Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011TJ0108

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali ta’ 04 Diċembru 2013.
    Appell — Servizz pubbliku — Membri tal-persunal temporanju — Kuntratt għal żmien indeterminat — Deċiżjoni ta’ rexissjoni — Ġurisdizzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku — Artikoli 2 u 47 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg — Dmir ta’ premura — Kunċett ta’ interess tas-servizz — Projbizzjoni li tiddeċiedi ultra petita — Drittijiet tad-difiża.
    Kawża T-108/11 P.

    Court reports – Reports of Staff Cases

    SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

    4 ta’ Diċembru 2013

    Kawża T‑108/11 P

    Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (ETF)

    vs

    Gustave Michel

    “Appell — Servizz pubbliku — Membri tal-persunal temporanju — Kuntratt għal żmien indeterminat — Deċiżjoni ta’ rexissjoni — Ġurisdizzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku — Artikoli 2 u 47 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg — Dmir ta’ premura — Kunċett ta’ interess tas-servizz — Projbizzjoni li tiddeċiedi ultra petita — Drittijiet tad-difiża”

    Suġġett:

    Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla), tad-9 ta’ Diċembru 2010, Vandeuren vs ETF (F‑88/08), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

    Deċiżjoni:

    Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla), tad-9 ta’ Diċembru 2010, Vandeuren vs ETF (F‑88/08), hija annullata sa fejn din annullat id-deċiżjoni tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (ETF), tat-23 ta’ Ottubru 2007, li tirrexindi l-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien indeterminat ta’ Monique Vandeuren u ċaħdet, konsegwentement, it-talba tagħha għall-kumpens tad-dannu materjali subit bħala prematura. Il-kumplament tal-appell huwa miċħud. Il-kawża hija mibgħuta lura lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. L-ispejjeż huma rriżervati.

    Sommarju

    1. Rikors għal annullament—Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni—Portata—Projbizzjoni li tiddeċiedi ultra petita—Obbligu li jiġi osservat il-kuntest tat-tilwima kif iddefinit mill-partijiet—Obbligu li tingħata deċiżjoni biss fuq l-argumenti invokati mill-partijiet—Assenza

    2. Uffiċjali—Membri tal-persunal temporanju—Rexissjoni ta’ kuntratt għal żmien indeterminat—Tnaqqis tal-portata tal-attivitajiet ta’ aġenzija tal-Unjoni—Obbligu impost mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li tiġi eżaminata l-possibbiltà li l-membru tal-persunal ikkonċernat jiġi assenjat mill-ġdid—Obbligu mhux previst mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra

      (Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikoli 2(a) u 47(c)(i))

    3. Uffiċjali—Membri tal-persunal temporanju—Rexissjoni ta’ kuntratt għal żmien indeterminat—Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni—Dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni—Teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi tal-membru tal-persunal ikkonċernat u tas-servizz

      (Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikoli 2 u 47(c)(i))

    1.  Sa fejn il-qorti tal-Unjoni adita b’rikors għal annullament ma tistax tiddeċiedi ultra petita, din ma hijiex awtorizzata tiddefinixxi mill-ġdid is-suġġett prinċipali tar-rikors, u lanqas ma hija awtorizzata tinvoka motiv ex officio barra fil-każijiet partikolari fejn l-interess pubbliku jeħtieġ l-intervent tagħha. Fil-kuntest tat-tilwima ddefinita mill-partijiet, il-qorti tal-Unjoni, filwaqt li għandha biss tiddeċiedi dwar it-talba tal-partijiet, ma tistax tkun marbuta bl-argumenti biss invokati minnhom insostenn tat-talbiet tagħhom, għaliex inkella tkun kostretta, jekk ikun il-każ, tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq kunsiderazzjonijiet legali żbaljati.

      (ara l-punti 42 u 51)

      Referenza:

      Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 5 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Roodhuijzen, T‑58/08 P, Ġabra p. II‑3797, punti 34 u 35, u l-ġurisprudenza ċċitata

    2.  Billi indika li l-awtorità kompetenti kellha teżamina, qabel it-tkeċċija, skont l-Artikolu 47(c)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, ta’ membru tal-persunal irreklutat abbażi ta’ kuntratt għal żmien indeterminat, jekk l-imsemmi membru tal-persunal setax jiġi assenjat mill-ġdid f’pożizzjoni oħra eżistenti jew li għandha tinħoloq fil-qrib, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku impona fir-rigward tal-imsemmija awtorità obbligu li ma kienx previst mill-imsemmija Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra.

      Ċertament, l-istabbiltà ta’ impjieg tal-kuntratti għal żmien indeterminat tikkostitwixxi element maġġuri tal-protezzjoni tal-ħaddiema kkonċernati, anki jekk din, fiha nfisha, ma tikkostitwixxix prinċipju ġenerali ta’ dritt.

      Madankollu, l-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg imsemmija iktar ’il fuq jipprevedi li għandu jitqies bħala membru tal-persunal temporanju l-membru tal-persunal irreklutat bl-għan li jokkupa impjieg li jkun ingħatatlu natura temporanja filwaqt li r-Regolamenti tal-Persunal jagħtu lill-uffiċjali stabbiltà ikbar ta’ impjieg, peress li l-ipoteżijiet ta’ tmiem definittiv tal-funzjonijiet kontra r-rieda tal-persuna kkonċernata huma rregolati b’mod strett.

      Anki jekk il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat jiddistingwu ruħhom, mill-perspettiva tas-sigurtà tal-impjieg, mill-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, ma jistax jinċaħad li l-membri tal-persunal tas-servizz pubbliku tal-Unjoni rreklutati abbażi ta’ kuntratt għal żmien indeterminat ma jistgħux jinjoraw in-natura temporanja tar-reklutaġġ tagħhom u l-fatt li dan ma jagħtix garanzija ta’ impjieg.

      Permezz tal-obbligu ta’ eżami minn qabel tal-possibbiltà ta’ assenjazzjoni mill-ġdid iddefinita mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, dan tal-aħħar biddel in-natura tal-impjieg ta’ membru tal-persunal temporanju kif inhi ddefinita mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra.

      (ara l-punti 82 sa 85 u 89)

      Referenza:

      Il-Qorti tal-Ġustizzja: 22 ta’ Novembru 2005, Mangold, C‑144/04, Ġabra p. I‑9981, punt 64

    3.  Anki jekk l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa fl-applikazzjoni tal-Artikolu 47(c)(i) tal-Kondizzjonijet tal-impjieg ta’ impjegati oħra sabiex jiġi ddeterminat jekk ċirkustanza jew fatt partikolari jiġġustifikax it-tkeċċija ta’ membru tal-persunal b’kuntratt għal żmien indeterminat, l-awtorità kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-interess tas-servizz, iżda wkoll, sabiex tissodisfa d-dmir ta’ premura tagħha, l-interess tal-membru tal-persunal ikkonċernat. F’dan ir-rigward, minkejja li huwa minnu li l-awtorità kompetenti għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-evalwazzjoni tal-interess tas-servizz u li, għaldaqstant, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għall-kwistjoni ta’ jekk l-awtorità kkonċernata żammitx ruħha ma’ limiti raġonevoli u ta’ jekk għamlitx użu mis-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod manifestament żbaljat, meta hija tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni ta’ membru tal-persunal, id-dmir ta’ premura, li jirrifletti l-bilanċ tad-drittijiet u tal-obbligi reċiproċi bejn l-awtorità pubblika u l-membri tal-persunal tagħha, jimponi li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha, u b’mod partikolari, l-interess tal-membru tal-persunal ikkonċernat.

      Madankollu, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ta’ deċiżjoni ta’ rexissjoni ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien indeterminat, billi ibbilanċja l-interess tas-servizz u l-interess tal-membru tal-persunal ikkonċernat biss wara li ddefinixxa minn qabel l-obbligu għall-awtorità kompetenti ta’ eżami minn qabel tal-possibbiltà ta’ assenjazzjoni mill-ġdid ta’ dan tal-aħħar u billi indika li kien waqt it-twettiq ta’ dan l-eżami li kellu jiġi bbilanċjat l-interess tas-servizz, li kien jitlob li tiġi rreklutata l-persuna l-iktar adattata għall-pożizzjoni eżistenti jew li għandha tinħoloq fil-qrib, u dak tal-membru tal-persunal, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma ħax inkunsiderazzjoni l-interess tas-servizz meta huwa stabbilixxa l-prinċipju li jgħid li t-tnaqqis tal-portata tal-attivitajiet ta’ aġenzija ma kienx jikkostitwixxi raġuni valida ta’ tkeċċija ħlief jekk l-imsemmija aġenzija ma kellhiex pożizzjoni li fiha seta’ jiġi assenjat mil-ġdid il-membru tal-persunal ikkonċernat.

      Madankollu, l-eżistenza ta’ proċeduri interni ta’ għażla partikolari għall-aġenzija kkonċernata, li japplikaw fil-każ ta’ pożizzjonijiet vakanti jew fil-każ ta’ trasferimenti interni, tista’ tkun element ta’ politika ta’ ġestjoni tal-persunal partikolarment adattat għan-natura speċjalizzata tal-kompiti mogħtija lill-aġenzija, li jwassluha, fl-interess tas-servizz, li tħeġġeġ lill-membru tal-persunal milqut minn tnaqqis ta’ attività sabiex jipparteċipa f’tali proċeduri sabiex isib impjieg ġdid fi ħdanha. Barra minn hekk, is-sostenn tal-imsemmi membru tal-persunal sabiex jiġi megħjun isib impjieg ġdid fi ħdan l-aġenzija billi jiġu segwiti l-imsemmija proċeduri ta’ għażla standard jista’ jagħmel parti mit-teħid inkunsiderazzjoni tal-interess tal-aġent ikkonċernat u, għaldaqstant, parti mill-osservanza tad-dmir ta’ premura.

      Bl-istess mod, jista’ jkun element rilevanti fl-ibbilanċjar tal-interess tal-aġent u ta’ dak tas-servizz il-fatt li l-awtorità kompetenti tkun eżaminat il-possibbiltajiet ta’ trasferiment tal-membru tal-persunal mhedded bi tkeċċija fi ħdan aġenzija jew istituzzjoni oħra, jew anki l-kuntest partikolari li fih l-aġenziji tal-Unjoni ġeneralment joperaw.

      (ara l-punti 92, 94, 95, 97 u 98)

      Referenza:

      Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 8 ta’ Settembru 2009, ETF vs Landgren, T‑404/06 P, Ġabra p. II‑2841, punti 215 u 216

    Top