Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011TJ0538

    Il-Belġju vs Il-Kummissjoni

    Kawża T‑538/11

    Ir-Renju tal-Belġju

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea

    “Għajnuna mill-Istat — Saħħa pubblika — Għajnuna mogħtija għall-finanzjament ta’ testijiet għall-iscreening tal-enċefalopatiji sponġiformi trażmissibbli (EST) fl-annimali tal-ifrat — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna parzjalment kompatibbli u parzjalment inkompatibbli mas-suq intern — Rikors għal annullament — Att li jikkawża preġudizzju — Ammissibbiltà — Kunċett ta’ vantaġġ — Kunċett ta’ selettività”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tal-25 ta’ Marzu 2015

    1. Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Kunċett – Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti – Deċiżjoni li tikklassifika miżura nnotifikata bħala għajnuna mill-Istat u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern – Inklużjoni

      (Artikoli 107(1) u (3) TFUE, 108 TFUE u 263 TFUE)

    2. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Intervent tal-Istat f’oqsma li ma kinux is-suġġett ta’ armonizzazzjoni fl-Unjoni Ewropea – Inklużjoni

      (Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE)

    3. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Intervent mill-Istat li jtaffi l-ispejjeż li normalment huma ta’ piż għall-baġit ta’ impriża – Spejjeż li jirriżultaw mill-osservanza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali – Spiża tal-kontrolli obbligatorji li jirrigwardaw il-produzzjoni jew il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti – Inklużjoni – Spejjeż marbuta mal-eżerċizzju mill-Istat tal-prerogattivi tiegħu ta’ awtorità pubblika – Assenza ta’ effett – Prinċipju ta’ min iniġġeż iħallas – Assenza ta’ effett

      (Artikolu 107(1) TFUE)

    4. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Għoti ta’ vantaġġ lill-benefiċjarji – Għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika – Assenza ta’ effett fuq il-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala għajnuna

      (Artikolu 107(1) TFUE)

    5. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura selettiva tal-miżura – Differenzazzjoni bejn impriżi li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli – Miżura li tivvantaġġa l-operaturi ta’ sussidjarja waħda bl-esklużjoni ta’ oħrajn – Ġustifikazzjoni bbażata fuq in-natura u l-istruttura tas-sistema ta’ spejjeż inkwistjoni – Assenza

      (Artikolu 107(1) TFUE)

    6. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura selettiva tal-miżura – Għoti ta’ vantaġġ lill-benefiċjarji – Evalwazzjoni b’paragun ma’ impriżi oħra tal-istess Stat Membru u mhux ma’ impriżi ta’ Stati Membri oħra

      (Artikolu 107(1) TFUE)

    7. Rikors għal annullament – Suġġett – Deċiżjoni bbażata fuq diversi raġunijiet, li kollha huma suffiċjenti sabiex id-dispożittiv ikun ibbażat fuqhom – Deċiżjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat – Motivi dwar żball jew dwar illegalità oħra li jaffettwaw biss waħda mir-raġunijiet – Motiv ineffettiv sabiex iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni

      (Artikolu 263 TFUE)

    8. Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati – Rekwiżiti analogi għall-ilmenti invokati insostenn ta’ motiv

      (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1))

    1.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punti 47-49, 53)

    2.  Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, l-interventi tal-Istati Membri fl-oqsma li ma kinux is-suġġett ta’ armonizzazzjoni fl-Unjoni Ewropea ma humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-kontroll ta’ għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, ammissjoni kuntrarja tirrendi, neċessarjament, ineffettivi d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE.

      (ara l-punti 65, 67)

    3.  Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-kunċett ta’ spejjeż li normalment huma ta’ piż għall-baġit ta’ impriża jinkludi, b’mod partikolari, l-ispejjeż supplimentari li l-impriżi għandhom ibatu minħabba obbligi legali, regolamentari jew kuntrattwali li japplikaw għal attività ekonomika, bħall-ispejjeż tal-kontrolli li jirrigwardaw il-produzzjoni jew il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti.

      Barra minn hekk, il-kunċett ta’ spejjeż li normalment huma ta’ piż għall-baġit ta’ impriża ma huwiex limitat għall-ispejjeż li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ min iniġġeż iħallas. Il-fatt li l-imsemmi prinċipju ma huwiex applikabbli, anki jekk jiġi preżunt li dan huwa minnu, ma jistax jinvalida din il-konklużjoni.

      F’kull każ, il-fatt li leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi li l-impriżi għandhom ibatu ċertu spejjeż, li għalhekk ikunu marbuta neċessarjament mal-eżerċizzju mill-Istat Membru kkonċernat tal-prerogattivi tiegħu ta’ awtorità pubblika, ma jipprekludix li tali spejjeż jiġu kklassifikati bħala spejjeż li normalment huma ta’ piż għall-baġit ta’ impriża.

      (ara l-punti 76, 77, 85, 96, 104, 105)

    4.  L-Artikolu 107 TFUE ma jagħmilx distinzjoni skont ir-raġunijiet jew l-għanijiet tal-interventi inkwistjoni, iżda jiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom. Għaldaqstant, l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika mfittex mill-miżura inkwistjoni, jekk jiġi preżunt korrett, ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi eskluża l-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat stabbilita minn deċiżjoni tal-Kummissjoni.

      (ara l-punti 80, 81)

    5.  Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, in-natura selettiva ta’ miżura, li tintroduċi distinzjoni bejn impriżi fil-qasam tal-ispejjeż, minn naħa, hija stabbilita validament meta l-Kummissjoni tikkonstata li l-operaturi ta’ sussidjarja speċifika jibbenefikaw minn vantaġġ li ma huwiex disponibbli għall-impriżi ta’ setturi oħra, peress li huma jibbenefikaw mill-fatt li l-kontrolli li huma għandhom iwettqu b’mod obbligatorju qabel it-tqegħid fis-suq jew il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tagħhom huma b’xejn, filwaqt li l-impriżi ta’ setturi oħra ma għandhomx din il-possibbiltà.

      Min-naħa l-oħra, in-natura selettiva ta’ miżura għandha tiġi evalwata fil-konfront tat-totalità tal-impriżi, u mhux fil-konfront tal-impriżi benefiċjarji tal-istess vantaġġ ġewwa l-istess grupp.

      Fl-aħħar nett, il-fatt li l-benefiċjarji tal-għajnuna għandhom ibatu spejjeż li l-impriżi ta’ setturi oħra ma għandhomx ibatu, jekk jiġi preżunt korrett, huwa insuffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li d-distinzjoni bejn impriżi fil-qasam tal-ispejjeż hija ġġustifikata min-natura u mill-istruttura tas-sistema ta’ spejjeż inkwistjoni.

      (ara l-punti 103, 110, 111, 114-116)

    6.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punt 124)

    7.  Peress li, anki fl-assenza ta’ kunsiderazzjoni żbaljata dwar in-natura selettiva ta’ miżura ta’ għajnuna mill-Istat, il-motivi l-oħra ta’ deċiżjoni jiġġustifikaw il-konklużjoni li tgħid li din il-miżura hija selettiva, l-iżball imwettaq mill-Kummissjoni ma jqiegħedx inkwistjoni l-legalità tad-deċiżjoni tagħha.

      (ara l-punt 126)

    8.  Ara t-test tad-deċiżjoni.

      (ara l-punt 131)

    Top