Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011TJ0496

    Ir-Renju Unit vs BĊE

    Kawża T‑496/11

    Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

    vs

    Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

    “Politika ekonomika u monetarja — BĊE — Rikors għal annullament — Qafas ta’ sorveljanza tal-Eurosistema — Att li jista’ jiġi kkontestat — Ammissibbiltà — Sorveljanza tas-sistemi ta’ ħlas u ta’ regolarizzazzjoni ta’ titoli — Rekwiżit ta’ lokalizzazzjoni fi Stat Membru tal-Eurosistema applikat għas-sistemi ta’ clearing minn kontroparti ċentrali — Kompetenza tal-BĊE”

    Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tal-4 ta’ Marzu 2015

    1. Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Atti intiżi li joħolqu effetti ġuridiċi – Qafas ta’ sorveljanza ppubblikat mill-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi rekwiżit ta’ lokalizzazzjoni ta’ kontropartijiet ċentrali intiżi għall-clearance ta’ operazzjonijiet fuq titoli finanzjarji – Inklużjoni

      (Artikolu 263 TFUE)

    2. Rikors għal annullament – Rikors ippreżentat kontra att konfermattiv ta’ att preċedenti li ma ġiex ikkontestat fit-terminu – Inammissibbiltà – Kunċett ta’ att konfermattiv – Att li jemenda dispożizzjoni ta’ att preċedenti – Esklużjoni

      (Artikolu 263 TFUE)

    3. Rikors għal annullament – Rikors tal-Istati Membri – Rikors ippreżentat kontra att tal-Bank Ċentrali Ewropew – Ammissibbiltà mhux suġġetta għall-prova ta’ interess ġuridiku – Nuqqas ta’ parteċipazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat f’ċerti aspetti tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja – Assenza ta’ effett

      (It-tieni u r-raba’ paragrafi tal-Artikolu 263 TFUE; Protokolli Nru 4 u Nru 15 annessi mat-Trattati UE u FUE)

    4. Bank Ċentrali Ewropew – Kompetenzi tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali – Promozzjoni tal-funzjonament tajjeb tas-sistemi ta’ ħlas – Adozzjoni ta’ qafas ta’ sorveljanza fir-rigward tas-sistemi ta’ clearance ta’ titoli – Esklużjoni

      (Artikolu 127(2) TFUE; Protokoll Nru 4 anness mat-Trattati UE u FUE, Artikolu 22)

    5. Unjoni Ewropea – Kompetenzi ta’ attribuzzjoni – Attribuzzjoni impliċita – Kundizzjonijiet – Kompetenza impliċita tal-Bank Ċentrali Ewropew sabiex jirregola sistemi ta’ clearance ta’ titoli – Assenza

      (Artikoli 13(2) TUE u 48 TUE; Artikolu 129(3) TFUE; Protokoll Nru 4 anness mat-Trattati UE u FUE, Artikolu 22)

    1.  Jikkostitwixxi att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE qafas ta’ sorveljanza tal-Eurosistema, ippubblikat mill-Bank Ċentrali Ewropew, li jiffissa politika ta’ lokalizzazzjoni applikabbli għall-kontropartijiet ċentrali stabbiliti fi Stati Membri li ma jifformawx parti mill-Eurosistema.

      Fil-fatt, il-kapaċità ta’ att li jipproduċi effetti legali u, għaldaqstant, li jkun suġġett għal rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE timplika eżami tal-kliem u tal-kuntest tiegħu, tas-sustanza tiegħu u kif ukoll tal-intenzjoni tal-awtur tiegħu. Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kliem u tal-kuntest tal-att ikkontestat dan l-eżami jippermetti l-evalwazzjoni tal-perċezzjoni li l-partijiet interessati seta’ raġonevolment kellhom tiegħu. F’dan ir-rigward, it-test tal-qafas ta’ sorveljanza, dwar il-lokalizzazzjoni tal-kontropartijiet ċentrali intiżi għall-clearing ta’ operazzjonijiet li jirrigwardaw titoli, li ġie ppubblikat barra mill-isfera interna tal-Bank Ċentrali Ewropew, juża formulazzjoni ta’ natura mandatorja u huwa ta’ natura partikolarment preċiża, b’mod li jiffaċilita l-applikazzjoni tieghu. Bl-istess mod, sa fejn l-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri taż-żona euro jistgħu jikkonkludu li dawn huma marbuta jiżguraw l-osservanza tar-rekwiżit ta’ lokalizzazzjoni li jinsab fil-qafas ta’ sorveljanza, kontroparti ċentrali li ma tosservax il-kriterji li jidhru fl-imsemmi qafas tista’ tiġi mċaħħda mill-aċċess għall-atturi l-oħra involuti fil-katina tal-ipproċessar tal-operazzjonijiet fuq titoli.

      Fit-tieni lok, fir-rigward tas-sustanza tal-qafas ta’ sorveljanza, il-formulazzjoni ta’ rekwiżit ta’ lokalizzazzjoni fi ħdan iż-żona euro fir-rigward tal-kontropartijiet ċentrali li l-attività tagħhom taqbeż il-limiti li huwa jispeċifika hija ekwivalenti għal żieda ta’ regola ġdida fl-ordinament ġuridiku, peress li tali rekwiżit ma jidher f’ebda dispożizzjoni legali li kienet diġà teżisti. Fit-tielet lok, fir-rigward tal-intenzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew meta adotta l-qafas ta’ sorveljanza, dan il-qafas huwa intiż sabiex jimponi l-osservanza ta’ rekwiżit ta’ lokalizzazzjoni għall-kontropartijiet ċentrali li l-attività tagħhom taqbeż il-limiti li huwa jiffissa u, għaldaqstant, fl-assenza ta’ indizji kuntrarji fit-test tiegħu, jikkostitwixxi l-pożizzjoni definittiva tal-Bank.

      (ara l-punti 31, 32, 34, 37, 39, 45, 48, 50, 51, 53, 54)

    2.  Rikors għal annullament ippreżentat kontra deċiżjoni purament konfermattiva ta’ deċiżjoni preċedenti li ma ġietx ikkontestata fit-terminu huwa inammissibbli. Madankollu, deċiżjoni hija purament konfermattiva fir-rigward ta’ deċiżjoni preċedenti meta ma jkollha ebda element ġdid meta mqabbla ma’ att preċedenti u ma tkunx ġiet ippreċeduta minn eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tad-destinatarju ta’ dan l-att preċedenti. F’dan ir-rigward, meta dispożizzjoni ta’ regolament tiġi emendata, it-terminu għal rikors jinbeda mill-ġdid, mhux biss kontra d-dispożizzjoni emendata, iżda wkoll kontra dawk kollha li, anki jekk mhux emendati, jifformaw ħaġa waħda magħha.

      B’hekk, fir-rigward ta’ rikors ippreżentat kontra qafas ta’ sorveljanza, ippubblikat mill-Bank Ċentrali Ewropew, li jiffissa politika ta’ lokalizzazzjoni applikabbli għall-kontropartijiet ċentrali stabbiliti fi Stati Membri li ma jifformawx parti mill-Eurosistema, il-fatt li l-Bank seta’ jesprimi f’atti preċedenti l-prinċipju ta’ politika ta’ lokalizzazzjoni li seta’ japplika għall-kontropartijiet ċentrali ma jimplikax li l-klassifikazzjoni ta’ att konfermattiv għandha tiġi applikata għall-qafas ta’ sorveljanza, peress li l-politika ta’ lokalizzazzjoni inkwistjoni tidher fih f’forma modifikata.

      (ara l-punti 59-62)

    3.  Fil-kwalità tiegħu ta’ Stat Membru, ir-Renju Unit għandu locus standi sabiex jaġixxi kontra atti tal-Bank Ċentrali Ewropew fuq il-bażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, mingħajr ma huwa suġġett għall-kundizzjonijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Barra minn hekk, minkejja li, skont il-Protokoll Nru 15 tat-Trattat FUE, ċerti dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u tal-Protokoll dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew ma japplikawx għar-Renju Unit, dan tal-aħħar jibqagħlu d-dritt li jippreżenta rikors sabiex il-qorti tal-Unjoni tivverifika jekk l-istess bank qabiżx il-kompetenzi tiegħu.

      (ara l-punti 73, 75)

    4.  Il-Bank Ċentrali Ewropew ma għandux il-kompetenza neċessarja sabiex jirregola l-attività tas-sistemi ta’ clearing ta’ titoli, b’tali mod li qafas ta’ sorveljanza li jimponi fuq il-kontropartijiet ċentrali li jintervjenu fil-clearing ta’ titoli finanzjarji rekwiżit ta’ lokalizzazzjoni fi ħdan iż-żona euro, għandu jiġi annullat minħabba nuqqas ta’ kompetenza.

      L-Artikolu 22 tal-Protokoll dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew jipprevedi li l-Bank jista’ jagħmel regolamenti, sabiex jiżgura li s-sistemi ta’ clearing u ħlas fi ħdan l-Unjoni u ma’ pajjiżi oħra jkunu effiċjenti u validi, u din is-setgħa hija wieħed mill-mezzi disponibbli għall-Bank sabiex iwettaq il-ħidma li l-Artikolu 127(2) TFUE jagħti lill-Eurosistema sabiex tippromwovi l-funzjonament tajjeb tas-sistemi ta’ ħlas. Madankollu, sistema ta’ ħlas fis-sisens tal-imsemmi Artikolu 127(2) TFUE taqa’ taħt il-qasam tat-trasferiment ta’ fondi. Għaldaqstant, minkejja li tali definizzjoni tista’ tinkludi l-komponent “likwidità” tal-operazzjonijiet ta’ clearing, dan ma huwiex il-każ fir-rigward tal-komponent “titoli” tal-operazzjonijiet ta’ clearing ta’ kontroparti ċentrali, ta’ tali titoli, jekk dawn jistgħu jiġu evalwati bħala li jikkostitwixxu s-suġġett ta’ tranżazzjoni li twassal għal trasferiment ta’ fondi, li madankollu ma jikkostitwixxux, fihom infushom, ħlas. Konklużjoni simili għandha ssir wkoll fir-rigward tal-espressjoni “sistemi ta’ clearing u ħlas” użata fl-Artikolu 22 tal-Istatuti.

      Minn dan jirriżulta neċessarjament li l-possibbiltà mogħtija mill-istess Artikolu 22 lill-Bank Ċentrali Ewropew li jadotta regolamenti għandha titqies li hija limitata biss għas-sistemi ta’ clearing ta’ ħlas. Konsegwentement, fl-assenza ta’ riferiment espliċitu għall-clearing ta’ titoli fl-Artikolu 22 tal-Istatuti, l-għażla tal-espressjoni “sistema ta’ clearing u ħlas” hija intiża sabiex tenfasizza li l-Bank għandu l-kompetenza jadotta regolamenti sabiex jiżgura l-effikaċità u s-sigurtà tas-sistemi ta’ ħlas, inklużi dawk li jinkludu fażi ta’ clearing, iktar milli sabiex tagħtih kompetenza regolatorja awtonoma fir-rigward tas-sistemi ta’ clearing kollha.

      (ara l-punti 88, 89, 97-101, 110)

    5.  Meta artikolu tat-Trattat jassenja lil istituzzjoni ħidma speċifika, għandu jiġi aċċettat, għax fin-nuqqas tali dispożizzjoni titlef kull effett utli, li dan ikun qiegħed neċessarjament jgħaddilha, bl-istess dispożizzjoni, is-setgħat indispensabbli sabiex twettaq din il-ħidma. Madankollu, l-eżistenza ta’ setgħa regolatorja impliċita, li tikkostitwixxi deroga mill-prinċipju ta’ attribuzzjoni stipulat fl-Artikolu 13(2) TUE, għandha tiġi evalwata b’mod strett. Huwa biss eċċezzjonalment li tali setgħat impliċiti huma rrikonoxxuti mill-ġurisprudenza u, sabiex jiġu hekk irrikonoxxuti, dawn għandhom ikunu neċessarji sabiex jiġi żgurat l-effett utli tad-dispożizzjonijiet tat-trattat jew tar-regolament ta’ bażi kkonċernat.

      F’dan ir-rigward, jekk huwa veru li hemm rabtiet mill-qrib ħafna bejn is-sistemi ta’ ħlas u s-sistemi ta’ clearing ta’ titoli u li perturbazzjonijiet li jaffettwaw l-infrastrutturi ta’ clearing ta’ titoli jista’ jkollhom effett fuq is-sistemi ta’ ħlas u b’hekk jaffettwaw il-funzjonament tajjeb tagħhom, l-eżistenza ta’ dawn ir-rabtiet ma tistax, madankollu, tkun suffiċjenti sabiex tiġġustifika r-rikonoxximent għall-Bank Ċentrali Ewropew ta’ setgħat impliċiti ta’ regolarizzazzjoni tas-sistemi ta’ clearing ta’ titoli, ladarba t-Trattat FUE jipprevedi espliċitament il-possibbiltà li tali setgħat jingħatawi lill-Bank. Issa, l-Artikolu 129(3) TFUE jipprevedi mekkaniżmu għal emendi simplifikat, derogatorju għal dak tal-Artikolu 48 TUE, fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Istatuti tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, fosthom l-Artikolu 22 ta’ dawn tal-aħħar.

      (ara l-punti 104-108)

    Top