittimi min-naħa tal-benefiċjarji — Eżistenza ta’ miżuri allegatament simili fi Stati Membri oħrajn — Assenza ta’ rilevanza

    (Artikolu 108 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, it-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1))

  1.  Bħala regola, impriża ma tistax tkun intitolata tippreżenta rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprojbixxi skema ta’ għajnuna settorjali jekk tkun ikkonċernata minn din id‑deċiżjoni biss minħabba li tagħmel parti mis-settur inkwistjoni u minħabba l-kwalità tagħha ta’ benefiċjarja potenzjali tal-imsemmija skema. Mill-banda l-oħra, meta din id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tolqot grupp ta’ persuni li kienu identifikati jew setgħu jiġu identifikati fil-mument meta ttieħed dan l-att u abbażi ta’ kriterji partikolari għall-membri ta’ dan il-grupp, dawn il‑persuni jistgħu jkunu kkonċernati individwalment minn dan l-att minħabba li jagħmlu parti minn grupp limitat ta’ operaturi ekonomiċi.

    Għaldaqstant, impriża li għandha dritt miksub sabiex twettaq ekonomija fiskali b’applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, ikklassifikata bħala għajnuna mill-Istat mid-deċiżjoni li tipprojbixxi l-iskema ta’ għajnuna settorjali, għandha tkun ikkunsidrata bħala li tifforma parti minn ċirku magħluq ta’ operaturi ekonomiċi, li kienu identifikati, jew tal-inqas faċilment identifikabbli fil-mument tal‑adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fis-sens tas-sentenza tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62. Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata bil-fatt li, wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali u mbagħad tad-deċiżjoni li tipprojbixxi l-iskema ta’ għajnuna settorjali, l-awtoritajiet nazzjonali adottaw miżuri intiżi sabiex il-klawżola ta’ ristrutturazzjoni ma tkunx applikata.

    Barra minn hekk, l-elementi li fuqhom il-ġurisprudenza tibbaża l-interess individwali fis-sens tar-raba’ paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE ma jaqblux neċessarjament mal-elementi li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis‑sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

    (ara l-punti 55, 56, 64, 65, 70, 71)

  2.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 76-80)

  3.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 86-97)

  4.  Il-klassifikazzjoni ta’ miżura fiskali nazzjonali bħala “selettiva” tippreżumi, l-ewwel nett, l-identifikazzjoni u l-eżami minn qabel tas‑sistema fiskali komuni jew “normali” applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat. Huwa fil-konfront ta’ din is‑sistema fiskali komuni jew “normali” li għandha, it-tieni nett, tiġi evalwata u stabbilita n-natura eventwalment selettiva tal-vantaġġ mogħti mill-miżura fiskali inkwistjoni, u dan filwaqt li jintwera li din il‑miżura tidderoga mis-sistema komuni msemmija sa fejn tiddistingwi bejn operaturi li, fid-dawl tal-għan segwit mill-imsemmija sistema, ikunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli, li huwa l-obbligu tal-Kummissjoni li turi dan. Wara dawn iż-żewġ stadji ta’ eżami, miżura tista’ tikklassifika bħala selettiva prima facie.

    Madankollu, miżura ma tissodisfax dan il-kundizzjoni ta’ selettività, jekk għalkemm tikkostitwixxi vantaġġ għal benefiċjarju, hija ġġustifikata min-natura jew mill-istruttura ġenerali tas-sistema li tagħmel parti minnha, ħaġa li għandha tiġi ppruvata mill‑Istat Membru kkonċernat. Wara dan l-eventwali tielet stadju, miżura hija kklassifikata bħala selettiva.

    Għal dak li jirrigwarda l-ġustifikazzjoni ta’ miżura fiskali nazzjonali min-natura jew mill-istruttura ġenerali tas-sistema fiskali, għandha issir distinzjoni bejn, minn naħa, l-għanijiet mogħtija lil sistema fiskali partikolari u li huma esterni għaliha, u min-naħa l-oħra, il-mekkaniżmi inerenti għas-sistema fiskali nnifisha li huma meħtieġa sabiex jintlaħqu tali għanijiet, peress li dawn l-għanijiet u mekkaniżmi, bħala prinċipji fundamentali jew gwida tas-sistema fiskali inkwistjoni, jistgħu jwasslu għal tali ġustifikazzjoni.

    (ara l-punti 100-102, 153)

  5.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punt 110)

  6.  Miżura ta’ eżenzjoni fiskali li, bħala eċċezzjoni għal regola li tillimita l-possibbiltà ta’ riportar ta’ telf għal każ tal-akkwist ta’ 25 % jew iktar tal-azzjonijiet tal-kumpanniji, tippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, riportar ta’ telf meta l-akkwist ta’ impriża f’diffikultà tkun saret għall-finijiet ta’ ristrutturazzjoni hija selettiva prima facie peress li hija ma tkoprix l-impriżi kollha li l-azzjonisti tagħhom inbidlu b’mod sostanzjali, iżda tapplika għal kategorija partikolari ta’ impriżi, jiġifieri l-impriżi li, fil-mument tal-akkwist huma insolventi jew fi stat ta’ dejn eċċessiv jew mhedda li jsiru hekk. Din il-miżura, li uħud mill-kundizzjonijiet tagħha ma humiex marbuta mal-għan li jiġi evitat l-abbuż u li ma tkoprix l-impriżi kollha li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli fir-rigward tal-għan tas-sistema fiskali inkwistjoni, għandha l-effett li tiffavorixxi l-impriżi f’diffikultà. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta kkunsidrat li l-imsemmija miżura kienet tagħmel distinzjoni bejn operaturi li jinsabu, fid-dawl tal-għan mogħti lis-sistema fiskali, f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli.

    Din il-miżura fiskali lanqas ma hija ġġustifikata min-natura jew mill-istruttura ġenerali tas-sistema fiskali peress li l-għan tagħha prinċipali li tiffaċilita r-ristrutturazzjoni tal-impriżi f’diffikultà ma jaqax fil-prinċipji fundamentali jew gwida tas-sistema fiskali, u għalhekk ma huwiex intrinsiku, iżda estrinsiku għaliha, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi vverifikat jekk il-miżura kkontestata hijiex proporzjonata mal-għan li għandu jintlaħaq.

    (ara l-punti 138, 139, 141, 142, 159, 160)

  7.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 175-183)

  8.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

    (ara l-punti 186-192)

Top